EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC0425(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

ĠU C 122, 25.4.2014, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 122/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oppożizzjoni tal-applikazzjoni skont l- Artikolu 51 tar- Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“БЪЛГАРСКО РОЗОВО МАСЛО” (BULGARSKO ROZOVO MASLO)

Nru KE BG-PGI-0005-01050 – 26.10.2012

IĠP ( X ) DOP ( )

1.   Isem

“Българско розово масло” (Bulgarsko rozovo maslo)

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Bulgarija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 3.2: Żjut essenzjali

3.2.   Id-deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’ (1)

“Bulgarsko rozovo maslo” huwa żejt essenzjali miksub permezz tad-distillazzjoni bil-fwar tal-warda Damaska (Rosa damascena Mill.).

Dehra esterna : Likwidu trasparenti żejtni

Kulur : Isfar jew aħdar fl-isfar

Riħa : L-aroma karatteristika tal-ward

L-indikaturi fiżiko-kimiċi : Dawn għandhom jiġu ddeterminati permezz ta’ kromatografija tal-gass. Il-kostitwenti tipiċi li ġew identifikati huma preżenti f’dawn il-proporzjonijiet li ġejjin, u dan huwa li jiddetermina l-profil kromatografiku taż-żejt:

Kostitwenti

Kontenut (%)

ETANOL

sa limitu ta’ 3,0

LINALOL

bejn 1,0 u 3,0

ALKOĦOL FENILETIL

sa limitu ta’ 3,0

ĊITRONELLOL

bejn 24,0 u 35,0

NEROL

bejn 5,0 u 12,0

ĠERANJOL

bejn 13,0 u 22,0

AĊETAT TAL-ĠERANIL

sa limitu ta’ 1,5

EWĠENOL

sa limitu ta’ 2,5

METILEWĠENOL

sa limitu ta’ 2,0

FARNESOL

mill-inqas 1,4

IDROKARBURI:

С17 (ħeptadekan)

bejn 1,0 u 2,5

С19 (nonadekan) (3)

bejn 8,0 u 15,0

С19 (nonadekan) (4)

bejn 2,0 u 5,0

С21 (ħnejosan)

bejn 3,0 u 5,5

С23 (trikosan)

bejn 0,5 u 1,5

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

(a)

Damask Rose (Rosa damascena Mill.)

Inwar tal-ward frisk li jinkludi l-petali u s-sepali ta’ ward tal-ispeċi Rosa damascena Mill., bir-rimjiet, il-weraq u l-blanzuni imneħħija, u mingħajr l-ebda impuritajiet mekkaniċi (eż. tajn, ġebel).

(b)

Ilma

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Il-passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata

Il-ġbir, it-trasport u l-ħażna tal-inwar tal-ward:

Il-ħsad tal-inwar tal-ward normalment jibda f’Mejju, f’għelieqi b’altitudni ta’ bejn 300-400 metru ‘l fuq mill-baħar u jkompli għal madwar 20-25 jum, meta l-inwar ikunu laħqu l-maturità meħtieġa u jkollhom minn 14-40 petali ħomor fir-roża u fwieħa pjaċevoli u karatteristika. Il-ħsad tal-inwar tal-ward jibda mill-5-6 a.m. u jibqa’ għaddej sal-11-12 p.m. Il-kwalità ta’ “Bulgarsko rozovo maslo” hija ggarantita mill-konformità mar-rekwiżit li l-inwar tal-ward jiġi pproċessat mhux aktar tard minn 10-15 sigħat wara li jkun nħasad, sabiex tkun ippreservata l-freskezza u l-kwalità tal-materja prima.

In-nawra tiġi ttrasportata lejn id-distillerji immedjatament wara l-ħsad, u d-distillazzjoni titwettaq b’mod kontinwu f’kull ħin tal-ġurnata. L-inwar tal-ward jintgħażel: xi wħud immorru għall-ipproċessar immedjat u oħrajn biex jinħażnu għal mhux aktar minn 15 siegħa (meta t-temp ikun kiesaħ u t-temperatura tal-fjura ma tkunx aktar minn 20 °C) qabel id-distillazzjoni, skont iż-żmien tal-ħsad.

