Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0139

    Kawża T-139/14: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Frar 2014 – PT Wilmar Bioenergi Indonesia u PT Wilmar Nabati Indonesia vs Il-Kunsill

    ĠU C 151, 19.5.2014, p. 26–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 151/26


    Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2014 – PT Wilmar Bioenergi Indonesia u PT Wilmar Nabati Indonesia vs Il-Kunsill

    (Kawża T-139/14)

    2014/C 151/34

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: PT Wilmar Bioenergi Indonesia (Kodya Dumai, l-Indoneżja) u PT Wilmar Nabati Indonesia (Medan, l-Indoneżja) (rappreżentant: P. Vander Schueren, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013, tad-19 ta’ Novembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU L 315, p. 2), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti; u

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax-il motiv.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea aġixxew kontra r-Regolament bażiku (1) peress li l-ispejjeż ma ġewx ikkalkolati abbażi ta’ reġistri miżmuma mill-produtturi-esportaturi għall-prodott taħt investigazzjoni u għall-produtturi taħt investigazzjoni.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament bażiku peress li l-valur normali ikkalkolat jinkludi spejjeż mhux relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea aġixxiet kontra r-Regolament bażiku billi inkludiet spejjeż ibbażati fuq prezzijiet ta’ riferiment internazzjonali minflok spejjeż fil-pajjiż tal-oriġni (l-Indoneżja).

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament bażiku bir-riferiment għall-kalkolu ta’ valur normali fl-assenza ta’ sitwazzjoni partikolari fis-suq għall-prodott ikkonċernat.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku peress li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 2.2.2(1) tal-Ftehim Anti-Dumping tad-WTO jekk l-Artikolu 2(5) jippermetti eċċezzjoni għall-obbligu tal-użu tal-ispiża ta’ produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini fil-kalkolu tal-valur normali.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kunsill Nru 1194/2013 huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-dritt u fil-fatt peress li l-prezz attwali mħallas mill-prodotturi tal-bijodiesel għal żejt tal-palma mhux raffinat (CPO) ma huwiex irregolat mill-Gvern b’tali mod li l-prezz attwali mħallas jista’ jiġi miċħud.

    7.

    Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kunsill Nru 1194/2013 jikser ir-Regolament bażiku fl-assenza ta’ dispożizzjoni għal differenzi li jaffettwaw il-paragunabbiltà tal-prezzijiet, fejn ma sarx paragun ġust bejn il-prezz normali u l-prezz ta’ esportazzjoni.

    8.

    It-tmien motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-aġġustament tal-ispiża fejn intużat il-materja prima żbaljata fil-każ tar-rikorrenti.

    9.

    Id-disa’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kunsill Nru 1194/2013 huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni billi jaġġusta l-ispiża ta’ CPO li joriġina minn produtturi CPO imsieħba peress li ma jżommux id-distanza neċessarja bejniethom mingħajr ebda eżami iżda sempliċement abbażi ta’ allegat impatt fuq it-taxxa ta’ esportazzjoni fuq prezzijiet ta’ CPO.

    10.

    L-għaxar motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kunsill Nru 1194/2013 huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi (i) jiċħad l-użu tal-marġni ta’ profitt domestiku minn bejgħ ta’ prodotti li jagħmlu parti mill-istess kategorija ġenerali bħall-bijodiesel abbażi tal-fatt li dan il-bejgħ ma sarx fil-kummerċ ordinarju (ii) jevalwa r-raġonevolezza ta’ marġni ta’ profitt ibbażat fuq rata ta’ interessi għal żmien twil minflok fuq rata ta’ interessi għal żmien qasir jew żmien medju fuq self.

    11.

    Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-Regolament tal-Kunsill Nru 1194/2013 huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi jiċħad id-determinazzjoni ta’ marġni ta’ profitt raġonevoli abbażi tad-dikjarazzjoni li l-użu ta’ redditu fuq kapital għal din id-determinazzjoni huwa irrelevanti għall-kumpanniji li jikkumerċjaw peress li dawn huma negozji bbażati fuq servizzi mngħajr investiment kapitali sostanzjali li b’mod żbaljat jiċħad il-bżonn għall-kumpanniji li jikkumerċjaw li jkollhom kapital disponibbli sabiex jeżerċitaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51) (imsejjaħ ir-“Regolament bażiku”).


    Top