This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013XC1009(03)
Publication of an application pursuant to Article 50(2)(a) of Regulation (EU) No 1151/2012 of the European Parliament and of the Council on quality schemes for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
ĠU C 293, 9.10.2013, p. 16–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.10.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 293/16 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
2013/C 293/08
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2)
“HÖRI BÜLLE”
Nru tal-KE: DE-PGI-0005-01040-28.09.2012
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem
“Höri Bülle”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Ġermanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. It-tip ta’ prodott
Il-kategorija 1.6 – |
Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1
Il-frażi “Höri Bülle” (li tirreferi għall-basal, bil-Latin “cibolla”) fin-negozju u fil-lingwa mitħaddta ta’ kuljum tirreferi għal tip ta’ basla ħamra li tista’ tittiekel, li għandha forma u lewn karatteristiċi u li ilha għal sekli sħaħ titkabbar fuq il-peniżola ta’ Höri.
Il-basal tat-tip “Höri Bülle”, li mil-lat botaniku jissejjaħ Allium cepa, jifforma parti mill-ġenus tal-pjanti tal-kurrat (imsejjaħ Allium).
3.3. Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
—
3.5. L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata
Il-proċess kollu tat-tkabbir tal-basal, miż-żrigħ tiegħu sat-tindif u t-tnixxif tal-basal li jkun inqala’, irid jitwettaq fiż-żona ġeografika identifikata. Jintużaw biss żrieragħ li jkunu ġejjin mill-basal tat-tip “Höri Bülle” stess minn dan ir-reġjun.
3.6. Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.
—
3.7. Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar
Fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni jrid jidher l-isem “Höri Bülle” fuq it-tikketta. Barra minn hekk, fuq it-tikketta jridu jidhru wkoll l-isem u l-indirizz tal-produttur u/jew in-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu fl-għaqda tal-kultivaturi msejħa “Schutzgemeinschaft”, sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott.
Minbarra dan, irid jintuża wkoll il-lowgo – magħmul minn kliem u stampi – tal-għaqda tal-kultivaturi, li fih jidher il-kliem “Höri Bülle” flimkien ma’ stampa ta’ basla. Dan jgħodd ukoll għall-produtturi li mhumiex membri tal-għaqda tal-kultivaturi.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Fit-tarf nett tal-Punent tal-Lag ta’ Konstanz, bejn il-muniċipalità ta’ Stein am Rhein u l-belt ta’ Radolfzell, hemm peniżola msejħa Höri, li n-nies tal-post isejħulha wkoll “Zwiebelhöri” (“Il-basla Höri”). Mil-lat storiku u ekonomiku, din il-peniżola, li fil-Grigal tmiss mal-Lag ta’ Zell u fix-Xlokk tmiss mal-Lag t’isfel, għandha titqies bħala żona waħda. Iż-żona ġeografika tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Gaienhofen, Moos u Öhningen fid-distrett rurali ta’ Konstanz fir-reġjun ta’ Baden-Württemberg, kif ukoll id-distrett ta’ Bohlingen li jmiss magħhom u li jinsab fil-belt ta’ Singen (Hohentwiel).
5. Ir-rabta maż-żona ġeografika
5.1. L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika
It-temperatura tal-arja u tal-ħamrija matul il-perjodu ewlieni tat-tkabbir, li, minħabba l-qrubija tal-Lag ta’ Konstanz li jżomm is-sħana, relattivament mhix ħarxa, tiffavorixxi t-tkabbir tal-ħxejjex f’dan ir-reġjun. Il-ħamrija fertili tal-widien u l-pit skur li jixbhu lill-ħamrija s-sewda li nsibu f’din iż-żona jipprovdu kundizzjonijiet tajbin għat-tkabbir tal-ħxejjex – ħaġa li għadek taraha ta’ sikwit fil-kampanja hawnhekk. Il-basal, b’mod partikulari, ilu jitkabbar fiż-żona ġeografika identifikata għal iktar minn elf sena, u l-ewwel referenza għal dan insibuha f’dokument tas-seklu 8 (ara l-artiklu ta’ J. Zimmermann tal-1967 intitolat „Vom Zwiebelbau am Bodensee seit 1 200 Jahren — Das Zwiebel — oder Bölleland ‚Höri‘, Zwiebelmärkte in Konstanz, Rorschach und Schaffhausen“ (“1 200 sena ta’ tkabbir tal-basal fil-Lag ta’ Konstanz – ‘Höri’, pajjiż il-basal, is-swieq tal-basal fil-bliet ta’ Konstanz, Rohrschach u Schaffhausen”), li deher fil-paġna 283 tal-Volum 1/2 (23/24) tal-ġurnal tal-istorja, id-djaletti u l-istorja naturali taż-żona ta’ bejn ix-xmara Renu, ix-xmara Danubju u l-Lag ta’ Konstanz imsejjaħ “Hegau. Zeitschrift für Geschichte, Volksmund und Naturgeschichte des Gebietes zwischen Rhein, Donau und Bodensee”). L-għarfien tan-nies tal-post dwar kif għandhom iżommu u jieħdu ħsieb iż-żerriegħa, kif ukoll dwar kif għandhom ikabbru l-basal tat-tip “Höri Bülle” ngħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra u huwa importanti ferm biex il-prodott ikollu l-karatteristiċi li għandu llum.
