EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0713(01)

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 23 ta’ Mejju 2013 rigward proċedura taħt Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Każ AT.39595 – Continental/United/Lufthansa/Air Canada) (notifikata bid-dokument C(2013) 2836 final)

ĠU C 201, 13.7.2013, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU C 201, 13.7.2013, p. 8–8 (HR)

13.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 201/8


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta’ Mejju 2013

rigward proċedura taħt Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

(Każ AT.39595 – Continental/United/Lufthansa/Air Canada)

(notifikata bid-dokument C(2013) 2836 final)

(It-Test Ingliż biss huwa awtentiku)

2013/C 201/09

Fit-23 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Introduzzjoni

(1)

Din id-Deċiżjoni tagħmel legalment vinkolanti l-impenji offruti minn Air Canada (AC), United Airlines, Inc. (UA) (2) u Deutsche Lufthansa AG (LH) (flimkien “il-partijiet”) skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fi proċediment taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat. Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-ftehim (ftehim A++) konkluż bejn il-partijiet relatati mal-istabbiliment ta' impriża konġunta ta' qsim ta' dħul (impriża konġunta A++), li tkopri fost l-oħrajn is-servizzi ta' trasport tal-passiġġieri kollha tal-partijiet ta' rotot bejn l-Ewropa u l-Amerika ta' Fuq.

Proċedura

(2)

Fit-8 ta' April 2009, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti formali bil-għan li tittieħed deċiżjoni taħt Kapitolu III ta' Regolament (KE) Nru 1/2003. Fl-10 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni preliminari.

(3)

Fil-11 ta' Diċembru 2012, il-partijiet ipproponew impenji biex jindirizzaw it-tħassib preliminari tal-Kummissjoni dwar is-suq relevanti. Fil-21 ta' Diċembru 2012 ġie ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li jagħti sommarju tat-tħassib tal-Kummissjoni kif ukoll tal-impenji proposti u jistieden lill-partijiet terzi biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom. Wara l-kummenti riċevuti mill-partijiet terzi, fil-15 ta' Mejju 2013, il-partijiet issottomettew il-verżjoni ffirmata tal-impenji finali.

(4)

Fis-7 ta' Mejju 2013, il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ġie kkonsultat u ta opinjoni favorevoli. Fit-8 ta' Mejju 2013, l-Uffiċjal tas-Seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu.

It-tħassib muri fil-valutazzjoni preliminari

Valutazzjoni taħt l-Artikolu 101(1) u 101(3) tat-Trattat

(5)

Il-valutazzjoni preliminari tal-10 ta' Ottubru 2012 stabbiliet it-tħassib preliminari tal-Kummissjoni li l-kompetizzjoni fis-suq premjum (3) fuq ir-rotta Frankfurt–New York setgħet ġiet ristretta mil-partijiet kemm bl-għan kif ukoll bl-effett permezz tal-kooperazzjoni tagħhom taħt il-ftehim A++.

(6)

Il-Kummissjoni ħadet l-opinjoni preliminari li l-ftehim A++ min-natura tiegħu kellu l-għan u l-potenzjal li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Dan għaliex il-kooperazzjoni tal-partijiet fl-impriża konġunta A++ eliminat kompletament il-kompetizzjoni bejn dawn il-partijiet fuq parametri ewlenin ta' kompetizzjoni bħall-prezz u kapaċità. Fi ħdan l-impriża konġunta ta' qsim ta' dħul "metal neutral", l-inċentivi individwali tal-linji tal-ajru sħab fuq rotot tranżatlantiċi ġew sostitwiti mill-interess u l-benefiċċju komuni tal-impriża konġunta.

(7)

Il-Kummissjoni wkoll ikkunsidrat preliminarjament li l-kooperazzjoni tal-partijiet taħt il-ftehim A++ wasslet għal effetti negattivi apprezzabbli għal passiġġieri primjum fuq ir-rotta Frankfurt–New York, minħabba li kompetizzjoni li eżistiet bejn LH u CO qabel il-kooperazzjoni fl-impriża konġunta A++ wisq probabbli ma kinitx ser tiġi sostitwita bil-kompetizzjoni mill-kompetituri tal-partijiet minħabba ostakli sostanzjali għad-dħul u t-tkabbir.

(8)

Għalhekk, fil-ħarsa preliminari tal-Kummissjoni, il-kooperazzjoni bejn il-partijiet taħt il-ftehim A++ kienet inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) tat-Trattat fuq ir-rotta Frankfurt–New York f'relazzjoni ma' passiġġieri primjum.

(9)

Il-partijiet sostnew li l-ftehim A++ jipproduċi effiċjenzi kemm għall-passiġġieri li jivjaġġaw fuq ir-rotta kkonċernata kif ukoll għall-passiġġieri li jivjaġġaw fuq ir-rotot “behind and beyond” relatati. Il-Kummissjoni ddeċidiet li twessa' t-test tal-“effiċjenzi barra mis-suq” stabbilit f'paragrafu 43 ta' Artikolu 101(3) tal-Linji Gwida tat-Trattat. Taħt dan it-test imwessa, l-“effiċjenzi barra mis-suq” fi swieq relatati jistgħu jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni kompetittiva sal-punt li jibbenefikaw ukoll il-konsumaturi li qiegħda ssirilhom il-ħsara mill-kooperazzjoni. Din il-valutazzjoni għalhekk ma tinkludix il-bilanċjament ta' ħsara għal grupp wieħed ta' klijenti kontra benefiċċji għal grupp ieħor ta' klijenti.

