Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC1211(03)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill dwar l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 361, 11.12.2013, p. 13–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 361/13


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill dwar l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    2013/C 361/08

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta' oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    DOKUMENT UNIKU

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    “PREKMURSKA ŠUNKA”

    Nru tal-KE: SI-PGI-0005-01025-10.08.2012

    IĠP ( X ) DPO ( )

    1.   Isem

    “Prekmurska šunka”

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Is-Slovenja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.2.

    Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

    Il-“Prekmurska šunka” huwa prodott tal-laħam affumikat u mnixxef miksub minn sieq ta' wara friska tal-majjal. Huwa għandu (qatgħa) forma ta' lanġasa li tintgħaraf, b'ġilda ta' kulur uniformi aħmar li jagħti fil-kannella. It-togħma u r-riħa karatteristiċi tiegħu, il-kulur aħmar rubin tal-laħam tal-muskolu mmaturat u affumikat u l-kulur uniformi abjad kremuż tax-xaħam ta' taħt il-ġilda jiżviluppaw matul perjodu ta' maturazzjoni ta' mill-inqas sitt xhur. Il-laħam tal-muskolu huwa kemxejn imraħħam u integrat sew fix-xaħam, u l-ħxuna tiegħu hija mill-anqas 10 mm taħt il-ġog tal-ġenb. Affumikazzjoni pjaċevoli hija karratteristika li tinħass sew tar-riħa u t-togħma, għalkemm fl-ebda każ il-komponenti tad-duħħan ma jostru l-aroma tal-laħam immaturat. Minħabba fil-perjodu twil mhux ħażin ta' maturazzjoni, il-perżut għandu sensazzjoni delikata, lixxa u pjaċevolment sukkulenti.

    Il-kontenut tal-melħ tal-prodott lest m'għandux jeċċedi 9 %, il-grad tat-tnixxif (telf ta' piż matul il-maturazzjoni) m'għandux jeċċedi 45 %, u l-piż ma jistax ikun inqas minn 2,75 kg.

    3.3.   Materja prima (għal prodotti pproċessati biss)

    Sieq ta' wara friska tal-majjal, maqtugħa f'biċċa sħiħa minn 3 sa 4 cm taħt il-ġog tal-ġenb (caput ossis femoris), mingħajr is-sieq, l-għadam tal-ġog tal-ħokk, il-pelvi, l-għadma tal-koxxa u l-qasba tas-sieq, bil-punt karatteristiku tal-ħokk. Qatgħa trasversali tipika hija magħmula mill-muskoli u l-gruppi ta' muskoli li ġejjin, flimkien mal-ġilda u x-xaħam ta' taħt il-ġilda: il-kustilja tal-flett (m. biceps femoris u semitendinosus), l-għolja tal-koxxa (m. semimembranosus), l-għaksa (m. quadriceps femoris) u parti mill-warrani (m. gluteus medius and gluteus superficialis). Il-piż tas-sieq ta' wara sħiħa tal-majjal wara li tiġi ffurmata fil-qatgħa definita u qabel ma tiġi mmellħa ma tistax tkun anqas minn 5 kg.

    3.4.   Għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

    3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita

    L-istadji kollha tal-produzzjoni tal-“Prekmurska šunka”, mill-iffurmar, għat-tmelliħ, it-tlaħliħ u t-tnixxif, l-affumikazzjoni, il-maturazzjoni u l-kejl tal-grad tat-tnixxif (telf ta' piż) u t-tixħim (gradwali) sal-ispezzjoni tal-kwalità tal-prieżet sħaħ immaturati għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

     

    Iffurmar – kull sieq ta' wara tal-majjal li se tintuża biex jiġi prodott il-“Prekmurska šunka” għandha tiġi ffurmata fil-qatgħa adattata.

     

    It-tmelliħ – saqajn iffurmati u mkessħa jew jiġu mmelħa fin-niexef jew inkella mhux fin-niexef, jew b'metodu li jikkombina t-tnejn.

