Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0626(03)

    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan

    ĠU C 196, 26.6.2014, p. 9–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 196/9


    Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan

    (2014/C 196/07)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u t-Tajwan qed ikunu l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

    1.   Ilment

    L-ilment tressaq fit-13 ta’ Mejju 2014 minn EUROFER (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturili jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal- produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ prodotti tal-metall mgħattan mingħajr tisħin f’fuljetti.

    2.   Il-prodott investigat

    Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa prodotti ta’ azzar inossidabbli rrumblati ċatt, mhux maħdumin iktar ħlief irrumblati fil-kiesaħ (imnaqqsin bla sħana) (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    3.   L-allegazzjoni ta’ dumping

    Il-prodott li allegatament qed ikun l-oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan (“il-pajjiżi ikkonċernati”), li attwalment għandu l-kodiċi(jiet) NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81 u 7220 20 89. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

    Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-ilmentatur stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, f’dan il-każ l-Istati Uniti tal-Amerika. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz ta’ esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar il-prezzijiet domestiċi għat-Tajwan, l-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum (kostijiet tal-manifattura, bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi — SG&A — u profitt) mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġl mill-fabbrika) tal-prodott taħt l-investigazzjoni meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Il-marġini ta’ dumping ikkalkulati fuq din il-bażi huma sinifikanti għaż-żewġ pajjiżi kkonċernati.

    4.   L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità

    L-ilmentatur ressaq evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem fis-suq.

    L-evidenza prima facie li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

    5.   Proċeduri

    Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati hux qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet ta’ dumping ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

    Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna li jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

    5.1.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiżi kkonċernati

    (a)   Kampjunar

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ din in-notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi ikkonċernati, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula biex ikunu fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi ikkonċernati.

    Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”). Mingħajr preġudizzju lejn it-taqsima (b) ta’ hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju peżat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun. (3)

    (b)   Marġini individwali ta’ dumping għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

    Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġini ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni individwali ta’ dummping jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-Kummissjoni se teżamina jekk dawn jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq li jqisu li għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jistgħu jissottomettu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”) (trattament ta’ ekonomija tas-suq) u jibagħtuh lura mimli kif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi speċifikat fit-taqsima 5.1.1.2(b) hawn taħt.

    Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġini ta’ dumping individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma jkunx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    5.1.1.2.   Proċedura addizzjonali marbuta mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    (a)   L-għażla ta’ Pajjiż Terz b’ekonomija tas-suq

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.1.2.2(b) ta’ hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’Pajjiż Terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tagħżel Pajjiż Terz b’ekonomija tas-suq adattata. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lill-Istati Uniti tal-Amerika. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, fornituri oħrajn tal-Unjoni b’ekonomija tas-suq huma, fost l-oħrajn l-Indja, l-Afrika t’Isfel, il-Korea t’Isfel u t-Tajwan. Bil-għan li finalment tagħżel Pajjiż Terz b’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott investigat f’dawk il-Pajjiżi Terzi b’ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li l-produzzjoni tal-prodott investigat qed isseħħ.

    (b)   It-trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    B’konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jistgħu jressqu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”). It-TES jingħata jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (4) jkunu ssodisfati. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ applikazzjoni għat-TES lill-produtturi esportaturi kollha fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula biex ikunu fil-kampjun, u lill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw li jixtiequ japplikaw għal marġni individwali ta’ dumping, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-Kummissjoni se tivvaluta biss il-formoli ta’ talba għal TES sottomessi mill-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun li t-talba tagħhhom għal marġni individwali ta’ dumping ġiet aċċettata.

    Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES jridu jissottomettu formola ta’ talba għal TES mimlija fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.1.2.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (5)  (6)

    Importaturi mhux relatati tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati mal-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

    Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ din in-notifika.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi eżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula li se jkunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.. Dawn il-partijiet iridu jissottomettu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu oġġett ta’ dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u konsegwentement l-impatt ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid tal-kampjuni jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna tad-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jissottomettu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur jridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’ kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

    5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.5.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    5.6.    Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (7).

    Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDANCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut huwa indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma ssirx talba espliċita li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu permezz ta’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 08/020

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Posta Elettronika:

    (a)

    TRADE-AD607-SSCR-DUMPING@ec.europa.eu għandu jintuża mill-produtturi esportaturi, importaturi relatati, l-assoċjazzjonijiet u r-rappreżentanti tagħhom tal-pajjiżi kkonċernati.

    (b)

    TRADE-AD607-SSCR-INJURY@ec.europa.eu għandu jintuża mill-produtturi tal-Unjoni, importaturi mhux relatati, fornituri, utenti, konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni.

    6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jista’ jagħti l-każ li jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati huma għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

    In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jitqiesx bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li l-parti interessata tindika li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitlub jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew kostijiet żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

    7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina mill-ġdid it-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

    It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta ta’ kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

    8.   Skeda tal-investigazzjoni

    L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    9.   Trattament tad-dejta personali

    Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

    (3)  B’konformità mal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġini stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku se jitwarrbu.

    (4)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; (ii) id-ditti għandhom ġabra waħda ċara ta’ rekords kontabilistiċi li jiġu vverifikati indipendentement skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-finijiet kollha; (iii) Ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu kemm ċertezza kif ukoll stabilità ġuridika u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

    (5)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; (d) kull persuna li, direttament jew indirettament, tikkontrolla jew ikollha fil-pussess tagħha, 5 % jew aktar tal-istokks jew l-ishma maħruġa bid-dritt tal-vot jew it-tnejn li huma; (e) waħda minnhom, direttament jew indirettament, tikkontrolla lill-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu, direttament jew indirettament, ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk ulied tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

    (6)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

    (7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS I

    Image Image

    ANNESS II

    Image Image

    Top