This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE0926
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on occurrence reporting in civil aviation amending Regulation (EU) No 996/2010 and repealing Directive 2003/42/EC, Commission Regulation (EC) No 1321/2007 and Commission Regulation (EC) No 1330/2007’ COM(2012) 776 final — 2012/0361 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007” COM(2012) 776 final — 2012/0361 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007” COM(2012) 776 final — 2012/0361 (COD)
ĠU C 198, 10.7.2013, p. 73–76
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
10.7.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 198/73 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007”
COM(2012) 776 final — 2012/0361 (COD)
2013/C 198/12
Relatur: is-Sur HENCKS
Nhar l-24 ta’ Jannar 2013 u nhar is-17 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 u li jħassar id-Direttiva Nru 2003/42/KE, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1330/2007
COM(2012) 776 final – 2012/0361 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2013.
Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’195 vot favur, vot wieħed (1) kontra u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ aċċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u t-tisħiħ tal-fluss tal-informazzjoni dwar l-okkorrenzi jew l-inċidenti li jipperikolaw jew li, fin-nuqqas ta’ miżuri korrettivi, jistgħu jipperikolaw il-passiġġieri u kwalunkwe persuna oħra jew l-inġenji tal-ajru. |
1.2 |
Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u jiġu evitati l-aċċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili huwa importanti ħafna li l-professjonisti kollha tas-settur ikunu obligati jirrappurtaw l-okkorrenzi kollha li jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà, u anke, fejn ikun hemm bżonn, l-iżbalji li jkunu wettqu huma stess jew li jkunu kkontribwixxew għalihom jew li jkunu ġew ikkaġunati minn xi kollegi tagħhom. |
1.3 |
Sistema ta’ rappurtar bħal din tista’ taħdem b’mod effikaċi biss jekk:
|
1.4 |
Il-KESE jqis li l-miżuri ta’ protezzjoni tas-sorsi tal-informazzjoni eżistenti jew addizzjonali, previsti fir-Regolament ikkonċernat, jistgħu jkomplu jissaħħew jew jiġu kkompletati. Għal dan il-għan il-KESE:
|
1.5 |
Fid-dawl tal-importanza kruċjali ta’ kultura ġusta biex in-notifikaturi jiġu protetti b’mod aktar effikaċi u fl-interess ċar tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe riskju ta’ aċċident, il-KESE inkariga lil espert estern biex iħejji studju f’dan ir-rigward u ċertament mhux ser jonqos milli jikkomunika l-konklużjonijiet lill-partijiet interessati. |
1.6 |
Il-KESE għandu xi riżervi fir-rigward tal-miżura l-ġdida li tipprevedi li minn issa ’l quddiem in-notifikaturi jistgħu jressqu r-rapport tagħhom kemm quddiem l-impjegatur tagħhom kif ukoll quddiem l-awtorità pubblika kompetenti, mentri s’issa r-rapport dejjem tressaq quddiem l-awtorità pubblika biss. Il-KESE jqis li fil-każ tar-rapporti li jitressqu direttament quddiem l-impjegatur, għal finijiet ta’ newtralità u sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza min-naħa tal-impjegatur fid-deskrizzjoni tal-fatti min-notifikatur, in-notifikatur għandu jkun obbligat iressaq kopja tar-rapport fl-istess ħin quddiem l-awtorità pubblika kompetenti. |
1.7 |