Il-basal tat-tip “Höri Bülle” huwa l-prodott agrikolu tipiku li jitkabbar f’dan ir-reġjun u huwa jissemma wkoll fir-riklami turistiċi dwar dan ir-reġjun. Il-peniżola ilha minn żmien żemżem tissejjaħ “Zwiebelhöri” (“Il-basla Höri”) fil-lingwa mitħaddta: “Ein kleiner Strich Landes, kaum anderthalb Stunden lang und nirgends Dreiviertelstunden breit, zwischen dem Schienerberg und dem Untersee gelegen, hat seit urältester Zeit den sonderbaren Namen Höry, Bischofshöri, Zwiebelhöri (…)” (“biċċa art żgħira tawwalija li bilkemm tieħu siegħa u nofs biex taqsamha għal tulha u li fl-ebda punt tagħha ma teħodlok iktar minn tliet kwarti biex taqsamha min-naħa għall-oħra, li tinsab bejn il-muntanja Schienerberg u l-Lag t’isfel (bil-Ġermaniż imsejjaħ ‘Untersee’), li ilha minn żmiem żemżem tissejjaħ bl-ismijiet strambi ta’ Höry, Bischofshöri, Zwiebelhöri (…)”) (ara l-paġna 248 tal-ktieb tal-1840 editjat minn J. Bader u ppubblikat f’Karlsruhe mill-kumpanija Kunst-Verlag intitolat “Badenia oder das badische Land und Volk” (“Badenia jew l-art u l-poplu ta’ Baden”).
Għadd kbir ta’ indikazzjonijiet, bħall-fatt li fil-bliet ta’ Konstanz, Singen u Radolfzell, li jmissu ma’ xulxin, kif ukoll fil-bliet Żvizzeri ta’ Rorschach u Schaffhausen, fil-bidu tas-seklu 20 kienu jeżistu s-swieq tradizzjonali tal-basal, juru li kien hemm kummerċ ewlieni tradizzjonali fil-basal. Din il-peniżola b’art għammiela li tinsab fit-tarf nett tal-Punent tal-Lag ta’ Konstanz, bejn il-muniċipalità ta’ Stein am Rhein u l-belt ta’ Radolfzell, li fuqha nsibu l-muntanja Schienerberg mimlija siġar, li hija għolja 708 metri, hija marbuta wkoll mal-isem ta’ diversi pitturi u poeti Ġermaniżi magħrufin.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-varjetà tal-basal tat-tip “Höri Bülle” hija waħda mill-varjetajiet reġjonali l-antiki u ma taqax taħt il-protezzjoni nazzjonali jew tal-Komunità tal-varjetajiet. Il-basal tat-tip “Höri Bülle” jitnissel biss miż-żerriegħa tiegħu stess u din iż-żerriegħa wieħed ma jsibhiex għall-bejgħ fil-ħwienet. Il-basal tat-tip “Höri Bülle” jvarja mill-varjetajiet l-oħra tal-basal aħmar l-iktar minħabba s-sura u l-lewn partikulari tiegħu. Il-qoxra rqiqa u ratba ta’ barra tiegħu għandha kulur aħmar li jagħti fil-kannella li, għall-kuntrarju tal-varjetajiet li jkunu ħomor skuri, ma jitlifx lewnu meta l-basla tinqata’. Meta wieħed iħares lejn il-basla maqsuma, jista’ jara saffi ta’ lewn aħmar ċar bejn is-saffi trasparenti tal-basla. Il-forma tipika ta’ dan it-tip ta’ basal, li huwa ċatt u kbir ħafna, hija adattata ferm biex isiru l-malji tradizzjonali bil-basal li bil-Ġermaniż jissejħu “Zwiebelzöpfe”. Minħabba l-konsistenza kemm kemm iktar ratba tiegħu, dan it-tip ta’ basal huwa mmerraq ħafna, iżda jittebba’ mill-ewwel hekk kif issir naqra pressjoni fuqu, allura wieħed irid joqgħod attent ħafna meta jkun qed jaqilgħu b’mod tradizzjonali bl-idejn. Għalhekk biex jinqala’ ma jistax jintuża proċess bil-magni konvenzjonali tal-ħsad. Minflok aktar jintuża mutur tal-ħart b’attenzjoni sabiex il-basal jittella’ f’wiċċ il-ħamrija.
