This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IR8068
Opinion of the Committee of the Regions — Affordable Energy for All
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija affordabbli għal kulħadd
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija affordabbli għal kulħadd
ĠU C 174, 7.6.2014, p. 15–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 174/15 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Enerġija affordabbli għal kulħadd
2014/C 174/04
Relatur |
Is-Sur Illedits, Membru tal-Landtag ta' Burgenland (PSE/AT) |
Dokument ta' referenza |
Ittra mill-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2013 |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jinnota li l-faqar enerġetiku diġà jolqot lil partijiet kbar mill-popolazzjoni Ewropea, u jenfasizza li hemm bżonn ta' miżuri effikaċi fuq perjodu qasir, medju u twil ta' żmien li jillimitaw u jnaqqsu l-faqar enerġetiku, li għandu impatt dirett fuq is-saħħa pubblika u fuq il-kwalità ta' ħajjet iċ-ċittadini; |
2. |
jiġbed l-attenzjoni li d-distakk bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żieda fid-dħul qiegħed dejjem jikber, u jisħaq li dan joħloq ir-riskju li l-faqar enerġetiku jibda jinfirex b'mod kontinwu fl-Istati Membri kollha tal-UE; |
3. |
jitlob, għalhekk, li jittieħdu miżuri b'għanijiet sew għal perjodu qasir ta' żmien (eż. assistenza ta' emerġenza f'sitwazzjonijiet estremi) u sew għal perjodu medju u twil ta' żmien, bħall-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, il-bidla lejn sistemi tal-enerġija sostenibbli, il-produzzjoni lokali tal-enerġija rinnovabbli u l-użu ottimu tal-ħtiġijiet għall-ivvjaġġar; |
4. |
jinnota li fid-dibattiti tal-UE l-faqar enerġetiku sikwit ikun sempliċement ridott għad-diffikultà biex jitħallsu l-ispejjeż tat-tisħin (“fuel poverty”), li hu kunċett definit b'mod iktar dejjaq, madankollu, il-faqar enerġetiku huwa aktar komprensiv għax il-bżonnijiet tal-enerġija għall-komunikazzjoni, il-mobbiltà u l-iġjene, li huma kollha meħtieġa biex jippermettu l-parteċipazzjoni soċjali, għandhom ilkoll jibqgħu affordabbli. Il-familji u d-djar jinsabu marsusin bejn dħul dejjem aktar baxx u kontijiet tal-enerġija dejjem aktar għaljin, u dan iwassalhom biex jew ma jkunux jistgħu jsaħħnu biżżejjed il-post fejn joqogħdu, jew jaqilbu għal sorsi tal-enerġija ta' kwalità inferjuri li spiss ikunu ta' ħsara għas-saħħa u l-ambjent, jew inkella jkollhom jiddejnu; dan jillimita l-possibbiltà tagħhom biex jivvjaġġaw; |
5. |
jemmen li l-faqar enerġetiku għandu jiġi kkunsidrat l-ewwel u qabel kollox bħala aspett ta' faqar inġenerali u jiġi indirizzat l-iżjed permezz ta' politiki nazzjonali u tal-UE dwar l-impjieg, il-kwistjonijiet soċjali, il-kompetizzjoni, l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni, u għandhom jiġu previsti miżuri korrispondenti f'koordinazzjoni mal-livell tal-UE. Madankollu, peress li l-UE għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri fil-qasam tal-enerġija u tadotta wkoll miżuri ta' politika f'oqsma oħra (is-suq intern, it-tibdil fil-klima, eċċ) li jaffettwaw il-prezzijiet tal-enerġija u l-aċċess għall-enerġija hemm ħafna argumenti tajbin biex il-faqar enerġetiku jiġi indirizzat b'mod speċifiku fi ħdan il-politika tal-enerġija. |
Biex tiġi garantita provvista tal-enerġija affordabbli, l-UE għandha l-ewwel tiżgura li s-suq tal-enerġija jkollu provvista adegwata, li tissielet kontra l-ħolqien u l-abbuż ta' monopolji u li l-metodi sabiex tiġi promossa t-tranżizzjoni tal-enerġija jkunu kosteffettivi u ma jgħollux il-prezzijiet bla bżonn; jenfasizza li politika effettiva tal-UE dwar l-enerġija u l-ambjent hija kompletament kompatibbli ma' politika industrijali deċisiva u mal-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji Ewropej;
6. |
huwa tal-fehma, għalhekk, li hemm bżonn titfassal definizzjoni tal-“faqar enerġetiku” fil-livell Ewropew sabiex, minn naħa waħda, jiżdied l-għarfien dwar il-problema fil-livell politiku u, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata ċertezza legali dwar miżuri kontra l-faqar enerġetiku; definizzjoni bħal din għandha tkun flessibbli fid-dawl taċ-ċirkustanzi li jvarjaw fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħhom, u b'hekk tkun tkopri s-sistemi tal-enerġija, il-livelli ta' introjtu u l-istrutturi soċjali differenti f'partijiet differenti tal-UE; |