Il-KESE jiddispjaċih li r-regolament ma jipprovdix b’mod espliċitu għar-rappurtar ta’ inċidenti mill-passiġġieri. Il-passiġġieri sikwit ikollhom approċċ aktar viġilanti fir-rigward tar-riskji tas-sigurtà tal-infrastrutturi u s-servizzi u jinnutaw nuqqasijiet li dawk li jaħdmu fis-settur jaraw minn lenti differenti minħabba r-rutina. Dan japplika wkoll għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwaw il-fatturi ta’ riskju fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tagħhom. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li jiġu previsti proċeduri biex il-passiġġieri jiġu inklużi fil-fluss ta’ informazzjoni dwar l-okkorenzi li għandhom jiġu rrappurtati. |
1.8 |
Fl-aħħar, il-KESE jqis li l-okkorrenzi jew in-nuqqasijiet innutati matul l-operazzjonijiet ta’ imbarkazzjoni, b’mod partikolari matul il-kontrolli ta’ sigurtà li jsiru fuq il-passiġġieri, għandhom jiġu inklużi fost l-okkorrenzi li għandhom jiġu rrappurtati b’mod obbligatorju. |
2. Introduzzjoni
2.1 |
Mill-ħolqien tas-suq uniku tat-trasport bl-ajru fl-1992 ’il hawn, ir-rispett tal-esiġenzi regolatorji li kulma jmur huma dejjem aktar stretti fir-rigward tas-sigurtà ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru, jew li jintużaw minn intrapriża stabbilita fi Stat Membru, abbażi ta’ studji fid-dettall u indipendenti dwar l-aċċidenti, wassal għal tnaqqis konsiderevoli u kważi konsistenti fir-rata ta’ aċċidenti tal-ajru fatali. |
2.2 |
L-esperjenza turi li, ħafna drabi, qabel ma jseħħ aċċident, għadd ta’ inċidenti jew nuqqasijiet oħra jkunu diġà ħarġu fid-dieher l-eżistenza ta’ periklu għas-sigurtà. Malajr deher ċar li kien sar aktar u aktar diffiċli li tiżdied is-sigurtà tal-avjazzjoni jekk jiġi segwit approċċ “reattiv” biss, li kien dominanti sa dawk iż-żminijiet, u li kien jikkonsisti f’li jkun hemm reazzjoni u li tinsilet tagħlima biss wara li jkunu seħħew l-aċċidenti. |
2.3 |
L-Unjoni Ewropea għaldaqstant ma setgħetx tikkuntenta ruħha bir-rwol tagħha ta’ leġislatur iżda kellha tieħu ħsieb ukoll it-trattament sistemiku tar-riskji marbuta mas-sikurezza tal-avjazzjoni. Permezz tad-Direttiva 2003/42/KE tagħha dwar ir-rappurtar tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili adottat approċċ komplementari, imsejjaħ “proattiv”. |
2.4 |
Is-sistema ta’ rappurtar hija bbażata fuq relazzjoni ta’ fiduċja bejn in-notifikatur ta’ dawn l-inċidenti jew in-nuqqasijiet u l-korp responsabbli għall-ġbir u l-valutazzjoni tal-informazzjoni relatata. |
2.5 |
Mill-2007 ’l hawn, l-Unjoni Ewropea bdiet iżżomm Repożitorju Ċentrali Ewropew li jiġbor fih l-okkorrenzi kollha fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili miġbura mill-Istati Membri u attwalment hemm madwar 600 000 okkorrenza rreġistrata f’dan ir-repożitorju. |
2.6 |
Fid-dawl tan-natura sensittiva tagħha, l-informazzjoni miġbura hija kunfidenzjali u ma tistax tintuża ħlief għal finijiet tal-attivitajiet tal-parteċipanti u tad-destinatarji. Sabiex jiġu evitati biża’ u reazzjonijiet mhux ġustifikati, l-informazzjoni għall-pubbliku trid tkun disponibbli b’mod globali u ġeneralment tkun limitata għal rapport annwali dwar il-livell ġenerali tas-sikurezza tal-avjazzjoni. |
2.7 |
Apparti s-sistema ta’ rappurtar obbligatorju, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistema ta’ rappurtar volontarju għall-ġbir u l-analiżi tal-punti dgħajfa osservati fl-avjazzjoni ċivili li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rapporti obbligatorji. |
2.8 |
L-obbligu ta’ rappurtar japplika għall-katina kollha tat-trasport bl-ajru, b’mod partikolari l-operaturi tal-ajru, l-operaturi ta’ ajruporti ċċertifikati, il-kumpaniji tal-groundhandling, eċċ. |
2.9 |
Il-kategoriji differenti tal-persunal li jaħdmu fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li josservaw okkorrenzi li huma ta’ interess għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti huma obbligati jirrappurtawhom. |
2.10 |
Fir-rapporti għandhom jitħassru d-dettalji personali kollha dwar in-notifikatur u l-aspetti tekniċi li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ din il-persuna. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jirrappurtaw inċidenti ma jkunux soġġetti għal preġudizzji mill-impjegaturi; ma tista’ tingħata l-ebda sanzjoni amministrattiva, dixxiplinarja jew professjonali lil persuna li tkun għamlet rapport dwar tali okkorrenza, ħlief f’każ ta’ negliġenza gravi jew ksur volontarju. |
3. Kontenut tar-regolament il-ġdid
3.1 Skont il-Kummissjoni Ewropea, it-trażmissjoni tar-rapporti ta’ okkorrenzi fl-UE u l-użu tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew għad għandhom għadd ta’ nuqqasijiet li jillimitaw l-użu tagħhom u jdagħjfu b’mod serju l-possibbiltà li jinsiltu tagħlimiet mill-esperjenza għall-prevenzjoni tal-aċċidenti. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri li ġejjin:
3.1.1 “Ġbir aħjar tal-okkorrenzi”
Il-proposta tistabbilixxi l-qafas biex jiġi żgurat li l-okkorrenzi kollha li jipperikolaw jew li jistgħu jipperikolaw is-sikurezza tal-avjazzjoni jiġu rrappurtati. Apparti s-sistemi ta’ informazzjoni obbligatorja, il-proposta timponi li jiġu stabbiliti sistemi volontarji.
Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jinkoraġġixxu lill-professjonisti fil-qasam tal-avjazzjoni biex jirrappurtaw informazzjoni mingħajr biża’ ta’ sanzjonijiet, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi.
3.1.2 “Ċarezza tal-fluss ta’ informazzjoni”
Kull organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-avjazzjoni għandha, flimkien mal-awtorità pubblika, timplimenta wkoll sistema ta’ rappurtar.
3.1.3 “Titjib fil-kwalità u kompletezza tad-dejta”
Ir-rapporti tal-okkorrenzi għandhom jinkludu informazzjoni minima u partijiet speċifiċi li jkunu obbligatorji L-okkorrenzi għandhom jiġu kklassifikati skont ir-riskju li jirrappreżentaw, abbażi ta’ skema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji li għandha titfassal fil-futur. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri għall-kontroll tal-kwalità tal-informazzjoni.
3.1.4 “Skambju aħjar ta’ informazzjoni”
L-aċċess tal-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għall-informazzjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew huwa estiż għall-informazzjoni kollha miġbura f’din il-bażi tad-data. Ir-rapporti kollha għandhom ikunu kompatibbli mas-software tal-UE, ECCAIRS.
3.1.5 “Protezzjoni aħjar kontra l-użu mhux xieraq tal-informazzjoni dwar is-sikurezza”
Minbarra l-obbligu li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tad-data miġbura, l-informazzjoni għandha tkun disponibbli u użata biss għall-iskop li tinżamm jew tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni. Għandhom jiġu konklużi ftehimiet mal-awtoritajiet ġudizzjarji biex jittaffew l-effetti negattivi tal-użu ta’ din l-informazzjoni għal finijiet ġudizzjarji.
