Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AR2064

    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l- “Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib — it-tieni rapport ta’ impatt tajjeb ‘soft landing’  ”

    ĠU C 218, 30.7.2013, p. 27–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 218/27


    Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-“Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib — it-tieni rapport ta’ impatt tajjeb ‘soft landing’ ”

    2013/C 218/05

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    jitlob li jsiru studji kumplementari urġenti biex jiġi vvalutat l-impatt territorjali tat-tneħħija tal-kwoti;

    jitlob valutazzjoni realistika tal-prospetti tal-produzzjoni, tal-konsum intern u tal-esportazzjoni għal żmien medju u twil;

    jitlob li ssir analiżi komparattiva tal-politiki tal-ħalib tal-pajjiżi li huma produtturi kbar tal-ħalib kif ukoll valutazzjoni preċiża tal-esperjenza tal-Isvizzera;

    jitlob valutazzjoni tal-impatt tan-negozjati kummerċjali bilaterali li qed jiġu diskussi bħalissa;

    jitlob li tiġi studjata l-possibbiltà li fl-Unjoni Ewropea jiġu adattati ċerti miżuri li jkunu ttieħdu minn Stati oħra biex jiġġestixxu kriżijiet potenzjali fis-suq tal-ħalib, b'mod partikolari il-miżuri tal-Farm Bill li jmiss 2013-2017;

    jipproponi li tiġi estiża l-possibbiltà ta’ ġestjoni tal-volumi prevista fil-pakkett tal-ħalib għall-ħalib tal-muntanja;

    jitlob li tingħata prijorità lis-sigurtà u lis-sostenibbiltà tas-swieq interni tal-Unjoni Ewropea;

    jipproponi li fir-rigward tal-istrateġija ta' esportazzjoni, jingħata aktar appoġġ lill-innovazzjoni fis-settur tal-prodotti tal-ħalib b’valur miżjud qawwi;

    jipproponi li jinbnew sħubijiet b’saħħithom mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Medju Orjent li m’għandhomx artijiet u ilma biżżejjed biex jipproduċu l-ħalib bi prezzijiet raġonevoli, u li joffru suq għall-ħalib li huwa aktar faċilment aċċessibbli mill-Ażja;

    jitlob lill-Kummissjoni li tiddefinixxi mill-ġdid proġett koerenti ta’ żvilupp rurali u tas-settur tal-ħalib għaż-żoni tal-muntanja, għar-reġjuni żvantaġġjati li jipproduċu l-ħalib, għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u għall-Istati Membri li l-parti l-kbira tal-produzzjoni tal-ħalib tagħhom issir minn strutturi agrikoli żgħar ħafna.

    Relatur

    Is-Sur René SOUCHON, President tal-Kunsill Reġjonali tal-Auvergne (FR/PSE)

    Dokument ta’ referenza

    Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib – it-tieni rapport ta’ impatt tajjeb (“soft landing”)

    COM(2012) 741 final

    I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

    IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    B’kontinwità mal-Opinjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar “Il-pakkett tal-ħalib”  (1)

    1.

    ifakkar li f’ħafna Stati Membri u reġjuni, il-produzzjoni tal-ħalib hija pilastru essenzjali tal-ekonomija reġjonali u tal-valur miżjud agrikolu. F’dan il-kuntest, il-produzzjoni tal-ħalib għandha kompiti ekoloġiċi importanti, għandha effett sostenibbli fuq il-pajsaġġi kultivati u hija sors ta’ impjiegi importanti fir-reġjuni rurali;

    2.

    ifakkar li l-proċess ta’ riforma għandu jirrispetta d-differenzi reġjonali u strutturali tat-trobbija tal-bhejjem għall-ħalib u tas-settur tal-imħaleb. F’bosta reġjuni, il-ħalib jipproduċuh l-aktar intrapriżi tal-familja żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li f’żoni oħra l-produzzjoni tal-ħalib hija ddominata minn intrapriżi agrikoli kbar. Għalhekk, ir-riformi fis-settur tal-ħalib m’għandhomx jipperikolaw lill-istrutturi b’ġestjoni familjali li l-aktar li jikkontribwixxu għat-tkabbir sostenibbli;

    3.