7. |
f'dan il-kuntest, jissuġġerixxi, bħala l-bażi għal diskussjoni, l-introduzzjoni ta' definizzjoni kwantitattiva tal-“faqar enerġetiku” li tkun ibbażata, pereżempju, fuq limitu massimu madwar l-UE kollha għall-porzjon mid-dħul tad-djar li jintefaq fuq l-enerġija; kriterji oħra li jistgħu jiddaħħlu f'definizzjoni bħal din jistgħu jkunu, pereżempju, “dritt għal aċċess għal servizzi tal-enerġija adatti”, jew limitu għall-“akkomodazzjoni deċenti”; |
8. |
jinnota li minkejja l-pressjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u partijiet interessati oħra, il-Kummissjoni Ewropea s'issa għadha ma indirizzatx biżżejjed il-faqar enerġetiku bħala sfida politika rilevanti; |
9. |
jisħaq li fost il-fatturi ta' riskju diretti b'rabta mal-faqar enerġetiku nsibu, minn banda, il-livelli baxxi tad-dħul u tas-sigurtà soċjali (speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda) u, mill-banda l-oħra, l-effetti li jħallu l-miżuri ta' awsterità (fosthom fl-Istati Membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa). Fattur ta' riskju indirett li jżid il-faqar enerġetiku hu li l-medja taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija hi ogħla minn dik taż-żieda fid-dħul tad-djar, u għalhekk l-għadd ta' nies milqutin mill-faqar enerġetiku qiegħed dejjem jikber; |
10. |
jitlob, għalhekk, lill-UE tieħu minnufih miżuri li jappoġġjaw lill-aktar ekonomiji reġjonali vulnerabbli, speċjalment fir-reġjuni ta' konverġenza, meta jiġu biex jindirizzaw id-diffikultajiet marbutin maż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija f'kuntest fejn id-dħul ftit li xejn qed jiżdied, huwa staġnat, jew saħansitra qed jonqos għal ħafna gruppi tal-popolazzjoni; |
11. |
f'dak il-kuntest, jappella għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija tal-UE li għandu l-għan ta' provvista ta' enerġija sigura u sostenibbli biex il-prezzijiet jinżammu baxxi kemm jista' jkun; jeħtieġ aktar investiment fil-grilji tad-distribuzzjoni, l-infrastruttura tat-trażmissjoni, l-interkonnessjonijiet u l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti; |
12. |
jinnota li f'dan il-kuntest is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandhom jiġu żviluppati u kummerċjalizzati b'mod kemm jista' jkun kosteffiċjenti. F'każ li jkun hemm kwoti obbligatorji għall-enerġija rinnovabbli, il-fornituri tal-enerġija għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu huma stess kif jinvestu fl-enerġija mir-riħ, fl-enerġija solari, fil-bijomassa jew f'riżorsi oħra. Dan ifisser li għandha tkun fid-diskrezzjoni tal-fornituri tal-muniċipalità li jagħżlu l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża għall-enerġija nadifa tagħhom. It-twaqqif ta' kooperattivi jew organizzazzjonijiet simili għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hu, pereżempju, mod tajjeb ieħor kif il-ħtiġijiet tal-konsumaturi jitpoġġew fl-ewwel post; |
13. |
huwa tal-fehma li fil-futur l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE għall-finanzjament relatat mal-enerġija għandu jagħti prijorità lill-proġetti intiżi biex inaqqsu l-użu tal-karburanti fossili u nukleari u joħolqu tranżizzjoni għal sorsi oħra tal-enerġija kif ukoll li jelimina l-faqar enerġetiku; u jitlob lill Kummissjoni Ewropea biex iżżomm dan l-għan f'moħħha fit-tfassil tal-programmi rilevanti; |
14. |
jappella, għalhekk, li jkun hemm politika li tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija billi żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u billi tiffoka l-provvista tal-enerġija fuq sorsi tal-enerġija aktar lokali. |
15. |
huwa tal-fehma li meta tkun qed tiġi ppjanata l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss id-djar iżda wkoll is-setturi tal-konsum iżjed vulnerabbli; |
L-isfidi klimatiċi u soċjali għandhom jiġu indirizzati b'mod konġunt, minflok ma jkomplu jiġu sussidjati l-karburanti fossili.
