Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0171

    Kawża T-171/14: Rikors ippreżentat fl- 20 ta’ Marzu 2014 – Léon Van Parys vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 151, 19.5.2014, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 151/28


    Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2014 – Léon Van Parys vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-171/14)

    2014/C 151/36

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Firma Léon Van Parys NV (Antwerpen, il-Belġju) (rappreżentanti: P. Vlaemminck, B. Van Vooren u R. Verbeke, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla l-ittra tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2014, li tinforma lir-rikorrenti biż-żamma tas-sospensjoni tat-terminu previst mill-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93;

    tistabbilixxi li l-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93 kien kompletament applikabbli favur ir-rikorrenti wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-324/10 tad-19 ta’ Marzu 2013 fil-Każ REM/REC 07/07;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 907 u 909 tar-Regolament Nru 2454/93 (1), kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba.

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2013, Firma Van Parys vs Il-Kummissjoni annullat ex tunc id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 2858, b’mod li l-perijodu ta’ disa’ xhur għall-ipproċessar tal-kawża kien skada u għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal maħfra.

    Minn tal-inqas għandu jiġi kkunsidrat li hemm nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni sa fejn hija tissuġġerixxi miżuri li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju, liema miżuri huma intiżi li jikkonformaw id-deċiżjoni parzjalment annullata tagħha mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2013, fil-Kawża T-324/10. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, fir-rigward tal-kompetenza tagħha li tieħu miżuri għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93, kif ukoll tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 41 dwar id-dritt għal amministrazzjoni tajba, peress li l-Kummissjoni użat b’mod illeċitu l-possibbiltà li tintalab informazzjoni skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 907 tar-Regolament Nru 2454/93 sabiex tiġi evitata, jew minn tal-inqas posposta, l-applikazzjoni futura tal-Artikolu 909 tar-Regolament Nru 2454/93.


    (1)  Ir-regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).


    Top