Il-basal tat-tip “Höri Bülle” għandu togħma kkaratterizzata mir-riħa sottili tiegħu u huwa jkun naqra jaħraq, imma mhux wisq. Meta jissajjar, iktar isir jaħraq, iżda ma jitlifx il-lewn aħmar karatteristiku tiegħu. Kemm f’dan ir-reġjun u kemm lil hinn minnu, dan it-tip ta’ basal huwa magħruf ferm u jgawdi fama tajba bbażata fuq l-oriġini tiegħu. Minħabba l-karatteristiċi tajbin ħafna tat-togħma tiegħu u l-metodu sostenibbli tal-produzzjoni tiegħu (pereżempju ż-żrieragħ li jkunu ġejjin mill-basal stess, il-qlugħ tradizzjonali bl-idejn u ż-żamma tal-pajsaġġ ambjentali tal-peniżola ta’ Höri), il-basal tat-tip “Höri Bülle” ddaħħal fil-katalgu msejjaħ “Arka tat-Togħma” tal-għaqda Ġermaniża “Slow Food Deutschland e.V.”.
Il-letteratura reġjonali tinkludi ħafna poeżiji dwar il-basal tat-tip “Höri Bülle”, bħal, pereżempju, l-għanja ta’ tifħir lil dan it-tip ta’ basal miktuba mill-poetessa li tikteb bid-djalett Anna Schreiber Bähr u l-poeżija msejħa “Uf em Markt” miktuba mill-pittur u l-poeta Bruno Epple. Ix-xogħlijiet u l-ismijiet tal-artisti tal-peniżola ta’ Höri wasslu biex il-basal tat-tip “Höri Bülle” sar magħruf lil hinn minn dan ir-reġjun.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP)
L-għarfien dwar it-tkabbir tal-basal u t-tradizzjoni tiegħu li tmur lura mijiet ta’ snin jiggarantixxu l-kwalitajiet karatteristiċi tal-basal tat-tip “Höri Bülle” u jiġġustifikaw ir-reputazzjoni tajba tal-prodott. Wieħed jista’ jara r-rabta tar-reġjun mat-tkabbir tradizzjonali tal-basal li ilu jeżisti għal mijiet tas-snin hawn, kif ukoll il-valur għoli li dan it-tkabbir għandu għar-reġjun, f’diversi aspetti tal-ħajja lokali. Din ir-rabta tidher, fost l-oħrajn, fl-importanza li dan it-tip ta’ basal għandu fil-platti tipiċi ta’ dan ir-reġjun (ara l-paġni 26 sa 52 tat-tieni edizzjoni tal-ktieb ta’ Erwin Keller, editjat mill-kumpanija Gemeinde Moos u ppubblikat fl-1996 mill-istess kumpanija intitolat “Kleines Bülle Brevier” (“Gwida żgħira dwar il-basal”)).
Il-basal tat-tip “Höri Bülle” jissemma f’diversi festi u drawwiet, bħal fil-festival tal-basal li bil-Ġermaniż jissejjaħ “Bülle-Fest”, li ilu jiġi ċċelebrat ta’ kull sena fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru fil-muniċipalità ta’ Moos sa mill-1976, li jissejjes fuq l-ispeċjalitajiet magħmulin mill-basal tat-tip “Höri Bülle”. Għal dan il-festival, isiru l-malji bil-basal li għalihom jintuża l-basal tat-tip “Höri Bülle” – li huwa adattat ferm għal dawn il-malji minħabba l-forma ċatta tiegħu, flimkien ma’ basal isfar tat-tip “Stuttgarter Riesen”. Waqt dan il-festival jinbiegħu l-iktar prodotti tal-ikel magħmulin bil-basal: soppa tal-basal, torta tal-basal, tip ta’ għaġina rqiqa bil-basal fuqha msejħa “Zwiebeldinnele” u prodotti simili oħrajn.
Fil-muniċipalità ta’ Moos, li tinsab fiż-żona ġeografika identifikata, waqt il-karnival ilha sa mill-1953 tintuża l-għajta lokali ta’ “Rätich, Bülla und Salot — gnua, gnua, gnua!”. Fl-istess muniċipalità, insibu wkoll għaqda tradizzjonali (tal-boloh) tal-karnival imsejħa “Büllebläri”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))
http://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/32550
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(3) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.