16. |
jiġbed l-attenzjoni li l-kwistjoni tal-enerġija affordabbli qed issir prijorità politika ġdida madwar id-dinja kollha, minkejja l-konsegwenzi fuq il-klima. Mal-ewwel daqqa t'għajn, il-fondi meħtieġa għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u d-domanda għall-enerġija affordabbli jidhru li qed jiġbdu ħbula differenti; |
17. |
madankollu, jinnota li l-ispejjeż soċjali u ekoloġiċi (anke dawk inċidentali) tal-karburanti fossili u tal-enerġija nukleari josbqu bil-kbir l-ispejjeż l-oħra kollha tal-enerġija. Ħafna minn dawn l-ispejjeż, però, ma jiġux riflessi fis-swieq u fil-prezzijiet; |
18. |
jindika li s'issa l-bosta vantaġġi tas-sistemi tad-distribuzzjoni intelliġenti li jikkombinaw diversi sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-ġestjoni tal-enerġija rinnovabbli min-naħa tad-domanda kif ukoll l-investimenti fl-użu effiċjenti tal-enerġija ftit li xejn jiġu kkunsidrati min-naħa ta' dawk responsabbli mill-politika fil-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri; |
19. |
jenfasizza li m'hemm l-ebda raġuni għaliex in-nies milqutin mill-faqar enerġetiku għandhom jikkompetu kontra konsumaturi oħra. M'hemm l-ebda kunflitt li ma jistax jingħeleb bejn l-appoġġ tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, iżda, għall-kuntrarju, iż-żewġ tipi ta' miżuri jikkumplementaw lil xulxin; |
20. |
jieħu nota tal-kunsiderazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-elementi li jinfluwenzaw il-prezzijiet tal-enerġija u jinnota li hemm numru ta' fatturi oħra li qed jikkawżaw il-problema tal-enerġija affordabbli. F'kull każ però, huwa fatt stabbilit li l-investiment lokali u reġjonali fl-użu effiċjenti tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli jista' joħloq l-impjiegi u jista' jnaqqas, għall-inqas f'perjodu medju ta' żmien, il-faqar enerġetiku; |
L-impatt tal-faqar enerġetiku
21. |
jinsab imħasseb dwar il-fatt li fl-UE l-prezzijiet tal-elettriku għad-djar u l-intrapriżi żdiedu b'medja ta' 29 % bejn l-2005 u l-2011. Fl-istess perjodu, il-prezzijiet tal-elettriku fl-Istati Uniti żdiedu b'5 % biss, u fil-Ġappun terġa' u tgħid b'1 % biss; jinnota li matul l-istess perjodu, il-prezz tal-barmil żejt irdoppja fis-swieq internazzjonali u dan żdied b'erba' darbiet bejn l-2001 u l-2011; |
22. |
jixtieq jenfasizza li huma b'mod partikolari l-Istati Membri l-ġodda u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa milqutin mill-kriżi li qed jiffaċċjaw it-theddida ta' aktar faqar enerġetiku. Id-distakk bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żieda fid-dħul kompla jikber, il-faqar b'mod globali kompla jiżdied u fil-bidu ma tteħdux miżuri biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar li kienu qed jiddeterjoraw malajr u l-infrastruttura tal-enerġija; minħabba f'hekk il-problema tal-faqar enerġetiku intant laħqet lil partijiet kbar mill-popolazzjoni; |
23. |
jenfasizza, f'dan il-kuntest, li bejn 50 u 125 miljun persuna fl-Ewropa huma milqutin mill-faqar enerġetiku. Fil-Bulgarija, il-Portugall, il-Litwanja, ir-Rumanija, Ċipru, il-Latvja u Malta, 30 % tal-popolazzjoni diġà ma jistgħux isaħħnu d-djar tagħhom b'mod adegwat u jridu jħallsu kontijiet tal-enerġija għoljin b'mod sproporzjonat. Dawn l-istess problemi, issa, qed jiffaċċjawhom ukoll 20 % tan-nies fil-Greċja, il-Polonja, l-Italja, l-Ungerija u Spanja. Minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija qed jogħlew b'mod qawwi (meta mqabbla mal-evoluzzjoni tad-dħul), hemm il-biża' li l-faqar enerġetiku jolqot lil partijiet oħra mill-popolazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea; |
24. |
jaqbel, għalhekk, li l-faqar enerġetiku hu indikatur tal-privazzjoni materjali li jista' jitkejjel fis-sondaġġi dwar id-dħul, l-inklużjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, pereżempju permezz tal-mistoqsija “taffordja ssaħħan id-dar tiegħek b'mod adegwat?” (Eurostat, 2012) u “tistgħu tassiguraw il-ħtiġijiet tagħkom ta' vjaġġar?”; |
