Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0619(01)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 187, 19.6.2014, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 187/9


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    2014/C 187/09

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

    APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA’ STG

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

    tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti  (2)

    “SUIKERSTROOP”

    Nru tal-KE: NL-TSG-0007-01203 — 27.1.2014

    1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant

    Isem

    :

    Kenniscentrum suiker & voeding

    Indirizz

    :

    Amsterdamsestraatweg 39a, 3744 MA BAARN

    Telefon

    :

    +31 355433455

    Fax

    :

    +31 355426626

    Posta elettronika

    :

    info@kenniscentrumsuiker.nl

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Il-Pajjiżi l-Baxxi

    3.   Speċifikazzjoni tal-prodott

    3.1.   Isem/ismijiet li għandu/għandhom jiġi/u reġistrat(i) (l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    “Suikerstroop”

    Wara li tkun tlestiet il-proċedura skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, hemm l-intenzjoni li l-kliem “prodott Olandiż tradizzjonali” jidhru fuq it-tikketta fil-lingwa tal-pajjiż li fih se jinbiegħ il-prodott.

    3.2.   Indika jekk l-isem

    hux speċifiku minnu nnifsu

    jesprimi l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    Il-prodott ilu b’dan l-isem għal sekli sħaħ. “Suikerstroop” jiġi mill-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor. L-Artikolu 12 tad-Digriet taz-Zokkor u x-Xropp tal-1977 (Att tal-Komoditajiet) jistipula li: “L-isem ‘suikerstroop’, li fejn jixraq jiġi preċedut mill-isem tal-pjanta li l-prodott ikun magħmul minnha, għandu u jista” jintuża biss biex jiddeskrivi l-likwidu xropp miksub mill-massekit tal-pjanta li minnha jsir il-prodott wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor...’. Ma hemmx prodotti oħra bl-istess isem jew prodotti simili bl-istess isem.

    3.3.   Indika jekk it-talba għar-riserva tal-isem hux qed issir skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

    Reġistrazzjoni bir-riserva tal-isem

    Reġistrazzjoni mingħajr ir-riserva tal-isem

    3.4.   Tip ta’ prodott

    Klassi 2.3: Ħelu, ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u xogħol ieħor tal-furnar

    3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem fil-punt 3.1. (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

    “Suikerstroop” huwa l-likwidu xropp li jirriżulta mill-massekit tal-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela li minnu jsir il-prodott wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor. Dan il-likwidu għandu kontenut tal-estratt ta’ mill-inqas 80 %, kontenut minerali ta’ mhux iktar minn 4,0 % u purezza apparenti ta’ mill-inqas 73 %. Il-kontenut għoli ta’ materja niexfa tal-prodott flimkien mal-konċentrazzjoni għolja tiegħu taz-zokkor (iktar minn 60 g għal kull 100 g) ifisser li jibqa tajjeb għal żmien twil. Iz-zokkor jiżgura li hemm disponibbiltà baxxa ta’ “ilma liberu” li jfisser li ma jistgħux jiżviluppaw mikroorganiżmi.

    Il-prodott għandu l-karatteristiċi speċifiċi li ġejjin:

     

    Kulur

    Grad Brix (3)

    Zokkor totali

    “Suikerstroop”

    2 000 - 30 000 IU (4)

    min. 79°

    min. 70 %

    Karatteristiċi fiżiċi

    “Suikerstroop” huwa likwidu xropp li jwaħħal, magħqud, viskuż, kannella skur. Fih kwantità kbira ta’ zokkor (mill-inqas 70 %).

    Karatteristiċi kimiċi

    “Suikerstroop” għandu purezza apparenti ta’ mill-inqas 73 %. Il-kontenut tal-estratt għandu jkun mill-inqas 80 % u l-kontenut minerali ta’ “suikerstroop” ma għandux ikun ogħla minn 4 %.

    Karatteristiċi organolettiċi

    “Suikerstroop” għandu togħma ħelwa/mielħa u daqsxejn morra. Il-ħlewwa tiġi mill-kontenut għoli ta’ zokkor u t-togħma mielħa mill-minerali u komponenti oħrajn (li jdubu) tal-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela li jinsabu fix-xropp b’riżultat tal-proċess tal-produzzjoni.

    3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni li japplika għall-isem skont il-punt 3.1

    Il-materja prima ta’ “suikerstroop” hija likwidu xropp li jibqa wara l-produzzjoni taz-zokkor mill-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor.