(10)

Taħt it-test imwessa', il-partijiet għandhom l-ewwel juru li r-rotta kkonċernata u r-rotot “behind and beyond” huma relatati. Huwa meħtieġ li jintwera grad konsiderevoli ta' komunalità fil-gruppi ta' konsumaturi li jivjaġġaw fuq ir-rotta kkonċernata u r-rotot “behind and beyond” relatati, u li jkun hemm fluss ta' effiċjenzi miż-żewġ naħat tul dawn ir-rotot. It-tieni nett, il-partijiet għandhom jikkwantifikaw l-effiċjenzi dwar rotot “behind and beyond” relatati li jirriżultaw għall-konsumaturi li jivjaġġaw wkoll fuq ir-rotta kkonċernata. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jkun ivverifikat li l-effiċjenzi mbassra (kemm fis-suq kif ukoll 'il barra mis-suq) jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra kollha tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fuq il-qligħ tal-effiċċjenzi, sehem ġust għall-konsumaturi, indispensabbiltà tar-restrizzjonijiet, u l-ebda possibilità li l-kompetizzjoni tiġi eliminata.

(11)

Wara l-valutazzjoni ta' effiċjenzi ppreżentata mill-partijiet taħt it-test imwessa', ġie xorta waħda konkluż li taħt Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-livell ta' effiċjenzi murija (fis-suq u barra mis-suq) probabbilment ma kienx ikun biżżejjed biex jeċċedi l-effetti negattivi probabbilment sinifikattivi li jirriżultaw mir-restrizzjoni ta' kompetizzjoni taħt Artikolu 101(1) tat-Trattat.

Impenji Inizjali u Finali

(12)

Fil-11 ta' Diċembru 2012, il-partijiet ipproponew impenji biex jindirizzaw it-tħassib preliminari għal passiggieri premjum fuq ir-rotta Frankfurt-New York. Il-partijiet offrew:

(a)

biex pari ta’ slottijiet disponibbli għall-wasla u t-tluq isiru disponibbli fl-ajruport ta’ Frankfurt u/jew l-ajruporti New York JFK/Newark Liberty – fuq għażla ta' kompetitur – biex jippermettu li joperaw sa frekwenza waħda addizzjonali kuljum (u sa tliet frekwenzi kuljum jekk jitneħħew servizzi ta' partijiet terzi fuq l-istess rotta). Din l-offerta hija soġġetta għal għadd ta' kundizzjonijiet, li jinkludu li l-kompetitur ikun għamel l-isforzi kollha raġonevoli biex jikseb il-postijiet neċessarji permezz tal-proċess ta' allokazzjoni ta' slottijiet ġenerali. Barra minn hekk, il-partijiet m’għandhomx għalfejn jirrilaxxaw aktar minn slott wieħed fl-ajruport JFK ta' New York;

(b)

li jidħlu fi ftehimiet ta' “kombinabbiltà tal-biljett” mal-kompetituri għall-passiġġieri primjum (4). Kompetituri eleġibbli huma l-kompetituri kollha li joperaw jew bdew joperaw servizzi bla waqfien ġodda jew miżjuda fuq ir-rotta Frankfurt–New York, u ma joperawx hub/ajruport b’fowkus fuq xi belt fiż-żewġ naħat tar-rotta;

(c)

li jidħlu fi ftehimiet speċjali pro rata għal traffiku b’oriġini u b’destinazzjoni fl-Ewropa/fl-Iżrael jew fl-Amerika ta' Fuq/il-Karibew/l-Amerika Ċentrali, sakemm parti mill-vjaġġ tinvolvi r-rotta Frankfurt-New York (5). Il-kompetituri eleġibbli huma l-kompetituri kollha li bdew joperaw servizzi bla waqfien ġodda jew miżjuda fuq ir-rotta Frankfurt–New York, u waħedhom jew bi sħubija mal-imsieħba tal-alleanza tagħhom ma joperawx hub/ajruport b’fowkus fuq belt fiż-żewġ naħat tar-rotta Frankfurt–New York;

(d)

li jiftħu l-programmi tagħhom għal vjaġġaturi frekwenti lil kompetitur li jibda jew iżid servizzi fuq ir-rotta, jekk tali kompetitur ma jkollux programm komparabbli tiegħu stess u ma jkunx qed jipparteċipa fi kwalunkwe mill-programmi għal vjaġġaturi frekwenti tal-partijiet.

(13)

Il-partijiet joffru wkoll li jagħtu r-responsabbiltà lil fiduċjarju biex jissorvelja t-twettiq tal-impenji. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn applikant ġdid u l-partijiet dwar l-impenji, il-partijiet joffru proċess għas-soluzzjoni tat-tilwim fejn it-tribunal arbitrarju għandu finalment jiddeċiedi dwar il-kwistjoni.