    ifakkar fil-ħtieġa li d-dħul tal-produtturi tal-ħalib jiġi garantit aħjar biex ikunu jistgħu jgħixu b’mod deċenti mill-attività tagħhom, biex jiġi preżervat il-ġejjieni tas-settur tal-ħalib u tiġi assigurata s-sigurtà tal-provvista tal-ikel bi prodotti tal-ħalib ta’ kwalità għall-konsumaturi Ewropej;

    Sitwazzjoni favorevoli fl-2010-2012 għal “soft landing”

    4.

    jirrikonoxxi li fl-Unjoni Ewropea ma kienx hemm splużjoni fil-produzzjoni tal-ħalib u l-anqas tnaqqis brutali tal-valur tal-kwoti minħabba fiż-żieda “b’xejn” tal-volum tagħhom ta’ 8 % mill-2008 sal-2015, iżda jinnota li din iż-żieda fil-volum wasslet biex darbtejn ikun hemm żieda qawwija fil-produzzjoni li kważi wasslet biex il-mezzi tal-ipproċessar jilħqu l-punt ta’ saturazzjoni, b’mod partikolari t-torrijiet biex inixxfu t-trab tal-ħalib, u dan ġara f’diversi pajjiżi;

    5.

    jinnota li s-sitwazzjoni tas-swieq dinija ilha favorevoli mill-2010, billi ppermettiet il-bejgħ tal-prodotti tal-ħalib tal-Unjoni Ewropea fis-suq dinji mingħajr il-ħtieġa ta’ rifużjonijiet, b’mod partikolari il-butir u t-trab tal-ħalib, iżda din is-sitwazzjoni ma tiggarantix li l-livell tal-prezzijiet fis-suq dinji ser jibqa’ l-istess fuq perjodu ta’ żmien medju u twil;

    Iżda għażliet li huma dejjem inqas rilevanti

    6.

    jinnota li l-argumenti li l-Kummissjoni Ewropea ilha tressaq mill-2003 biex tneħħi l-kwoti u tilliberalizza s-suq tal-ħalib qed ikunu dejjem aktar kontroversjali;

    7.

    ifakkar li ma sar l-ebda progress fin-negozjati mad-WTO għal 10 snin u jinnota li l-proposti tal-UE, li saru f’Hong Kong fl-2005, li jitneħħew ir-rifużjonijiet fuq il-prodotti tal-ħalib issa huma superati;

    8.

    jinnota li n-negozjati bilaterali bejn l-Istati Uniti, in-New Zealand u l-Awstralja ma jirrigwardawx is-settur tal-ħalib;

    9.

    jinnota li l-parti l-kbira tal-pajjiżi l-oħra li huma produtturi kbar tal-ħalib, bħall-Indja, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea ta’ Isfel, żammew, u fil-każ tal-Istati Uniti saħħew, il-garanziji tagħhom fis-settur tal-ħalib. Fl-Istati Uniti, it-tisħiħ tar-regolazzjoni pubblika tas-suq tal-ħalib li qed tiġi diskussa fil-Kungress, tipprevedi garanzija ta’ marġni minimu għall-produtturi meta mqabbla mal-ispiża tal-għalf tal-annimali, kif ukoll miżura għat-tnaqqis tal-produzzjoni obbligatorja għal kulħadd f’każ ta’ kriżi;

    10.

    jinnota li m’hemmx prova li interess il-konsumaturi jiġġustifika l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-ħalib, kif qed tgħid il-Kummissjoni. B’mod partikolari, it-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet fl-2009, ma kellu l-ebda effett fuq il-prezz għall-konsumaturi, jew kellu effett żgħir ħafna;

    11.

    jinnota li t-tisħiħ tal-marġni fis-setturi agroalimentari u tad-distributuri l-kbar sar bi ħsara għall-produtturi, peress li hemm differenza kbira bejn il-prezz għall-produtturi meta mqabbel mal-prezz għall-konsumaturi;

    12.

    ifakkar li l-istudji li saru l-Kanada wrew li “l-qoffa tal-prodotti tal-ħalib” ma kinitx tiswa aktar f’dan il-pajjiż li juża l-kwoti, milli fl-Istati Uniti, minkejja li l-prezz tal-ħalib meta joħroġ mir-razzett huwa differenti ħafna – madwar 50 % ogħla fil-Kanada;

    13.

    jikkunsidra li l-instabbiltà tal-prezz tal-ħalib tiswa ħafna lis-settur kollu, iżda l-aktar lill-produtturi, li ma jkunux jistgħu jipprevedu d-dħul tagħhom. Dan jiskoraġġixxi li jinfetħu azjendi ġodda fis-settur tal-ħalib;