    Matul il-produzzjoni taz-zokkor granulat, il-proċess ta’ estrazzjoni jinvolvi t-tidwib taz-zokkor mill-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela fl-ilma. Komponenti - li jdubu fl-ilma - oħrajn (mhux zokkor) mill-pitrava zokkrija jew iz-zokkor tal-kannamiela jdubu wkoll.

    Dan l-estratt jiġi ppurifikat, ridott u kristallizzat. Wara li s-soluzzjoni taz-zokkor miksuba b’dan il-mod tikkristallizza, il-kristalli taz-zokkor jiġu estratti. Dak li mhux zokkor ma jinġabarx mas-soluzzjoni taz-zokkor li jifdal, li hija magħrufa wkoll bħala l-likur tal-mamma (jew ix-xropp, xropp oriġinali). Il-likur tal-mamma jkun għad fih ħafna zokkor imdewweb (madwar 85 %). Sabiex iz-zokkor li jkun għadu mdewweb jikkristallizza, il-likur tal-mamma jiġi ridott għal darb’oħra sakemm il-kristalli taz-zokkor jerġgħu jibdew jiffurmaw. Għal darb’oħra dawn il-kristalli jiġu estratti. Ix-xropp li jifdal huwa magħruf bħala xropp B u fih madwar 75 % zokkor (abbażi tal-materja niexfa) u relattivament livelli ogħla ta’ materjali li mhumiex zokkor. Ix-xropp B huwa l-materja prima użata għall-produzzjoni ta’ “suikerstroop”.

    Ix-xropp B jtferra’ f’tank tat-taħlit biex jitneħħew l-impuritajiet. Il-materja prima tiġi trattata bil-karbonju attiv, li jassorbi l-impuritajiet, li jitneħħew permezz tal-filtrazzjoni flimkien mal-karbonju. Ix-xropp B miksub huwa l-ingredjent prinċipali ta’ “suikerstroop”. Ma’ din is-soluzzjoni purifikata tax-xropp B (soluzzjoni ta’ zokkor fl-ilma) jiżdied iz-zokkor u/jew iz-zokkor invers (xropp) sabiex ikun konformi mal-karatteristiċi msemmija fil-punt 3.5. Iz-zokkor invers (xropp) huwa xropp miksub permezz tas-separazzjoni taz-zokkor (sukrożju) fi glukożju u fruttożju. Ix-xropp B purifikat, is-soluzzjoni taz-zokkor u/jew iz-zokkor invers (xropp) jitħalltu biex jiffurmaw massa omoġenja.

    Sabiex jinkiseb “suikerstroop” skont il-kompożizzjoni deskritta fil-punt 3.5., din il-massa ta’ xropp omoġenja tiġi evaporata f’vakwu sakemm jinkiseb il-valur tal-grad Brix mixtieq (mill-inqas 79°Brix).

    Ix-xropp jinħażen f’tankijiet tal-ħażna, li minnhom jitferra’ f’diversi tipi ta’ pakketti.

    3.7.   Karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

    Il-karattru speċifiku ta’ “suikerstroop” jirriżulta mill-fatt li l-kwalitajiet tiegħu huma differenti ferm minn tipi oħra ta’ xropp bħax-xropp tat-tuffieħ jew tal-lanġas iżda wkoll mill-melassa minħabba l-karatteristiċi li ġejjin:

    Materja prima

    “Suikerstroop” jingħaraf mill-fatt li x-xropp huwa derivat 100 % mill-pitrava zokkrija/zokkor tal-kannamiela.

    Kompożizzjoni taz-zokkor

    Ix-xropp ftit li xejn fih karboidrati apparti mis-surkrożju u z-zokkor invers minħabba l-fatt li ġej 100 % mill-pitrava zokkrija/zokkor tal-kannamiela. Il-kontenut taz-zokkor huwa mill-inqas 70 % (ara l-karatteristiċi wkoll imsemmija taħt il-punt 3.5). Dan jiddistingwi wkoll ix-xropp mill-melassa, fejn il-kontenut taz-zokkor huwa inqas minn 68 %.

    Togħma

    Il-materjali li “mhumiex zokkor” fil-materja prima jagħtu lil “suikerstroop” togħma mielħa u daqsxejn morra. Din tikkombina mal-kontenut għoli ta’ zokkor biex tipproduċi togħma ħelwa/mielħa u aroma li huma uniċi meta mqabbla ma’ tipi oħrajn ta’ xropp.