     

    Tlaħliħ u tnixxif – wara li jiġi mmellaħ, is-saqajn jiġu mlaħalħa f'ilma ġieri kiesaħ. Il-wiċċ imbagħad jitqattar (jiġi mnixxef), u s-saqajn jiġu mdendla fi spazju b'ventilazzjoni tajba.

     

    Affumikazzjoni – wara li l-wiċċ tas-saqajn immellħa jkun nixef, dawn jiġu affumikati fi kmamar tad-duħħan li jużaw injam iebes u ċana. Ladarba l-affumikazzjoni titlesta, is-saqajn jiġu ttimbrati b'lowgow li jinkludi l-kliem “Prekmurska šunka”.

     

    Maturazzjoni – il-prieżet jiġu mmaturati fi kmamar tal-maturazzjoni li jew ikollhom arja kundizzjonata naturali jew kumbinazzjoni ta' arja kundizzjonata naturali u artifiċjali. Il-proċess ta' maturazzjoni jdum għaddej għal mill-inqas sitt xhur.

     

    Il-kejl tal-grad tat-tnixxif (telf ta' piż) – il-grad tat-tnixxif (telf ta' piż matul il-maturazzjoni) m'għandux ikun aktar minn 45 %.

     

    It-tixħim (gradwali) – il-parti tal-prieżet li mhijiex koperta bil-ġilda u x-xaħam tiġi mxaħħma fi stadji, l-ewwel meta l-prieżet ikunu tilfu madwar 25 % tal-piż tagħhom matul il-maturazzjoni u fl-aħħar nett meta jkunu laħqu grad ta' tnixxif ta' 45 % . Huwa jiġi ggriżjat b'taħlita ta' xaħam, dqiq u ħwawar.

     

    Spezzjoni tal-kwalità ta' prieżet sħaħ immaturati – wara li jkunu ilhom jimmaturaw għal sitt xhur, il-prieżet jgħaddu minn analiżi sensorja biex jiġi stabbilit jekk għandhomx l-apparenza jew ir-riħa esterna adattata. Prieżet li ma jkunux issodisfaw il-kriterji preskritti kollha għall-indikazzjoni ġeografika protetta jiġu rreġistrati; it-timbru tagħhom jitneħħa u jiġi eskluż.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.

    3.7.   Regoli speċifiċi dwar l-ittikkettar

    Il-forom li fihom jiġi kkummerċjalizzat il-“Prekmurska šunka” huma ttikkettati b'logo li jinkludi l-inskrizzjoni “Prekmurska šunka”, il-kliem “zaščitena geografska označba” (indikazzjoni ġeografika protetta) u s-simbolu korrispondenti tal-UE.

    4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

    Il-“Prekmurska šunka” huwa prodott fiż-żona ġeografika ta' Prekmurje, fil-Grigal tas-Slovenja. Iż-żona tal-produzzjoni hija mdawra bix-Xmara Mura u l-fruntieri nazzjonali tas-Slovenja mal-Awstrija, l-Ungerija u l-Kroazja.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Il-“Prekmurska šunka” huwa prodott fi Prekmurje, li tinsab fil-Baċir Pannonjan. Din il-parti tas-Slovenja għandha klima kontinentali, bi xtiewi kiesħa u bi nżul tax-xita, u sjuf sħan u niexfa. Iż-żona tirċievi livell għoli ta' xemx u, f'termini ta' nżul ix-xita annwali medja, hija l-aktar parti niexfa tas-Slovenja. L-umdità fl-arja hija ddeterminata mill-irjieħ li fi Prekmurje huma influwenzati mill-pożizzjoni taż-żona fuq pjanura kontinentali, fejn ir-riljev baxx ma jipprovdi l-ebda barriera għall-fluss ġenerali tal-arja, kif inhuwa l-każ f'partijiet oħra tas-Slovenja. Minħabba li tinsab fuq pjanura, l-inverżjonijiet huma rqaq u jixterdu aktar malajr, għalhekk il-ventilazzjoni tal-atmosfera tinżel sal-livell tal-art aktar malajr u jkun hemm inqas ċpar. Fix-xitwa, in-nuqqas ta' inverżjonijiet ta' temperatura jfisser li l-arja hija aktar niexfa f'żoni bl-għoljiet aktar milli fuq il-pjanura. Karatteristika speċjali ta' Prekmurje hija l-Grigalata, li tibda tonfoħ filwaqt li front jgħaddi minn fuqha, u r-riħ mil-Lbiċ li jiġi qabilha.