L-ipproċessar tal-inwar tal-ward — stadji tal-ipproċessar:

Distillazzjoni: In-nawra tal-warda titqiegħed fil-lampik f’volum ugwali għal 100 kg għal kull metru kwadru u mħallta mal-ilma f’proporzjon ta’ 1:4 sa 1:5; din it-taħlita tissaħħan u tiġi ttrasformata permezz tal-fwar u l-ilma f’pejst ibaqbaq, li jitħawwad permezz ta’ tagħmir awtomatiku. Iż-żjut essenzjali huma estratti billi l-fwar jitkessaħ, jiġi ttrasformat f’likwidu u mbagħad jitqiegħed fi flasks. Jeħtieġ madwar 3 500 kg ta’ nwar tal-ward biex tinkiseb kilogramma żejt tal-ward.

Koobazzjoni (konċentrazzjoni) ta’ likwidu ddistillat: titwettaq f’kolonna ta’ koobazzjoni li titħaddem b’mod kontinwu li fiha d-distillat jgħaddi minn ridistillazzjoni multipla.

Is-separazzjoni, id-deidratazzjoni u l-filtrazzjoni taż-żejt tal-ward: iż-żejt essenzjali jinqasam f’reċipjenti Fjorentini, wara li jitneħħew xi impuritajiet mekkaniċi u l-ilma billi jissaħħan sa 30 °С u permezz tal-filtrazzjoni.

Taħlit: Il-lottijiet kummerċjali jiġu ppreparati billi jiġi kkombinat (taħlit) iż-żejt tal-ward f’installazzjoni waħda (it-taħlitiet tal-kumpaniji stess) jew permezz ta’ taħlit ta’ żejt prodott f’impjanti differenti.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Ħżin: F’postijiet protetti oħra, inklużi fi kmamar ta’ sigurtà tal-banek, f’temperatura ta’ 15 ± 5 °С, ‘il bogħod mid-dawl dirett tax-xemx u minn sorsi tas-sħana, f’reċipjenti tal-ħġieġ termoreżistenti b’kapaċità sa 5 000 g mgħammra b’tappijiet speċjali li jipprevjenu kuntatt dirett mal-arja jew f’tankijiet miksijin bl-aluminju.

Il-ġarr u l-ippakkjar: F’tankijiet miksijin bl-aluminju jew f’reċipjenti ċilindriċi tradizzjonali (konkumi) li l-għenuq tagħhom jingħalqu permezz tas-sufri u pjanċa tal-metall iwweldjata fuqhom), jew f’bottijiet tal-ħġieġ u kunjetti. Ir-reċipjenti tradizzjonali jiġu mgeżwra fi drapp abjad b’aċċessorji tradizzjonali, jiġifieri b’żigarella bit-tliet kuluri u spaga u ċertifikat ta’ garanzija marbut madwar l-għonq. Jeżisti imballaġġar differenti li jvarja fil-piż minn 0,5 g sa 5 000 g. Ir-reċipjenti jew tankijiet tradizzjonali huma trasportati f’kaxex tal-injam standard, kaxxi iċċertifikati għall-ġarr ta’ merkanzija perikoluża, jew kaxxi tal-kartun ikkorrugat ordinarji b’saħħithom, soġġetti għal limitu ta’ piż ta’ 10 kg netti.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Ir-reġjun ġeografiku fejn jiġi prodott il-“Bulgarsko rozovo maslo” jinkludi l-muniċipalitajiet li ġejjin:

—   fil-Provinċja ta’ Plovdiv: Brezovo, Kaloyanovo, Karlovo, Sopot, Stamboliyski, Saedinenie u Hisarya;

—   fil-Provinċja ta’ Stara Zagora: Bratya Daskalovi, Gurkovo, Kazanlak, Maglizh, Nikolaevo, Pavel Banya u Stara Zagora