    14.

    ifakkar li kienet il-produzzjoni żejda tal-butir u l-ħalib tat-trab, li kienu jiswew ħafna biex jinħażnu u jiġu esportati li kienu r-raġuni għall-implimentazzjoni tal-kwoti tal-ħalib fl-1984 u li t-tnaqqis ta’ dawn l-eċċessi bis-saħħa tal-kwoti wasslet għal frankar finanzjarju qawwi sal-2003. Iqis li jekk is-sistema tal-kwoti m'għadhiex tindirizza kompletament il-problemi attwali, it-tneħħija tagħha għandha tiġi akkumpanjata b'għodod ta' regolazzjoni adatti;

    Suq dinji marġinali li diġà qed jimponi l-instabbiltà tiegħu fuq is-suq Ewropew

    15.

    jinnota li l-iskambji fis-suq dinji tal-prodotti tal-ħalib jirrappreżenta biss 6 % tal-produzzjoni dinija, prinċipalment fil-forma ta’ trab u ta’ butir, iżda li huma l-prezzijiet ta’ dawn iż-żewġ prodotti li qed jiddeċiedu dejjem aktar il-prezz tal-ħalib tar-razzett fl-Unjoni Ewropea, meta l-parti sostanzjali tal-ħalib għandha prezz aħjar fis-suq intern;

    16.

    jinnota li l-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-suq dinji tirrappreżenta madwar 10 % tal-produzzjoni tal-UE, kemm fil-forma ta’ ġobon kif ukoll ta’ trab tal-ħalib b’valur miżjud baxx u jiddispjaċih li l-investimenti mħabbra mill-imħaleb huma l-aktar għat-torrijiet ta’ tnixxif;

    17.

    jinnota li fis-swieq dinija, l-kompetitur ewlieni estern tal-Unjoni Ewropea huwa n-New Zealand, li għandha spejjeż ta’ produzzjoni iktar baxxi mir-raħħala Ewropej, u li permezz ta’ Fonterra, kooperattiva b’pożizzjoni ta’ kważi monopolju, tesporta aktar minn 90 % tal-produzzjoni tagħha prinċipalment fil-forma ta’ butir u trab, u waħidha hija tforni terz tas-suq dinji bi preżenza b’saħħitha fis-swieq tal-Ażja; Fonterra tikkontrolla wkoll is-swieq tal-futures;

    18.

    jinnota li anke jekk l-Ażja tirrappreżenta suq potenzjali għall-Unjoni Ewropea, pajjiżi bħaċ-Ċina jew l-Indja għandhom l-intenzjoni li jiżviluppaw kemm jistgħu l-produzzjoni tagħhom, biex ikunu dipendenti mill-inqas mill-kapriċċi tas-suq biex jitimgħu l-popolazzjoni tagħhom;

    19.

    jinnota wkoll li għall-ġobnijiet, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għamlet progress fis-swieq tar-Russja, il-Ġappun u l-Korea, iżda ftit li xejn fis-suq Ċiniż;

    Analiżi parzjali wisq tal-Kummissjoni

    20.

    iqis li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni, l-aktar il-Pakkett tal-Ħalib u l-OKS unika (inklużi l-importazzjonijiet) ma fihomx mekkaniżmi suffiċjenti ta’ regolazzjoni pubblika tal-produzzjoni u tas-swieq tal-ħalib; barra minn hekk dawn għandhom jiġu akkumpanjati minn strumenti addizzjonali ta' politika reġjonali sabiex jiġi żgurat żvilupp bilanċjat tar-reġjuni;

    21.

    jiddispjaċih li t-tieni rapport intermedju tal-Kummissjoni huwa limitat għal analiżi makroekonomika tas-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib, b’mudell globali ħafna, u b’ħafna ipoteżijiet, li huma diġà parzjalment superati;

    22.

    jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tippreżenta l-ebda analiżi kwantitattiva u kwalitattiva ddettaljata dwar il-prospettivi fuq żmien medju tas-suq fl-Unjoni Ewropea, maqsum f’raggruppamenti kbar ta’ pajjiżi, filwaqt li tqis b’mod partikolari d-diversità tad-daqs u l-mezzi tal-irziezet, tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u tal-metodi ta’ kummerċjalizzzazzjoni;

    23.