3.1.6 “Protezzjoni aħjar ta’ min jagħmel ir-rapport biex tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa tal-informazzjoni (kultura ġusta)”
Ir-regoli dwar il-protezzjoni tan-notifikaturi ssaħħew u ġie affermat mill-ġdid l-obbligu li r-rapporti jkunu anonimi u li l-aċċess għad-data identifikabbli jiġi limitat għal ċirku ristrett ta’ persuni. Issaħħet ir-regola li skontha l-impjegati m’għandhomx ikunu soġġetti għal preġudizzju mill-impjegatur tagħhom, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi (kif definit fl-Artikolu 2(4) tal-abbozz ta’ Regolament), abbażi tal-informazzjoni rrappurtata. L-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili huma mitluba jadottaw dokument li jiddeskrivi kif il-protezzjoni tal-impjegati hija garantita. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jaħtar persuna responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-persuni li jirrikorru għandhom in-notifikaturi biex jinfurmawhom b’xi ksur tar-regoli kkonċernati. Fejn ikun xieraq, il-persuna maħtura għandha tipproponi, lill-Istat Membru tagħha, l-adozzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward tal-impjegatur li jkun kiser ir-regoli f’dan ir-rigward.
3.1.7 “Introduzzjoni ta’ rekwiżiti dwar l-analiżi ta’ informazzjoni u l-adozzjoni ta’ azzjonijiet ta’ segwitu fuq livell nazzjonali”
Il-proposta tittrasponi fil-leġislazzjoni Komunitarja r-regoli dwar l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi rrappurtati li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-livell internazzjonali.
3.1.8 “Analiżi aktar b’saħħitha fuq livell tal-UE”
Il-prinċipju li l-informazzjoni miġbura fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew tiġi analizzata mill-EASA u l-Istati Membri ssaħħaħ u l-kollaborazzjoni attwali ġiet formalizzata fi ħdan netwerk ta’ analizzaturi tas-sikurezza tal-avjazzjoni ppresedut mill-EASA.
3.1.9 “Titjib tat-trasparenza lejn il-pubbliku ġenerali”
B’mod li jirrispetta l-kunfidenzjalità meħtieġa, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw rapport annwali li jinkludi, b’mod globali, informazzjoni relatata mal-miżuri li jittieħdu biex tiżdied is-sikurezza tal-avjazzjoni.
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ aċċidenti fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u t-tisħiħ tal-fluss tal-informazzjoni dwar l-okkorrenzi li jipperikolaw jew li, fin-nuqqas ta’ miżuri korrettivi, jistgħu jipperikolaw il-passiġġieri u kwalunkwe persuna oħra jew l-inġenji tal-ajru. |
4.2 |
Barra minn hekk, jilqa’ b’mod favorevoli s-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni peress li din tiġbor f’test wieħed id-direttiva antika u żewġ regolamenti. |
4.3 |
Fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri ma jirrispettawx b’mod regolari l-iskadenzi għat-traspożizzjoni tad-direttivi – u dan kien ukoll il-każ għad-Direttiva 2003/42/KE dwar is-suġġett ikkonċernat – u fid-dawl tal-fatt li l-identifikazzjoni mill-aktar fis possibbli ta’ problemi eventwali ta’ sigurtà tista’ tevita katastrofi u twassal biex jiġu salvati ħajjiet umani, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-rikors għal att leġislattiv li jiġi applikat b’mod dirett, f’dan il-każ regolament, huwa l-aktar strument legali adatt biex jinkisbu l-objettivi mixtieqa. |
4.4 |
Mingħajr ma jinxteħet dubju fuq l-approvazzjoni ġenerali ta’ din il-Proposta għal Regolament, il-KESE madankollu jixtieq iqajjem diversi punti: |
4.5 |