    L-avanzi magħmula f'termini tal-firxa, reputazzjoni u żvilupp kurrenti fil-produzzjoni tal-perżut fi Prekmurje jistgħu jiġu attribwiti għat-tekniki tradizzjonali u individwali użati mill-bdiewa. It-tnixxif tal-biċċiet tal-laħam probabbilment jiddataw lura għaż-żmien meta Prekmurje bdiet tiġi abitata min-nies. Fl-aħħar seklu, il-bdiewa għamlu użu sħiħ mill-karatteristiċi arkitettorali tal-irziezet, li nbnew minn materjal magħmul mit-tajn jew tafal u kienu jkunu koperti b'saqaf tat-tiben, għall-iskopijiet ta' affumikazzjoni u maturazzjoni tal-laħam. F'dan il-bini, id-duħħan mill-forn tal-ħobż kien jitla' b'mod naturali u jakkumula taħt is-saqaf tat-tiben, fejn il-“Prekmurska šunka” kien jiġi affumikat u mnixxef b'mod ibbilanċjat. Il-passaġġ tad-duħħan lejn il-laħam kien twil biżżejjed biex id-duħħan jilħaq jibred, u għalhekk din kienet tip ta' affumikazzjoni kiesħa. Fit-tieni nofs tas-seklu li għadda, l-affumikazzjoni tal-laħam xaqilbet lejn affumikaturi fuq l-irziezet improvizzati, jiġifieri strutturi tal-ġebel iżolati f'ġonna jew btieħi li ħafna drabi kellhom erba' naħat jew erba' bibien ħalli tkun tista' tgħaddi żiffa bejn ix-xquq, u dan kien iżomm it-temperatura tad-duħħan milli tiżdied u l-laħam milli jissajjar. Il-prieżet kienu jiġu mmaturati għal diversi xhur, skont id-daqs tagħhom u l-kundizzjonijiet tat-temp matul l-istadji kollha tal-produzzjoni. Il-metodu ta' produzzjoni attwali tal-“Prekmurska šunka” f'faċilitajiet mgħammra b'mod teknoloġiku rnexxielu jżomm il-kwalità organolettika, u jista' jiġi mqabbel bis-sħiħ ma' tekniki tradizzjonali tal-biedja. Din il-kumparabbiltà hija possibbli prinċipalment minħabba li huma l-metodi tal-ħidma li ġew immodernizzati aktar milli t-tekniki li nbidlu, minħabba li kieku dan kien jirriżulta fi proċessi bijokimiċi differenti matul il-maturazzjoni tal-laħam. Il-“Prekmurska šunka” minn dejjem kien aspett tal-mejda għal kull avveniment importanti u meta jaslu l-mistednin. Kien apprezzat b'mod speċjali bħala ikel matul operazzjonijiet maġġuri tal-biedja, meta kien hemm bżonn li jiġi servit aktar ikel lill-bdiewa u lill-ħaddiema. Illum il-ġurnata jiġi kkunsmat f'okkażjonijiet speċjali tal-familja jew festivi, u huwa karatteristika essenzjali taċ-ċerimonji formali.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Il-“Prekmurska šunka” għandu forma ta' lanġasa unika (qatgħa). Huwa kkaratterizzat bil-wiċċ tal-ġilda tiegħu li huwa uniformement ħamrani fil-kannella u għandu aroma affumikata pjaċevoli li tinħass sew, għalkemm fl-ebda każ il-komponenti tad-duħħan ma jostru l-aroma tal-laħam immaturat. Karatteristiċi tal-“Prekmurska šunka” huma l-kulur aħmar li jolqot l-għajn tal-laħam immaturat, l-imluħa pjuttost aktar qawwija tiegħu, u s-sensazzjoni x'aktarx soda tiegħu.