—   fil-Provinċja ta’ Pazardzhik: Belovo, Bratsigovo, Pazardzhik, Panagyurishte, Peshtera u Strelcha

—   fil-Provinċja ta’ Sofija: Ihtiman, Koprivshtitsa u Mirkovo

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali u klimatiċi

Il-warda Damaska titkabbar b’mod tradizzjonali fil-Wied tal-Ward (Rozovata Dolina) fiċ-ċentru tal-Bulgarija f’altitudni ta’ bejn 370 u 625 m. Ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn ħamrija kannella ħafifa u ramlija tal-foresti li ma żżommx ilma, u kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli għat-tkabbir tal-ward. Bis-saħħa ta’ xtiewi mmoderati u temperatura medja annwali ta’ 10,6 °C, l-inwar jibdew jarmu fi Frar. Il-livelli għolja ta’ umdità f’Mejju u Ġunju huma l-aħjar biex l-inwar jiffjorixxu bil-mod u b’mod uniformi waqt il-perjodu tal-ħsad.

Fatturi storiċi u umani

Il-produzzjoni ta’ “Bulgarsko rozovo maslo” hija attività ta’ xogħol tradizzjonali tal-popolazzjoni tar-Rozovata Dolina. Matul aktar minn 300 sena ta’ storja, il-popolazzjoni lokali akkumulat għarfien speċjalizzat tal-iżvilupp ta’ żrieragħ ta’ kwalità għolja u ta’ kultivazzjoni tal-ward u forniet lill-industrija b’ innovazzjoni teknoloġika. Il-ħsad isir fuq perjodu ta’ bejn 20 u 30 jum u jirrikjedi ħiliet speċifiċi: bosta sigħat qabel s-sebħ u filgħodu kmieni l-inwar li jkollhom talanqas petala waħda miftuħa jinħasdu flimkien mas-sepali, mingħajr ma ssir ħsara lill-fergħa jew lill-fergħat. Il-blanzuni magħluqa jitħallew fuq iz-zokk għall-ħsad aktar tard. Dawk id-distillaturi esperjenzati biss huma kkwalifikati biex jiġġudikaw meta n-nawra hija lesta biex titqiegħed fil-lampik, biex jiddeterminaw il-proporzjon tal-ilma mal-inwar u biex jiddeċiedu l-aħjar temperatura ta’ distillazzjoni. Dawn il-ħiliet jiġu mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra, u jservu biex itejbu l-lampiki li fihom jiġi prodott il-“Bulgarsko rozovo maslo”, u b’hekk tiġi żgurata b’mod konsistenti l-kwalità għolja tal-prodott aħħari.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-karatteristiċi speċifiċi u distintivi tal-“Bulgarsko rozovo maslo” huma l-aroma rikka tiegħu, il-kulur pallidu, isfar fl-aħdar, il-kwalitajiet fissattivi tajbin ħafna, l-aroma dejjiema tiegħu u l-kompożizzjoni bbilanċjata ta’ sustanzi volatili u idrokarburi tiegħu.