25. |
għalhekk, huwa kuntent li d-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u tal-gass naturali rispettivament jappellaw biex l-Istati Membri, fost affarijiet oħrajn, jiddefinixxu l-kunċett ta' “konsumaturi vulnerabbli”. Sabiex is-sitwazzjoni tal-faqar enerġetiku fl-Ewropa tiġi evalwata bl-aħjar mod possibbli, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona wkoll li jkun hemm definizzjoni Ewropea uniformi tal-faqar enerġetiku u li tiġi armonizzata l-istatistika eżistenti; |
26. |
jaqbel ukoll li n-numru ta' djar milqutin mill-faqar enerġetiku jista' jikber, u jipproponi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jiddefinixxu l-kunċett ta' “konsumaturi vulnerabbli”; |
L-involviment tal-livell lokali u reġjonali
27. |
ifakkar li wieħed mill-kompiti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa li joffru pariri imparzjali lir-residenti lokali dwar kif jistgħu jużaw l-enerġija b'mod iżjed effiċjenti fi djarhom. Din il-miżura tippromovi l-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi marbutin mal-bini, permezz tat-tibdil tal-attivitajiet tagħhom bil-għan li titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tar-residenzi eżistenti, u b'hekk jitnaqqsu r-rati tal-faqar enerġetiku u tal-emissjonijiet tas-CO2 u tiġi promossa l-innovazzjoni teknoloġika; |
28. |
jinnota wkoll li minħabba d-differenzi soċjali u ġeografiċi kbar relatati mal-faqar enerġetiku fl-UE, fil-prattika l-miżuri l-aħjar jiġu implimentati fil-livell lokali; |
29. |
jindika li l-analiżi tar-riskju tal-faqar enerġetiku fil-livell reġjonali tagħti stampa ħafna aktar informattiva tal-inugwaljanzi soċjali fl-Ewropa mill-istudji fil-livell nazzjonali. Abbażi tal-istandard tal-kapaċità tal-akkwist (SKA), li jqis livelli ta' prezzijiet differenti, 100 kWh elettriku pereżempju fil-Bulgarija jiswa medja ta' 17,07 SKA filwaqt li fir-Renju Unit iqum 15,37 SKA. Id-distakk bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana u bejn il-Lvant u l-Punent kien diġà jeżisti fl-Unjoni Ewropea qabel il-kriżi fl-2005, iżda minn dak iż-żmien 'l hawn kompla jikber; |
30. |
jisħaq, għalhekk, li l-appoġġ għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tad-djar huwa importanti immens sew biex jingħeleb il-faqar b'mod ġenerali u sew biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Barra minn dan, id-djar li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti jkunu ppreparati aħjar għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fil-futur; |
31. |
huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu promossi kampanji ta' sensibilizzazzjoni fil-livell lokali u reġjonali bl-appoġġ f'waqtu tal-istituzzjonijiet Ewropej bil-għan li ċ-ċittadini jitħeġġu jadottaw imġiba li tikkontribwixxi għall-iffrankar tal-enerġija; |
32. |
jiġbed l-attenzjoni għall-impatt tal-ispiża tal-enerġija meħtieġa għall-ivvjaġġar, li hija wkoll fattur tad-diffikultà biex jitħallsu l-ispejjeż tat-tisħin. Dan għandu jwassal għal politika ta' ġestjoni tat-territorju fuq perjodu twil bil-għan li jitnaqqsu dawn il-ħtiġijiet ta' vjaġġar u jiġu offruti, fejn ikun possibbli, modi ta' vjaġġar li jaħlu inqas enerġija; |
Perspettiva tal-konsumatur aktar ċara fl-implimentazzjoni tal-politika tal-enerġija
33. |
jitlob, għalhekk, li l-UE tirsisti biex l-inivjattivi bbażati fuq is-suq, li joħolqu r-riskju li jiġu sfruttati l-konsumaturi vulnerabbli tal-enerġija, ikunu dejjem akkumpanjati minn miżuri tal-politika soċjali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex it-taxxi, l-imposti u t-tariffi u b'hekk il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu kemm jista' jkun baxxi matul il-katina kollha tal-valur mill-produtturi sal-konsumaturi tal-enerġija; |
34. |