(14)

Bi tweġiba għall-kummenti tat-test tas-suq, il-partijiet issottomettew il-verżjoni ffirmata tal-impenji finali fil-15 ta' Mejju 2013. Minbarra xi ftit aġġustamenti u kjarifiki tekniċi, dawn l-impenji riveduti jvarjaw mill-impenji offerti fil-bidu l-aktar fejn jidħol l-iskop tal-ftehim speċjali prorata. L-ambitu tal-impenn ġie estiż minn ħmistax għal għoxrin rotta li fihom il-partijiet se joffru aċċess għall-kompetituri għal koinċidenzi tagħhom, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

Valutazzjoni u proporzjonalità tal-impenji proposti

(15)

L-impenji fil-forma finali tagħhom huma biżżejjed biex jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni fil-valutazzjonijiet preliminari tagħha mingħajr ma jkunu sproporzjonati. L-impenji jiffaċilitaw id-dħul jew l-espansjoni fuq rotta Frankfurt–New York għall-passiġġieri premjum billi jnaqqsu l-ostakli għad-dħul jew espansjoni, kif ukoll billi jssaħħu s-servizzi eżistenti tal-kompetituri. Għandhom l-għan li jipprovdu kompetituri b’aċċess imtejjeb għal koinċidenzi u bil-possibilità li jikkonkludu ftehimiet biex jgħaqdu l-prezzijiet u ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar programmi għal vjaġġaturi frekwenti mal-partijiet.

(16)

Il-Kummissjoni tqis li l-ambitu tal-impenji finali fir-rigward slots huwa suffiċjenti u adegwat biex jagħmilhom effettivi u attraenti biżżejjed biex jinkoraġixxu t-teħid attwali. Dan huwa veru speċjalment jekk flimkien ma’ elementi oħra tal-impenji finali, bħal kombinabilità tal-prezzijiet u ftehimiet speċjali prorata. L-impenn tal-kombinabilità tal-prezzijiet ser itaffi l-iżvantaġġ ta' frekwenza tal-kompetituri kontra l-partijiet billi ippermetti lil dawn il-kompetituri joffru aktar frekwenzi kombinati. Dan se jagħmel is-servizzi tal-kompetituri aktar attraenti għal passiġġieri primjum u għalhekk ser itejjeb is-sostenibbiltà fuq medda twila ta' żmien tal-kompetituri eżistenti u jnaqqas l-ostakli għad-dħul għal kompetituri ġodda. L-impenn relatat ma' ftehimiet speċjali prorata ser jippermetti lil entrant ġdid ikollu l-aċċess neċessarju għal koinċidenzi tal-partijiet fuq termini vantaġġjużi fuq iż-żewġ naħat tar-rotta. Dan ser inaqqas il-vantaġġ ta' hub tal-partijiet fuq entranti ġodda u għalhekk ser jinċentiva d-dħul minn kompetituri.

Konklużjoni

(17)

Din id-Deċiżjoni tagħmel l-impenji proposti mill-impriżi ikkonċernati legalment vinkolanti fuqhom.

(18)

Fid-dawl tal-impenji finali offruti mill-partijiet il-Kummissjoni tikkunsidra li ma kienx hemm aktar raġunijiet għal azzjoni min-naħa tagħha. Id-Deċiżjoni għandha torbot għall-perjodu totali ta’ għaxar snin mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  Fl-2010, Continental Airlines (CO) u United Air Lines amalgamaw (Każ COMP/M.5889 – United Airlines/Continental Airlines). Fil-31 ta' Marzu 2013, ġiet iffinalizzata l-għaqda bejn dawk iż-żewġ trasportaturi. CO kienet waħda mil-partijiet fl-investigazzjoni f'dan il-każ sad-data tal-finalizzazzjoni tal-amalgamazzjoni.

(3)  Is-suq premjum jinkludi passiġġieri li jixtru biljetti tal-ewwel klassi, biljetti tal-klassi business u biljetti “flexible economy”.

(4)  Ftehimiet ta' “kombinabbiltà tal-biljett” jipprovdu għall-possibilità għal kompetitur (jew aġenziji tal-ivjaġġar) li joffru vjaġġ ta' ritorn għal passiġġieri premjum, b'hekk jinkludu servizz kontinwu pprovdut f'direzzjoni minnhom minn waħda mil-partijiet, u fid-direzzjoni l-oħra minn dak il-kompetitur.

(5)  Ftehim speċjali proratajippermetti lit-trasportaturi interessati li jiksbu termini favorevoli mill-partijiet għat-trasport ta' passiġġieri ta' konnessjoni fuq titjiriet tal-partijiet fuq rotot qosra fl-Ewropa u fl-Amerika ta' Fuq (u pajjiżi magħżula oħra) sabiex iżidu s-servizzi transatlantiċi tagħhom stess fuq ir-rotta Frankfurt–New York billi jitrasferixxu dawn il-passiġġieri fuq it-titjiriet transatlantiċi tagħhom stess.


Top