Il-karatteristiċi kimiċi tal-“Bulgarsko rozovo maslo” huma marbutin mill-qrib mal-karatteristiċi ġeografiċi tar-reġjun u jiddistingwuh miż-żjut tal-ward prodotti f’inħawi oħra tad-dinja. Dawn huma: il-kontenut taċ-ċitronellol 24-35 % (meta mqabbel ma’ 39-49 % għal produtturi f’inħawi oħra tad-dinja); proporzjon ta’ ġeranjol ta’ 1,1:2,5 meta mqabbel ma’ 2,3:4,8 għal produtturi f’inħawi oħra tad-dinja); karatteristika li tiddistingwi l-“Bulgarsko rozovo maslo” hija l-preżenza ta’ ħafna kompenenti tipiċi bħal farnesol u aċetat tal-ġeranil, u kontenut baxx tal-metilewġenol.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-kwalitajiet speċifiċi ta’ “Bulgarsko rozovo maslo” jirriżultaw mill-azzjoni kollettiva ta’ fatturi marbutin maż-żona ġeografika. Kundizzjonijiet klimatiċi li jinfluwenzaw li l-inwar jiffjorixxu b’mod uniformi, ir-rendiment u l-kontenut taż-żejt tan-nawra huma t-temperaturi moderati (15-25 °C), l-umdità atmosferika għolja (‘il fuq minn 60 %), il-varjazzjoni limitata bejn it-temperaturi ta’ binhar u dawk ta’ billejl, u grad suffiċjenti ta’ ilma fil-ħamrija. Dawn il-kundizzjonijiet jassiguraw li l-ward jiffjorixxu b’mod uniformi u sħiħ u jakkumulaw kwantitajiet kbar ta’ żejt tal-ward ta’ kwalità għolja. Biex issir estrazzjoni ta’ kemm jista’ jkun mill-kostitwenti prezzjużi, it-teknika użata biex tipproduċi l-“Bulgarsko rozovo maslo” tirrikjedi li l-inwar tal-ward jiġi pproċessat b’mod kontinwu fil-ħinijiet kollha, immmedjatament wara l-ħsad; għal din ir-raġuni, id-distilleriji jinsabu qrib l-għelieqi tal-ward.

Il-produzzjoni tal-“Bulgarsko rozovo maslo”, u l-iżvilupp tagħha, bdiet fis-Seklu 17 u ġiet deskritta minn Dr Kosyo Zarev fil-ktieb tiegħu Bulgarskoto rozoproizvodstvo i traditsionnata kultura (“Il-produzzjoni u l-kultivazzjoni tradizzjonali tal-ward fil-Bulgarija”), ippubblikat fl-2008. Fi tmiem is-Seklu 18 u l-bidu tas-Seklu 19, il-“Bulgarsko rozovo maslo” ħakem is-swieq madwar id-dinja kollha. Il-Bulgarija saret l-fornitur ewlieni fl-industrija tal-fwieħa tal-Ewropa. Il-“Bulgarsko rozovo maslo” jintuża b’mod wiesa’ fil-kamp tal-mediċina bħala mediċina prezzjuża, u fit-tisjir bħala taħwir aromatiku.

Ftit wara li nħoloq il-Prinċipat Bulgaru l-ġdid fl-1878 ġew ddigretati l-ewwel liġijiet fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kwalità u l-purità tal- “Bulgarsko rozovo maslo”. Ktieb intitolat “Parva konferentsia varhu Rozovata industria’ (“L-ewwel konferenza dwar l-industrija tal-Ward”), ippubblikat fl-1906, jispjega: “Wara li nħareġ digriet ministerjali li jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ ġeranji fl-1889, il-prezz tal-‘Bulgarsko rozovo maslo’ immedjatament tela’ b’mod immaġinabbli.”

Rapporti uffiċjali lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Bulgaru mill-konsulati u mid-delegazzjonijiet tiegħu fi New York (l-Istati Uniti), Vichy (Franza) u North Perth (l-Awstralja) u diversi dokumenti mill-perjodu 1939-45 jindikaw interess qawwi fil-“Bulgarsko rozovo maslo”, li kompla anke matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ittra tad-19 ta’ Diċembru 1939 mill-Konsulat tar-Renju Bulgaru lill-Ministeru, miktuba b’ortografija Bulgara qadima tirrapporta li “Mr. William A. Hoffman, inġinier tal-kimika li bħalissa qiegħed ibbażat fi New York, informana li hu jixtieq u huwa kapaċi jwaqqaf negozju regolari tal-‘Bulgarsko rozovo maslo’ b’kundizzjonijiet favorevoli ħafna għaż-żewġ partijiet”. F’ittra datata l-20 ta’ Jannar 1941, kunsillier għall-ekonomija tal-ministeru, is-Sur K. Dobrev, informa lid-delegazzjoni tar-Renju Bulgaru f’Vichy bil-“kundizzjonijiet li taħthom il-‘Bulgarsko rozovo maslo’ jista’ jinbiegħ fil-parti okkupata ta’ Franza”. Ittra bid-data tal-24 ta’ Frar 1944 infurmat lil Ministeru li “il-prezz tal-‘Bulgarsko rozovo maslo’ bħalissa huwa ta’ 5 000 Franki Żvizzeri għal kull kilogramma.” L-East-West Trading Company tal-Awstralja iddikjarat fil-5 ta’ Ottubru 1945 li “Barra minn dan, aħna interessati ħafna fil-‘Bulgarsko rozovo maslo’ jew biex nirrappreżentaw il-manifatturi tiegħu fl-Awstralja”.