    jiddispjaċih li r-rapport ma fih l-ebda analiżi komparattiva tal-politiki tal-pajjiżi l-oħra li huma produtturi kbar tal-ħalib, kompetituri u/jew klijenti tal-Unjoni Ewropea;

    24.

    jinnota li l-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar il-ħalib kien bi ħsiebu jsegwi s-sitwazzjoni tal-Isvizzera hi u tneħħi l-kwoti, li żiedet il-produzzjoni tal-ħalib b’7 % f’dan il-pajjiż, bil-konsegwenza li l-prezzijiet medji tbaxxew bejn 20 u 30 %. Id-differenzi bejn l-istrutturi u l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni fl-Isvizzera u s-sitwazzjoni fl-UE huma ċari. Barra minn hekk it-tħejjija għat-tneħħija tal-kwoti u l-implimentazzjoni tagħha fl-Isvizzera jvarjaw sew mill-proċeduri fl-UE. Madankollu, il-Kummissjoni tidher li fir-rapport tagħha ma qisitx din l-esperjenza li għandha tiġi analizzata aktar fil-fond;

    25.

    jinnota li l-Kummissjoni Ewropea tidher aktar preokkupata bil-limiti għal-liġi tal-kompetizzjoni, li tinteressa mijiet ta’ eluf ta’ produtturi minn dawk tal-kumpaniji multinazzjonali tal-ipproċessar tal-ħalib u tad-distribuzzjoni li jikkontrollaw aktar minn nofs il-ħalib Ewropew;

    L-impass fuq l-impatt reġjonali

    26.

    jiddispjaċih b’mod partikolari li r-rapport tal-Kummissjoni ma jqisx l-impatt fuq it-territorji ta’ tmiem il-kwoti tal-ħalib għar-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, fl-aspetti differenti tiegħu: ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

    27.

    ifakkar li aktar minn żewġ terzi tal-irziezet tal-ħalib jinsabu f’żoni żvantaġġjati minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima, u li jinsabu ’l bogħod miċ-ċentri urbani l-kbar u jkollhom merħliet ta’ daqs żgħir ħafna;

    28.

    ifakkar li l-ħalib tal-muntanji jirrappreżenta madwar 10 % tal-ħalib tal-UE-27, iżda żewġ terzi tal-ħalib u tliet kwarti tar-raħħala fl-Awstrija, is-Slovenja u l-Finlandja, u li dan il-proporzjon ta’ ħalib u ta’ raħħala għadu għoli ħafna f’xi tużżana pajjiżi oħra. Fil-parti l-kbira ta’ dawn ir-reġjuni muntanjużi umdi, u anke fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-merħliet tal-ħalib huma l-utenti prinċipali tal-mergħat u b’hekk jippermettu ż-żamma tal-pajsaġġi miftuħa u abitati, favorevoli għat-turiżmu, għall-bijodiversità u għall-ambjent;

    29.

    ifakkar li l-ħalib tal-baqra prodott fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jirrappreżenta parti konsiderevoli tal-ħalib prodott fil-pajjiżi kkonċernati u li, bħaż-żoni muntanjużi, il-produzzjoni tal-ħalib hija prinċipalment responsabbli għaż-żamma tal-pajsaġġ agrikolu reġjonali, b'effett pożittiv għat-turiżmu u għall-ambjent;

    30.

    ifakkar li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri l-ġodda tal-Ewropa tal-Lvant, il-provvista tal-ħalib għadu inċert ħafna. Hija naqsetmill-2005, peress li tiddependi prinċipalment mill-merħliet il-kbar (l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja). Il-provvista naqset ukoll fil-Bulgarija u fir-Rumanija minkejja ristrutturazzjoni qawwija ħafna li tippromovi l-bejgħ tal-ħalib f’ċirkwiti informali. Il-prospetti jidhru aħjar fil-Polonja u, xi ftit inqas fil-Pajjiżi l-Baltiċi, bl-iżvilupp ta’ merħliet familjali ta’ 10 sa 30 baqra meta r-raħħala jkunu jistgħu jiksbu taħriġ u kreditu;

    31.

    iqis li l-mudell tat-trobbija b’ġestjoni familjali, li jutilizza r-riżorsi erbaċji lokali, l-aktar il-mergħat, li jikkonċilja bl-aħjar mod l-ġejjieni tas-settur kollu tal-ħalib, l-aspettattivi tas-soċjetajiet u dawk tar-raħħala;

    32.

    jikkunsidra li l-għajnuna tat-tieni pilastru ma tistax tikkumpensa għall-effetti distruttivi tal-instabbiltà tal-prezzijiet tal-ħalib u tal-kontributi, li jiskoraġġixxu l-ħolqien ta’ produzzjoni li teħtieġ investiment qawwi fit-tul;

    33.

    jitlob li jiġu kkunsidrati kemm il-problema tal-bhejjem imrobbija għall-ħalib li jiddependu minn għalf f'żoni b'disponibbiltà fqira ta' ġwies, kif ukoll l-importanza li jiġu implimentati mekkaniżmi li jipproteġu dan is-settur mill-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet taċ-ċereali u li tiġi appoġġjata l-produzzjoni fit-territorji fejn hija ta' importanza soċjoekonomika kbira;

    34.

    jitlob li jingħataw attenzjoni u appoġġ speċifiku lit-territorji fejn ir-ristrutturar wassal għal tnaqqis qawwi fil-produzzjoni tal-ħalib tradizzjonali iżda fejn dan is-settur irnexxielu jżomm sod wara r-ristrutturazzjonijiet kontinwi li għadda minnhom f'dawn l-aħħar deċennji. Dan japplika aktar u aktar meta titqies l-enfasi li għandha tingħata fil-ġejjieni lill-produzzjonijiet lokali u liċ-ċirkwiti qosra ta' kummerċjalizzazzjoni;

    Il-limiti tal-pakkett tal-ħalib

    35.

    jaħseb li l-erba’ għodod tal-pakkett tal-ħalib li huma r-relazzjonijiet kuntrattwali, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali u t-trasparenza, huma għodod meħtieġa iżda mhux suffiċjenti, u m'għandhomx l-għan li jagħtu garanzija tal-ġestjoni tal-volumi, il-prezzijiet u d-dħul għar-raħħala;

    36.

    jikkunsidra li l-pakkett tal-ħalib ma fihx l-istrumenti li jistgħu jtaffu l-effetti negattivi tat-tneħħija tal-kwoti fuq it-territorji u fuq il-mudell tat-trobbija b’ġestjoni familjali, li jutilizza r-riżorsi erbaċji lokali, l-aktar il-mergħat, u li din it-tneħħija ser twassal għall-konċentrazzjoni tal-produzzjoni fir-reġjuni agrikoli bl-ikbar vantaġġi, b’riskji akbar għall-ambjent;

    37.

    jinnota li fil-pajjiżi prinċipali li jipproduċu l-ħalib fit-Tramuntana tal-Unjoni Ewropea, il-kooperattivi huma f’maġġoranza kbira u f’xi każijiet għandhom sitwazzjoni ta’ monopolju, u qed iħabbru żjieda fil-provvista tagħhom, fuq talba tal-membri tagħhom;

    38.

    jinnota li r-relazzjonijiet kuntrattwali kif previsti mill-pakkett tal-ħalib, li l-kooperattivi mhumiex marbutin magħhom, ma jirrigwardawx aktar minn 40 % tal-volum tal-ħalib prodott fl-UE kollha, u li s-suq b’mod globali ser isir imprevedibbli;

    39.

    jikkunsidra li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma meħtieġa iżda mhux dejjem ikollhom saħħa reali fin-negozjati mal-imħaleb jekk huma jiġu limitati biss għal organizzazzjonijiet vertikali għal kull settur (li huma forma ta’ integrazzjoni) u fl-assenza ta’ kontraparti fil-forma ta’ organizzazzjoni tal-produtturi għal kull żona ta’ produzzjoni, li tkun tista’ tinnegozja ma’ diversi mħaleb, ir-raħħala qatt mhu ser ikollhom saħħa fin-negozjati kummerċjali;

    40.

    jikkunsidra li l-għodod tal-pakkett tal-ħalib ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet li jiġi garantit id-dħul tal-produtturi u jipproponi l-inklużjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni fin-negozjati tal-prezz tal-ħalib mir-razzett fuq il-bażi tar-riżultati tal-FADN għal kull pajjiż, jew għal kull reġjun;

    41.

    jitlob li nduru lura għal politika pubblika ta’ ġestjoni tal-istokkijiet tas-sigurtà, żieda fil-prezz tal-intervent u ż-żamma tar-rifużjoni għall-esportazzjoni ta’ natura eċċezzjonali, bħala kontraparti għal politika tas-settur tal-ħalib li tkun aktar adatta għall-iżviluppi fid-domanda interna u tas-swieq esterni fir-rigward ta’ prodotti ta’ kwalità;

    42.

    jinnota li l-ġestjoni tal-offerta għad-DPO (denominazzjoni protetta ta’ oriġini) u għall-IĠP (indikazzjoni ġeografika protetta) hija punt pożittiv tal-pakkett tal-ħalib iżda tirrigwarda ftit pajjiżi u parti żgħira tal-produzzjoni Ewropea (anke fi Franza, dawn id-DPO u l-IĠP jirrigwardaw biss 10 % tal-produzzjoni totali tal-ħalib tal-pajjiż, iżda 30 % tal-ħalib tal-muntanja);

    Proġett ta’ regolament tal-OKS unika insuffiċjenti

    43.

    jikkunsidra li l-proposti attwali tal-Parlament Ewropew, dwar il-limitazzjoni volontarja tal-produzzjoni f’każijiet ta’ kriżi, li tippermetti lill-Kummissjoni li tagħti għajnuna lill-produtturi tal-ħalib li jnaqqsu l-produzzjoni tagħhom b’tal-anqas 5 % b’mod volontarju għal perjodu tal-anqas ta’ 3 xhur rinnovabbli, b’penali għall-produtturi li jżidu l-produzzjoni tagħhom fl-istess perjodu, huma dispożizzjonijiet mhux suffiċjenti biżżejjed biex jiġi evitat tnaqqis qawwi fil-prezzijiet fil-każ ta’ produzzjoni żejda;

    44.

    iqis li sistema effikaċi ta’ ġestjoni ta’ kriżi trid turi li għandha kapaċità tajba li tirreaġixxi u għaldaqstant trid tiġi ċentralizzata l-informazzjoni nazzjonali u Ewropea tal-produzzjonijiet għal kull razzett fuq diversi snin, jiġi definit l-istat ta’ kriżi permezz tal-prezzijiet ta’ referenza u/jew il-marġni, li jippresupponi ġestjoni diretta, jew mill-Kummissjoni Ewropea jew minn aġenzija Ewropea regolatorja;

    Rakkomandazzjonijiet

    45.

    jitlob li jsiru studji kumplimentari b’mod urġenti biex jiġi valutat l-impatt fuq it-territorji tat-tneħħija tal-kwoti għal kull grupp ta’ pajjiżi, reġjuni, b'mod partikolari r-reġjuni l-aktar imbiegħda u żoni b’ċerti kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima: żoni muntanjużi, żoni żvantaġġjati, żoni intermedji b’polikulturi – trobbija tal-annimali, żoni ta’ pjanura, b’mod li jkunu jistgħu jiġu antiċipati, u jekk possibbli limitati, r-riskji ta’ delokalizzazzjoni u ta’ abbandun f’ħafna reġjuni;

    46.

    jitlob valutazzjoni realistika tal-prospetti tal-produzzjoni, tal-konsum intern u tal-esportazzjoni għal żmien medju u twil (2020-2030), għal kull tip ta’ prodott, filwaqt li titqies ukoll l-instabbiltà li qed tikber fil-prezzijiet tas-suq dinji. In-nuqqas ta’ ġestjoni tal-offerta u tal-politika tal-istokkijiet pubbliċi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti jistgħu biss iżidu din l-instabbiltà li hija inkompatibbli mal-iżvilupp ta’ settur tal-ħalib Ewropew;

    47.

    jitlob li ssir analiżi komparattiva tal-politiki tal-ħalib tal-pajjiżi li huma produtturi kbar tal-ħalib kif ukoll valutazzjoni preċiża tal-esperjenza tal-Isvizzera, kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll minn dik soċjali u ambjentali;

    48.

    jitlob valutazzjoni tal-impatt tan-negozjati kummerċjali bilaterali li qed jiġu diskussi bħalissa, b'enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li jipproduċu l-ħalib;

    49.

    b’segwitu għall-Opinjoni tiegħu tal-4 ta’ Mejju 2012 dwar “r-Riforma tal-Politika Agrikola Komuni u l-iżvilupp rurali wara l-2013”, jikkunsidra essenzjali l-ekwilibriju mill-ġdid tal-għajnuniet u jqis il-proposti tal-Kummissjoni insuffiċjenti biex jittrasferixxu l-kompetittività lejn l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jużaw ir-riżorsi erbaċji lokali, iż-żoni b’ostakli naturali, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-gżejjer, kif ukoll lejn ċerti setturi fraġli;