jappella wkoll li l-konsumaturi ma jkunux imġiegħla jħallsu prezzijiet mhux xierqa, pereżempju minħabba ż-żieda fl-imposti fuq l-enerġija rinnovabbli, speċjalment meta ħafna drabi ma titpoġġiex enerġija rinnovabbli fin-netwerk. U lanqas m'għandhom jintalbu jikkumpensaw għall-profitti li jitilfu l-industriji li jużaw ħafna enerġija minħabba, fost affarijiet oħra, li l-produzzjoni titwaqqaf sabiex tiġi protetta l-infrastruttura tan-netwerk; |
Flimkien mal-esiġenza li l-konsumaturi vulnerabbli ma jispiċċawx mingħajr provvista tal-enerġija għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:
35. |
jipproponi, għalhekk, li jiġu implimentati programmi li jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini għall-konsumaturi vulnerabbli, sabiex l-ispejjeż tal-enerġija jonqsu għal żmien twil (pereżempju permezz tal-ħolqien ta' pjan ta' finanzjament għall-immodernizzar tat-teknoloġija użata fis-sistemi tat-tisħin distrettwali u tal-elementi kollha li jipproduċu jew jittrasformaw l-enerġija fi sħana jew it-titjib tal-iżolament tal-bini). Flimkien ma' dawn il-programmi għandu jkun hemm ukoll appoġġ għall-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-enerġija li jkunu maħsuba l-aktar għall-użu individwali (ilma sħun permezz ta' pannelli solari termiċi, elettriku permezz ta' pannelli fotovoltajċi żgħar). B'dan il-mod, minbarra li tonqos id-domanda għall-enerġija, tiġi prodotta wkoll l-enerġija rinnovabbli u dan inaqqas id-dipendenza mill-karburanti fossili li ħafna minnhom ikunu importati; |
36. |
iħeġġeġ li jiġu implimentati minnufih programmi li jipprovdu pariri dwar l-enerġija u li jappoġġjaw il-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li finanzjarjament mhumiex għaljin iżda li għandhom effett tajjeb (bħall-adattament tal-imġiba, l-użu ta' tagħmir effiċjenti fl-użu tal-enerġija jew l-issiġillar tal-bibien u t-twieqi) u jiġi previst appoġġ speċifiku għall-familji li jinsabu f'sitwazzjoni ta' faqar enerġetiku; |
37. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jiġi żgurat li l-aċċess għall-enerġija rinnovabbli prodotta permezz ta' installazzjonijiet għall-awtoproduzzjoni tal-enerġija, kemm dawk individwali kif ukoll dawk kollettivi u reġjonali, ikun iżjed faċli u rħis minn dak tal-enerġija importata. Jeħtieġ li jiġi previst qafas legali ġenerali li jiggarantixxi li l-popolazzjoni lokali tkun tista' tibbenefika minn proġetti tal-produzzjoni tal-enerġija mnedija u operati mir-residenti; |
38. |
jitlob li jingħata appoġġ soċjali għad-djar milqutin mill-faqar enerġetiku (jiġifieri li jħallsu aktar minn 10 % tad-dħul tagħhom għall-elettriku u t-tisħin), iżda fl-istess ħin dawn id-djar għandhom jiġu mħeġġa jużaw l-enerġija b'mod iżjed effiċjenti; |
39. |
jipproponi wkoll li jittieħdu miżuri oħra ta' appoġġ, bħat-“tariffi tas-salvataġġ” (“lifeline tariffs”), li joffru rati aktar baxxi għall-inqas fil-każ tal-enerġija bażika meħtieġa, sabiex jiġu evitati l-iżvantaġġi finanzjarji għall-konsumaturi foqra li ftit jużaw enerġija; |
40. |
jappoġġja l-isforzi biex jiġi introdott limitu massimu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija bil-għan li jingħeleb il-faqar enerġetiku u li l-prezzijiet tal-enerġija għat-tisħin jinżammu taħt il-livell tal-karburanti fossili, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-bidla mill-enerġija tat-tisħin ġenerata bil-bojlers tal-gass, iż-żejt jew il-faħam lejn l-impjanti tal-koġenerazzjoni tal-elettriku u s-sħana jew lejn l-inċineraturi tal-bijomassa jew il-pompi tas-sħana effiċjenti ħafna fil-livell lokali, li lkoll jistgħu jiġu operati bl-enerġija rinnovabbli reġjonali; |
41. |
jemmen li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex min jaqla' ftit flus, bħalma jiġri fil-każ tal-ħelsien mit-taxxa fuq ix-xogħol, ma jħallasx taxxa fuq l-enerġija jew inkella jħallas biss taxxa żgħira. |
Brussell, 2 ta' April 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO