Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document E2012J0011

    Sentenza tal-Qorti tat- 13 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża E-11/12 – Beatrix Susanne Koch, Lothar Hummel u Stefan Müller v Swiss Life (il-Liechtenstein) AG (Id-Direttiva 90/619/KEE – Id-Direttiva 92/96/KEE – Id-Direttiva 2002/83/KE – Id-Direttiva 2002/92/KE – Assigurazzjoni fuq il-ħajja – Benefiċċji marbuta ma’ unitajiet – Obbligu li jiġu pprovduti pariri ġusti – Informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lid-detentur tal-polza qabel ma l-kuntratt jiġi konkluż – Il-Prinċipju ta’ ekwivalenza – Il-Prinċipju ta' effettività)

    ĠU C 277, 26.9.2013, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/12


    SENTENZA TAL-QORTI

    tat-13 ta’ Ġunju 2013

    fil-Kawża E-11/12

    Beatrix Susanne Koch, Lothar Hummel u Stefan Müller v Swiss Life (il-Liechtenstein) AG

    (Id-Direttiva 90/619/KEE – Id-Direttiva 92/96/KEE – Id-Direttiva 2002/83/KE – Id-Direttiva 2002/92/KE – Assigurazzjoni fuq il-ħajja – Benefiċċji marbuta ma’ unitajiet – Obbligu li jiġu pprovduti pariri ġusti – Informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lid-detentur tal-polza qabel ma l-kuntratt jiġi konkluż – Il-Prinċipju ta’ ekwivalenza – Il-Prinċipju ta' effettività)

    2013/C 277/10

    Fil-Kawża E-11/12 Beatrix Susanne Koch, Lothar Hummel u Stefan Müller v Swiss Life (il-Liechtenstein) AG – TALBA lill-Qorti minn Fürstliche Landgericht des Fürstentums Liechtenstein (Il-Qorti Prinċipeska tal-Prinċipat tal-Liechtenstein) skont l-Artikolu 34 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat-8 ta' Novembru 1990 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma' assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, li tistipula dispożizzjonijiet għall-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma’ assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (it-tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja), id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jikkonċernaw l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u d-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar medjazzjoni fl-assigurazzjoni, il-Qorti, komposta minn Carl Baudenbacher, President u Per Christiansen u Páll Hreinsson (Imħallef-Relatur), Imħallfin, tat is-sentenza fit-13 ta’ Ġunju 2013, li d-dispożittiv tagħha huwa kif ġej:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma’ assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (it-tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja) u d-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jikkonċernaw l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għandhom jiġu interpretati li jfissru li ma jeħtiġux lill-intrapriża tal-assigurazzjoni li tipprovdi pariri lid-detentur tal-polza qabel ma l-kuntratt jiġi konkluż.

    (2)

    L-Artikolu 31 u l-punti a11 u a12 tal-Anness II(A) tad-Direttiva 92/96/KEE u l-Artikolu 36 u l-punti a11 u a12 tal-Anness III(A) tad-Direttiva 2002/83/KE jridu jiġu interpretati li jfissru li huwa għall-qorti nazzjonali, fid-dawl taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-kawża quddiemha, biex tiddetermina jekk l-informazzjoni bil-miktub ikkomunikata lid-detentur tal-polza qabel ma ġie konkluż il-kuntratt dwar assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ unitajiet tkunx sħiħa, ċara u preċiża, u

    suffiċjenti biex tiddefinixxi l-unitajiet li huma marbuta magħhom il-benefiċċji, u

    suffiċjenti biex tiddeskrivi n-natura tal-assi sottostanti,

    tali li d-detentur prospettiv tal-polza kien/kienet kapaċi jagħżel/tagħżel il-kuntratt l-aktar adattat għall-bżonnijiet tiegħu/tagħha.

    (3)

    Sakemm l-informazzjoni hija kompluta u kkomunikata lid-detentur tal-polza skont it-termini stabbiliti fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83/KE, u f’konformità ma’ regoli oħra applikabbli għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lid-detentur tal-polza, huwa biżżejjed li l-informazzjoni elenkata fl-Anness II u l-Anness III, rispettivament, tiġi kkomunikata lid-detentur tal-polza minn parti terza, pereżempju, intermedjarju tal-assigurazzjoni.

    (4)

    F’ċirkostanzi bħal dawk f’din il-kawża l-Ftehim ŻEE u d-Direttiva 92/96/KEE u d-Direttiva 2002/83/KE jridu jiġu interpretati li ma jipprekludux regola nazzjonali li tipprovdi għal proċedura ta' lment amministrattiv wara li t-telf ikun inħoloq minħabba nuqqas min-naħa ta’ intrapriża tal-assigurazzjoni li tkun konformi mar-rekwiżit li tipprovdi l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 92/96/KEE u l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, sakemm

    l-ewwel nett, id-dritt li jintalab kumpens għal telf finanzjarju minn dik l-intrapriża tal-assigurazzjoni minħabba nuqqas li tikkomunika l-informazzjoni preskritta fl-Anness II għad-Direttiva 92/96/KEE u l-Anness III għad-Direttiva 2002/83/KE ma jkunx inqas favorevoli minn dak applikabbli għal azzjonijiet domestiċi simili, u,

    it-tieni, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali ma tagħmilhiex prattikament impossibbli jew diffiċli wisq għad-detentur tal-polza li jeżerċita d-drittijiet mogħtija bid-direttivi.

    Hija l-qorti nazzjonali li għandha taċċerta ruħha jekk dawk iż-żewġ kundizzjonijiet humiex issodisfati.


    Top