    50.

    jitlob li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet ta' adattament, fl-Unjoni Ewropea, ta' ċerti miżuri li ttieħdu minn pajjiżi oħra biex jindirizzaw il-kriżijiet potenzjali tas-suq tal-ħalib, b'mod partikolari l-miżuri tal-Farm Bill li jmiss 2013-2017 li tipprevedi, b'mod partikolari għall-produtturi parteċipanti, garanzija ta' flessibbiltà fuq l-ispiża alimentari flimkien ma' tnaqqis tal-konsenji u jitlob li jiġu analizzati dawn il-miżuri ta' ġestjoni tal-kriżijet meħuda minn pajjiżi oħra biex jiġi valutat l-impatt tagħhom fuq is-suq globali tal-ħalib;

    51.

    jipproponi li tiġi estiża l-possibbiltà ta’ ġestjoni tal-volumi prevista fil-pakkett tal-ħalib u għal issa riżervata għall-ġobnijiet taħt id-DPO u l-IĠP, għall-ħalib tal-muntanja fil-qafas tar-referenza fakultattiva l-ġdida ta’ kwalità għall-prodotti tal-muntanja;

    52.

    fil-fatt jikkunsidra li r-referenza “prodott tal-muntanja”, tista’ tkun għodda ta’ territorjalizzazzjoni interessanti għas-settur tal-ħalib, sakemm jiġu adottati metodi ta’ implimentazzjoni adegwati li jkun hemm bżonn;

    53.

    jipproponi li qabel ma jidħlu fis-seħħ il-miżuri eventwali li jieħdu post il-mekkaniżmi tal-kwoti tal-ħalib tiġi analizzata l-adozzjoni ta' moratorju għat-tmiem tal-kwoti, sabiex dan il-mekkaniżmu eventwalment jiġi estiż sal-aħħar tal-kampanja 2019/2020, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu studjati fid-dettall minn issa sa dak iż-żmien il-konsegwenzi ta’ din it-tneħħija; fl-istess ħin jitlob lill-Kummissjoni tadatta x-xibka ta’ sigurtà għas-suq tal-ħalib u twettaq analiżi regolari tas-suq dinji kif ukoll valutazzjoni tal-politiki pubbliċi fir-reġjuni prinċipali ta’ produzzjoni;

    54.

    jitlob lill-Kummissjoni li tiddefinixxi mill-ġdid proġett koerenti ta’ żvilupp rurali u tas-settur tal-ħalib għaż-żoni tal-muntanja, għar-reġjuni żvantaġġjati li jipproduċu l-ħalib, għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u għall-Istati Membri li l-parti l-kbira tal-produzzjoni tal-ħalib tagħhom issir minn strutturi agrikoli żgħar ħafna;

    55.

    jitlob li tingħata prijorità lis-sigurtà u lis-sostenibbiltà tas-swieq interni tal-Unjoni Ewropea, l-aktar permezz tad-distribuzzjoni tal-ħalib fl-iskejjel, fid-djar tal-anzjani u għall-għajnuna alimentari u b'riformulazzjoni u semplifikazzjoni tal-miżuri ta' appoġġ u ta' promozzjoni tal-prodotti tal-ħalib;

    56.

    jipproponi li fir-rigward tal-istrateġija ta' esportazzjoni, jingħata aktar appoġġ lill-innovazzjoni fis-settur tal-prodotti tal-ħalib b’valur miżjud qawwi sabiex jiġu żviluppati prodotti aktar adattati għall-konsumaturi l-ġodda ta' pajjiżi bħal dawk tal-Maghreb, il-Medju Orjent u l-Ażja u li din l-istrateġija tiġi appoġġjata permezz ta' miżuri adatti;

    57.

    jipproponi li jinbnew sħubijiet b’saħħithom mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Medju Orjent li m’għandhomx artijiet u ilma biżżejjed biex jipproduċu l-ħalib bi prezzijiet raġonevoli, u li joffru suq għall-ħalib li huwa aktar faċilment aċċessibbli mill-Ażja.

    Brussell, 30 ta’ Mejju 2013

    Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

    Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


    (1)  CdR 13/2011 fin.


    Top