    3.8.   Karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

    L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li l-prodott huwa karatterizzat minn metodu tradizzjonali tal-produzzjoni u kompożizzjoni tradizzjonali.

    Metodu tradizzjonali tal-produzzjoni

    Sa mill-bidu tas-seklu 17 “suikerstroop” kien isir bl-idejn, iżda fl-1908 beda jsir b’metodu industrijali fil-fabbrika. Il-metodu tal-produzzjoni tal-fabbrika ma nbidilx minn dak iż-żmien, għalkemm il-proċess tal-produzzjoni tjieb, ġie ssimplifikat u iktar mekkanizzat. Il-fabbriki (li nbenew fil-bidu tal-20 seklu, madwar l-1910) għadhom joperaw. Hekk kif it-teknoloġija avvanzat dawn ġew modernizzati internament.

    Is-sekli 17, 18 u 19

    Storikament “suikerstroop” huwa prodott sekondarju tal-irfinar taz-zokkor. De Suikerraffinadeur [L-irfinatur taz-zokkor] minn J.H. Resig, li jmur lura għall-1783, jiddeskrivi kif ix-xropp kien jinġabar fil-laned tal-qtar matul il-produzzjoni tal-ħbejżiet taz-zokkor. Matul il-proċess tal-kristallizzazzjoni, il-massekit taz-zokkor purifikat (viskuż) kien jitferra’ fil-forom tal-ħbejżiet taz-zokkor. Il-forom wara kienu jitħallew fuq il-laned tal-qtar għal jumejn. Ix-xropp li kien jinġabar kien jissejjaħ xropp mikxuf. Il-ħbejżiet wara kienu jiġu mgħottija bit-tafal imxarrab (li kien iqanqal il-proċess tal-kristallizzazzjoni u ma jitħallewx idubu) u jerġgħu jitpoġġew fuq il-laned. L-ilma kien jitferra’ bil-mod fuq il-wiċċ u li bil-mod kien jissaffa ġewwa l-ħbejża. Ix-xropp prodott b’dan il-mod kien magħruf bħala x-xropp mgħotti. Wara kien jitneħħa l-għatu (tafal niexef), u l-ħbejżiet taz-zokkor kienu jitħallew joqgħodu għal ftit jiem, fejn wara kienu jiġu mogħtija b’saff ta’ tafal irqaq u jitpoġġew lura fuq il-laned tal-qtar qabel ma jerġa jitferra’ l-ilma fuqhom. Ix-xropp li kien jirriżulta kien magħruf bħala xropp tal-aħħar filtrazzjoni (l-iktar pur).

    Mill-20 seklu sal-lum

    Minħabba li l-progress fit-teknoloġija (industrijalizzazzjoni) irriżulta f’żieda fil-kwantità ta’ zokkor granulat li jista’ jinkiseb matul il-proċess tal-produzzjoni, il-melado/melassa (xropp), fihom iktar materjal li mhux zokkor u inqas zokkor (il-kontenut totali taz-zokkor huwa inqas minn 68 %, u għalhekk il-purezza apparenti hija inqas minn 73 %). L-akkumulazzjoni tal-impuritajiet (minħabba l-effiċjenza tal-proċess industrijali tal-produzzjoni) ukoll tagħmel ix-xropp b’togħma differenti ħafna, ħafna iktar mielaħ mix-xropp tal-aħħar filtrazzjoni tal-passat (ix-xropp tal-aħħar miksub fil-proċess tal-produzzjoni manwali). Madankollu, minħabba l-fatt li kien għad hemm domanada għal “suikerstroop”, dan beda jiġi prodott apposta. Il-proċess tal-produzzjoni ġie żviluppat madwar is-sena 1900 (ara d-deskrizzjoni fil-punt 3.6.) u fl-1908 il-prodott beda jsir bil-mod li jsir illum.

    Ħarsa ġenerali tal-metodu tal-produzzjoni fl-1908 u llum:

    Metodu tal-produzzjoni (kif deskritt fil-punt 3.6.)

    1908

    Illum

    Ix-xropp B miksub mill-produzzjoni taz-zokkor miz-zokkor tal-kannamiela jew mill-pitrava zokkrija jikkostitwixxi l-materja prima

    X

    X

    Purifikazzjoni tax-xropp B permezz tal-karbonju attiv

    X

    X

    Soluzzjoni taz-zokkor u/jew xropp taz-zokkor invers miżjud f’konformità mar-riċetta

    X

    X

    Jitħallat biex isir massa omoġenja

    X

    X

    Evaporazzjoni permezz ta’ tisħin sakemm tinkiseb il-materja niexfa mixtieqa

    X

    X

    Kompożizzjoni tradizzjonali

    “Suikerstroop” huwa tradizzjonalment magħmul mill-karboidrati tas-sukrożju u z-zokkor invers, li jiġu miz-zokkor tal-kannamiela jew il-pitrava zokkrija.