Minn issa ’l quddiem, in-notifikaturi jistgħu jressqu r-rapport tagħhom kemm quddiem l-impjegatur tagħhom kif ukoll l-awtorità pubblika kompetenti, għalkemm s’issa kien previst li jitressaq biss quddiem l-awtorità pubblika. Meta r-rapporti jkunu indirizzati direttament lill-impjegatur dan tal-aħħar għandu jibgħathom lill-awtorità pubblika kompetenti. L-Artikolu 7(3) tal-abbozz ta’ Regolament jipprevedi li l-organizzazzjonijiet fil-qasam jistabbilixxu proċeduri għall-kontroll tal-kwalità tad-data, b’mod partikolari biex tiġi garantita l-konsistenza bejn id-data differenti miżmuma fir-rapporti ta’ okkorrenzi u l-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata inizjalment dwar l-okkorrenzi rrappurtati min-notifikatur. Il-KESE minn dan jiddeduċi li d-data relatata mal-okkorrenzi li tkun ġiet ikkomunikata inizjalment min-notifikatur mhux bilfors tkun l-istess bħad-data li terġa’ tintbagħat lill-awtorità pubblika u ma jistax japprova dan. Il-KESE għandu xi riżervi fir-rigward tar-rapporti li jitressqu direttament quddiem l-impjegatur. Għal finijiet ta’ newtralità u sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza min-naħa tal-impjegatur fid-deskrizzjoni tal-fatti skont in-notifikatur, in-notifikatur għandu jkun obbligat jibgħat kopja tar-rapport fl-istess ħin lill-awtorità pubblika kompetenti. |
4.6 |
Il-KESE jistqarr li fil-lista ta’ inċidenti li għandha tiġi rrappurtata b’mod obbligatorju (Anness I tar-Regolament) ma ġewx inklużi l-inċidenti li jikkonċernaw l-operazzjonijiet qabel l-imbarkazzjoni. Għalhekk, in-nuqqasijiet matul il-kontroll tas-sigurtà qabel l-imbarkazzjoni għandhom l-aktar l-aktar jiġu rrappurtati fil-qafas tar-rapporti volontarji. Però nuqqasijiet ta’ dan it-tip jista’ jkollhom konsegwenzi diżastrużi li l-KESE jqis li għandhom jiġu inklużi mal-okkorrenzi li għandhom jiġu rrappurtati b’mod obbligatorju. |
4.7 |
Bl-istess mod, l-abbozz ta’ Regolament ma jipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-passiġġieri jirrappurtaw inċidenti; madankollu, ma jeskludix dan meta jindika li s-sistemi ta’ rappurtar volontarju għandhom jippermettu l-ġbir ta’ informazzjoni minn persuni oħra apparti l-professjonisti tas-settur li huma obbligati jirrappurtaw. Madankollu, il-passiġġieri sikwit ikollhom approċċ aktar viġilanti fir-rigward tar-riskji ta’ sigurtà tal-infrastruttura u s-servizzi u jinnutaw nuqqasijiet li l-professjonisti fis-settur, minħabba r-rutina jew peress li jkunu tant ikkundizzjonati minn xogħolhom, iħarsu lejhom minn lenti differenti. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li jiġu previsti proċeduri biex il-passiġġieri jiġu inklużi fil-fluss ta’ informazzjoni tal-okkorrenzi li għandhom jiġu rrappurtati. Dan japplika wkoll għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa li, fl-Anness I, punt 4.3 tar-Regolament, huma trattati bl-istess mod bħall-ġarr tal-bagalji u l-merkanzija, mentri l-fatturi ta’ riskju huma totalment differenti. |
5. Kultura ġusta
5.1 |
Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati u evitati r-riskji ta’ inċidenti fl-avjazzjoni ċivili, huwa kruċjali li l-professjonisti kollha tas-settur ikunu obbligati jirrappurtaw l-okkorrenzi kollha li jistgħu jikkostitwixxu riskju għas-sigurtà. |
5.2 |
Fejn ikun hemm bżonn, jeħtieġ li dawk ikkonċernati jintalbu jirrappurtaw l-iżbalji li jkunu wettqu huma stess, li jkunu ikkontribwixxew għalihom jew li jkunu ġew ikkaġunati minn xi kollegi tagħhom. |
5.3 |
Huwa ċar li sistema ta’ rappurtar bħal din tista’ taħdem biss b’mod effikaċi f’qafas ta’ “kultura ġusta” li tipproteġi lill-uffiċjali kkonċernati minn azzjonijiet li jittieħdu kontrihom mill-impjegatur tagħhom u li tipproteġihom kontra kwalunkwe preġudizzju jew proċedura legali għal żbalji li jitwettqu involontarjament, ħlief f’każijiet ta’ negliġenza gravi li ssir b’mod deliberat, liema negliġenza tiġi identifikata b’mod ċar bħala tali. |
