Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0471

Kawża T-471/13: Rikors ippreżentat fit- 30 ta’ Awwissu 2013 — Xellia Pharmaceuticals u Zoetis Products vs Il-Kummissjoni

Information about publishing Official Journal not found, p. 47–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Information about publishing Official Journal not found, p. 45–45 (HR)

9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/47


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2013 — Xellia Pharmaceuticals u Zoetis Products vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-471/13)

2013/C 325/75

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Xellia Pharmaceuticals ApS (Copenhagen, id-Danimarka) u Zoetis Products, LLC (New Jersey, l-Istati Uniti) (rappreżentant: D. Hull, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikoli 1(3), 2(3) u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 3803 finali tad-19 ta’ Ġunju 2013 (Każ COMP/39.229 — Lundbeck) sa fejn dawn jikkonċernaw lill-applikanti; jew

alternattivament, tiddikjara l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni parzjalment null u invalidu, u tnaqqas l-ammont tal-multa imposta; u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

(1)

L-ewwel motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li r-restrizzjonijiet stabbiliti fit-tranżazzjoni kienu jeċċedu l-iskop tal-privattivi ta’ Lundbeck.

(2)

It-tieni motiv, li jallega żball ta’ liġi minħabba l-użu tal-kriterju legali żbaljat biex tiddetermina jekk Alpharma kinitx kompetitur potenzjali; u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li Alpharma kienet kompetitur potenzjali.

(3)

It-tielet motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddikjarat li t-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”.

(4)

Ir-raba’ motiv, li jallega żball ta’ liġi meta ddikjarat li kien hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 minkejja l-fatt li t-tranżazzjoni kienet tirrifletti biss l-iskop ta’ esklużjoni tal-privattivi ta’ Lundbeck, li, fil-fatt, għandu jkun hemm preżunzjoni li huwa validu.

(5)

Il-ħames motiv, li jallega ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi dawn ġew innotifikati tard dwar (i) l-eżistenza tal-investigazzjoni u (ii) l-oġġezzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni.

(6)

Is-sitt motiv, li jallega ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi d-deċiżjoni ġiet indirizzata lil Zoetis.

(7)

Is-seba’ motiv, li jallega żball ta’ liġi fil-kalkolu tal-multa mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni s-serjetà limitata tal-ksur allegat u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ffissat il-multa proporzjonalment iktar mill-multa imposta fuq Lundbeck u meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-inċertezza fil-liġi, in-natura inqas serja tal-ksur, u l-iskop ġeografiku.

(8)

It-tmien motiv, li jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ limitu massimu tal-multa ta’ 10 % lil A.L. Industrier abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha tal-2011 minflok ma bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ sinjifikattivament ogħla tal-2012, u b’hekk ġiegħelet lir-rikorrenti jħallsu sehem ikbar mill-multa.


Top