    Il-kompożizzjoni ta’ “suikerstroop” tal-lum, li r-rekwiżiti tiegħu huma deskritti fil-punt 3.9., hija l-istess bħal dik stipulata fid-Digriet taz-Zokkor u x-Xropp (l-Att tal-Komoditajiet) tal-1977.

    Id-Digriet taz-Zokkor u x-Xropp (l-Att tal-Komoditajiet) tal-1977 jiddeskrivi l-kompożizzjoni bħala xropp likwidu miksub mill-massekit tal-pjanta li minnha jsir il-prodott wara l-estrazzjoni tal-kristalli taz-zokkor. Barra minn hekk, il-kontenut tal-estratt kellu jkun ta’ mill-inqas 80 % u l-purezza apparenti 73 %. Il-kontenut minerali massimu kien 4,0 %. Il-karatteristiċi ewlenin tal-kompożizzjoni ma nbidlux u huma identiċi għar-rekwiżiti għall-kompożizzjoni ta’ “suikerstroop” tal-lum, kif deskritt fil-punt 3.5.

    Użu tradizzjonali

    “Suikerstroop” huwa ingredjent użat ħafna fil-platti tradizzjonali. Is-serje Streekgerechten en wetenswaardigheden ta’ Jo van Lamoen, 1987–88, turi li “suikerstroop” jintuża f’ħafna riċetti lokali, bħal Groningse kruidkoek, Limburgse zoervleisj, Drentse proemenkreuze, Zeeuwse boterbabbelaars u l-fażola kannella bit-tuffieħ. Hemm ukoll ħafna riċetti li jużaw “suikerstroop” f’Het kookboek van de Amsterdamse huishoudschool ta’ C.J. Wannée, is-6 edizzjoni, datat 1910. Eżempji ta’ dawn huma boluskoek u stroopmoppen, u stroopsaus li huwa zalza magħmula minn “suikerstroop” kien kontorn rakkomandat għal ħafna riċetti, għaliex ħafna mill-platti tradizzjonali Olandiżi spiss kienu jkunu bla togħma.

    3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri għall-verifika tal-karattru speċifiku

    Il-karattru speċifiku ta’ “suikerstroop” jista’ jiġi ttestjat abbażi tar-rekwiżiti minimi li jistgħu jitkejlu, fejn iridu jiġu sodisfatti l-karatteristiċi tax-xropp imsemmija fil-punt 3.5. (kulur, brix u zokkor totali). Il-produttur jikkontrolla li r-rekwiżiti jiġu sodisfatti f’kull kunsinna prodotta (matul kull produzzjoni).

    Nederlandse Voedsel en Waren Autoriteit (NVWA - l-Awtorità Olandiża tas-Sikurezza tal-Ikel u l-Prodotti tal-Konsum) tivverifika dan billi tagħmel monitoraġġ tal-kontrolli. NVWA twettaq verifika amministrattiva fuq il-post fuq il-produtturi tal-inqas darba fis-sena billi tikkontrolla d-dejta maħżuna fir-rigward tal-kulur, valur brix u l-kontenut totali taz-zokkor (imkejjel mill-produttur għal kull kunsinna prodotta u maħżuna diġitalment)

    4.   Awtoritajiet jew korpi li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    4.1.   Isem u indirizz

    Isem

    :

    Nederlandse Voedsel en Waren Autoriteit

    Indirizz

    :

    Catharijnesingel 59, 3511 GG UTRECHT

    Tel

    :

    +31 882233333

    Posta elettronika

    :

    info@vwa.nl

    Pubblika

    Privata

    4.2.   Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entitá

    Nederlandse Voedsel en Waren Autoriteit hija responsabbli mill-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal “suikerstroop”.


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Kejl tal-konċentrazzjoni tas-solidi mdewba (f’dan il-każ zokkor) f’soluzzjoni tal-ilma determinata bl-użu ta’ refrattometru.

    (4)  ICUMSA (International Commission for Uniform Methods of Sugar Analysis) Units. Iżjed ma jkun għoli l-IU, iżjed ma jkun skur il-kulur.

    Dan huwa kejl indirett tal-purezza.


    Top