5.4 |
Il-KESE għaldaqstant ma jistax ma jilqax il-fatt li ssir enfasi fuq li l-objettiv esklużiv tar-rappurtar tal-okkorrenzi kkonċernati jkun il-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti u mhux l-għoti tat-tort jew tar-responsabbiltà u li l-abbozz ta’ Regolament jafferma mill-ġdid u jikkompleta l-miżuri ta’ protezzjoni tan-notifikatur li, madankollu, jistgħu jissaħħew aktar. |
5.5 |
B’hekk, fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-Regolament dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili (1), il-KESE diġà kien enfasizza li hemm bżonn ta’ aktar azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi garantit li l-Istati Membri kollha jemendaw is-sistema penali nazzjonali tagħhom bil-għan li jiżviluppaw kultura ġusta, u kien insista fuq l-importanza li tiġi stabbilita “Karta tal-UE dwar il-Kultura Ġusta” bil-għan li tiġi evitata kwalunkwe sanzjoni għal żbalji involontarji. |
5.6 |
Il-KESE jiddispjaċih li din il-proposta ma ġietx inkluża fl-abbozz ta’ Regolament ikkonċernat li, għalkemm jipprevedi kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet inkarigati mis-sigurtà u l-awtoritarjiet ġudizzjarji f’forma ta’ arranġamenti avvanzati (Artikolu 15(4): “Dawn l-arranġamenti avvanzati għandhom ifittxu li jiżguraw il-bilanċ ġust bejn il-bżonn ta’ amministrazzjoni xierqa ta’ ġustizzja u d-disponibbiltà kontinwa u neċessarja ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza.”), li huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, dawn l-arranġamenti jikkonċernaw biss il-kunfidenzjalità “adegwata” tal-informazzjoni u ma jipproteġux lin-notifikaturi minn proċeduri legali. |
5.7 |
Fir-rigward tal-protezzjoni tan-notifikatur, id-dispożizzjoni li tgħid li “L-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jibdew proċeduri fir-rigward ta’ ksur tal-liġi mhux premeditat jew mhux previst u li jindunaw bih biss peress li ġie rrapurtat” għandha tapplika wkoll għall-impjegatur tan-notifikatur. L-Artikolu 16(3) tal-abbozz ta’ Regolament għandu jiġu kkompletat f’dan is-sens. |
5.8 |
Fir-rigward tad-dispożizzjoni li timponi li kull organizzazzjoni tas-settur tadotta regoli interni li jiddeskrivu kif għandhom jiġu garantiti u applikati l-prinċipji tal-kultura ġusta, il-KESE jipproponi li dawn ir-regoli jiġu approvati minn qabel mill-korp responsabbli f’kull Stat Membru għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tal-protezzjoni tas-sorsi. |
5.9 |
Għalkemm kull element tar-regolament huwa obbligatorju u huwa applikabbli direttament f’kull Stat Membru fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, xi elementi tar-regolament, b’mod partikolari r-regoli interni li jiddeskrivu kif għandhom jiġu applikati l-prinċipji tal-kultura ġusta mill-organizzazzjonijiet, jew ir-regoli applikabbli f’każ ta’ ksur tar-regolament, għad iridu jiġu stabbiliti, jew fejn ikun hemm bżonn, jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali. Il-KESE kien jippreferi li r-regolament jipprevedi data ta’ skadenza għall-applikazzjoni ta’ dawn l-elementi. |
5.10 |
Fid-dawl tal-importanza kruċjali ta’ kultura ġusta biex in-notifikaturi jiġu protetti b’mod aktar effikaċi u fl-interess ċar tal-prevenzjoni kontra kwalunkwe riskju ta’ aċċident, il-KESE inkariga lil espert estern biex iħejji studju f’dan ir-rigward u ċertament mhux ser jonqos milli jikkomunika l-konklużjonijiet lill-partijiet interessati. |
Brussell, 17 ta’ April 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 21, 21.1.2011, p. 62-65