Il-“Bulgarsko rozovo maslo” bena u żamm il-popolarità u r-reputazzjoni internazzjonali tiegħu madwar id-dinja, billi rebaħ bosta premjijiet f’wirjiet internazzjonali u fieri mill-1880 sal-lum. F’kapitolu intitolat “Premjijiet li rebaħ ż-żejt tal-ward Bulgaru” fil-ktieb tiegħu Bulgarskoto rozoproizvodstvo i traditsionnata kultura (“Il-produzzjoni u l-kultivazzjoni tradizzjonali tal-ward fil-Bulgarija”), Dr Kosyo Zarev jikteb: “Il-kwalità għolja taż-żejt tal-ward Bulgaru rebħet għexieren ta’ midalji u premijiet f’ħafna eżibizzjonijiet, wirjiet u fieri kummerċjali”. Zarev ikompli jsemmi li kumpaniji tal-kummerċ u l-manifattura tal- “Bulgarsko rozovo maslo” rebħu medalji tal-bronż, tal-fidda u tad-deheb fi tmiem is-Seklu 19 u l-bidu tas-Seklu 20 f’fieri fi Vjenna (1873), Philadelphia (1876), Chicago (1895), Grasse (1902), Pariġi (1894), Antwerp, Liège, Milan, Amsterdam u Londra. Il-ktieb isemmi wkoll il-premjijiet li l-“Bulgarsko rozovo maslo” rebaħ fil-Bulgarija innifisha, jiġifieri fil-Fiera ta’ Plovdiv u fit-Tielet Konferenza Internazzjonali taż-Żjut Essenzjali fl-1968.

Iċ-ċelebrazzjonijiet li jimmarkaw it-triċentinarju tal-industrija taż-żejt tal-ward fil-Bulgarija saru fil-1964, u l-Kamra tal-Kummerċ Bulgara u d-Direttorat tal-Ward Bulgaru taw medalji tad-deheb u premjijiet lil diversi organizzazzjonijiet li kienu kkontribwew għall-iżvilupp tas-settur. Il-Festival tradizzjonali tal-Ward ttella’ kull sena sa mill-1903: ir-rekreazzjonjiet tal-ħsad u d-distillar tal-ward huma karatteristiċi regolari ta’ dan il-festival.

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, il-“Bulgarsko rozovo maslo” ssodisfa bejn 70-90 % tad-domanda dinjija taż-żejt tal-ward. Attwalment l-Bulgarija tipproduċi minn 1,5 sa 2 tunnellati fis-sena, li ‘l biċċa l-kbira jiġu esportati. Hija issa tissodisfa minn 40 sa 50 % tad-dom’ Każanlak fl-okkażjoni ta’ sessjoni xjentifika għall-ġublew tat-2 ta’ Lulju 2007.

Fl-1994 il-“Bulgarsko rozovo maslo” ġie irreġistrat fir-Reġistru tal-Brevetti tal-Istat Bulgaru bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta taħt in-Nru 052-01.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006) (5)

http://www.mzh.government.bg/MZH/bg/ShortLinks/ZashiteniNaimenovania/Zaiavlenie.aspx


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  idrokarbur saturat bil-formula kimika CH3(CH2)17CH3

(4)  idrokarbur mhux saturat (ma’ wieħed jew aktar bonds tal-karbonju doppji) bil-formula kimika CH3(CH2)16CH = CH2

(5)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


Top