    Il-mod ta' kif jiġi servit il-“Prekmurska šunka” ukoll jiddistingwih minn laħmijiet imnixxfa oħra. Skont użanza antika, il-perżut jista' jinqata' f'biċċiet li huma ħoxnin ċentimetru. Flimkien mal-ħobż u l-biċċiet tal-perżut, kulħadd jirċievi sikkina li biha jaqta' l-biċċa tiegħu fi strixxi rqaq fuq bord tal-injam.

    Minħabba t-tradizzjoni assoċjata mal-produzzjoni tiegħu u meta wieħed iħares lejn il-profil tiegħu, il-“Prekmurska šunka” huwa meqjus bħala wieħed mill-karatteristiċi speċifiċi etnoloġiċi ta' Prekmurje.

    5.3.   Rabta takawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)

    Kundizzjonijiet favorevoli klimatiċi, tradizzjoni, kapaċitajiet tal-produzzjoni, sengħa u esperjenza ikkontribwixxew għar-reputazzjoni tal-“Prekmurska šunka”, li jista' jiġi meqjus bħala speċjalità Slovena u karatteristika speċifika etnoloġika ta' Prekmurje. L-ikel ta' Prekmurje jibqa' jżomm l-identità tiegħu stess. In-nies ta' Prekmurje dejjem żammew rabta mal-kampanja u r-riżorsi natural għall-produzzjoni ta' ikel u ikel delizzjuż tradizzjonali. Matul is-sekli, dejjem kien hemm predominanza ta' kwalitajiet ta' ikel magħmula miċ-ċereali, il-patata, il-qamħirrun u l-majjal. Il-majjal kien jipprovdi varjetà għal dak li kienu jieklu n-nies. Madankollu, il-laħam kien jittiekel anqas milli jittiekel illum il-ġurnata. Kien jiġi ppreżervat bl-affumikazzjoni, li wasslet għall-ħolqien tal-“Prekmurska šunka”. Għalhekk matul iż-żminijiet, kapaċitajiet tekniċi prattiċi evolvew fost in-nies lokali, inklużi l-livelli għoljin ta' snajja' u ta' għarfien prattiku u esperjenza, li jagħtu lill-prodott il-forma (qatgħa) karatteristika tiegħu u l-attribuzzjonijiet organolettiċi tiegħu.

    Ir-reputazzjoni tal-“Prekmurska šunka” tirriżulta minn diversi sorsi. Prof. Dr. Vilko Novak wettaq l-aktar riċerka estensiva u sistematika dwar x'jieklu n-nies ta' Prekmurje (Ljudska prehrana v Prekmurju, 1947). L-istudju ddeskriva l-koline, jiġifieri l-proċess tat-tħejjija u l-maturazzjoni tal-“Prekmurska šunka”. Dr Stanislav Renčelj jiddeskrivi l-“Prekmurska šunka” fil-kotba tiegħu li jisimhom Suhe mesnine – narodne posebnosti (1990) u Prekmurske dobrote (S. Renčelj, R. Karas, 2001), li fihom huma ppreżentati t-teknika tal-produzzjoni, mill-għażla tal-materja prima, it-tmelliħ u l-maturazzjoni għall-evalwazzjoni sensorja tal-prodott.

    F'pubblikazzjonijiet għat-turisti bħal Okusiti Slovenijo u Spomini iz Slovenije, il-“Prekmurska šunka” huwa wkoll ippreżentat bħala prodott tradizzjonali Sloven.

    Referenza għal pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

    http://www.mko.gov.si/fileadmin/mko.gov.si/pageuploads/podrocja/Varna_in_kakovostna_hrana_in_krma/zasciteni_kmetijski_pridelki/Specifikacije/PREKMURSKA_SUNKA.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


    Top