Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE0101

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa” COM(2012) 722 final

    ĠU C 198, 10.7.2013, p. 34–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 198/34


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan ta' azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa”

    COM(2012) 722 final

    2013/C 198/05

    Relatur: is-Sur Dandea

    Nhar it-12 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

    COM(2012) 722 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ April 2013.

    Matul l-489 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16, is-17 u t-18 ta’ April 2013 (seduta tas-17 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur u vot wieħed (1) kontra.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE huwa favur il-pjan imressaq mill-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għat-tnaqqis tal-frodi u l-evażjoni fiskali. Ma jista’ jsir l-ebda progress ġenwin ħlief jekk l-Istati Membri jagħtu iktar attenzjoni biex tiżdied l-effikaċja tas-servizzi fiskali, billi jiddedikaw riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti u jiżguraw il-koordinazzjoni aħjar tagħhom.

    1.2

    Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex fl-analiżi annwali tat-tkabbir u s-Semestru Ewropew jintegraw it-temi tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u anki l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, u biex jimplimentaw miżuri speċifiċi li jiġġieldu kontra dawn il-fenomeni, b’tali mod li jiġi żgurat il-progress rigward il-ħlas u l-ġbir tat-taxxi, biex isiru iktar ekwitabbli, tittejjeb ir-ridistribuzzjoni u jiġi miġġieled aħjar il-faqar.

    1.3

    Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni li tistabbilixxi lista sewda tal-pajjiżi li joperaw bħala rifuġji fiskali, li ma jirrispettawx il-prinċipji tal-governanza tajba fil-qafas fiskali, u jitlob li l-kriterji komuni li jippermettu li jiġu identifikati dawn il-pajjiżi u t-territorji jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew, sabiex jiġi evitat li jiġu applikati b’mod differenti fil-livell nazzjonali. Il-kontenut ta’ din il-lista sewda m’għandux ikun limitat għal pajjiżi terzi, imma għandu jinkludi wkoll it-territorji jew il-ġurisdizzjonijiet li jagħmlu parti mill-Istati Membri u l-intrapriżi li joperaw f’dawn iż-żoni.

    1.4

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkompleta l-proposti tagħha għal din il-lista sewda b’sanzjonijiet kontra intrapriżi, pereżempju biex dawn jiġu esklużi mill-akkwist pubbliku jew milli jieħdu fondi mill-UE jew għajnuna mill-Istat.

    1.5

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, minħabba li tagħmel il-ħsara lill-bażi fiskali u tobbliga lill-Istati Membri jgħollu t-taxxi, fiha nnifisha hija prattika immorali b’impatt serju fuq it-tħaddim tas-suq intern u xxekkel il-kunċett ta’ ġustizzja tas-sistema fiskali għall-kontribwenti. Minħabba l-kumplessità ta’ dan il-fenomenu, jeħtieġ li l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-regolament ġenerali kontra l-abbuż u d-definizzjoni tal-ftehimiet bilaterali artifiċjali jiġu ċċarati biżżejjed, b’tali mod li jkunu faċli li jiġu applikati mill-Istati Membri kollha.

    1.6

    Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-isforzi li għamlet il-Kummissjoni biex jiġu negozjati l-ftehimiet dwar il-governanza tajba fil-qasam fiskali mal-pajjiżi ġirien tal-UE. Huwa jirrakkomanda lill-Kunsill li jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tmexxi dawn in-negozjati, peress li dawn l-istrumenti jistgħu jkunu ferm utli biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

    1.7

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jassumu l-kompitu li jissemplifikaw u jarmonizzaw il-qafas ġuridiku eżistenti, sew fil-livell Ewropew u sew f’dak nazzjonali. Qafas ġuridiku semplifikat u iktar armonizzat fil-qasam fiskali, kapaċi li jiżgura taxxi ġusti, u kompletat minn strumenti li jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni moderna għall-verifika, il-kontroll u l-iskambju tal-informazzjoni, jista’ wkoll inaqqas b’mod konsiderevoli l-possibbiltajiet tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

    1.8

    Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jikkonvinċu lill-Istati Membri biex ma jżommux id-differenzi kbar bejniethom fil-livelli ta’ intaxxar dirett jew indirett, ħaġa li tħeġġeġ il-kompetizzjoni fiskali.

    1.9

    Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistudja l-possibbiltà li tintroduċi sistema Ewropea tan-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (Tax Identification Number). Il-KESE jtenni t-talba li kien diġà indirizza lill-Istati Membri f’ħafna mill-Opinjonijiet tiegħu, biex tiġi armonizzata s-sistema ta’ taxxi indiretti. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel proposti f’dan is-sens. Tali armonizzazzjoni, b’mod parallel mal-introduzzjoni ta’ sistema Ewropea dwar in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (NIT), tippermetti li jitnaqqas sew il-frodi karużell.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, u anki l-fatt li jiġi evitat il-ħlas tat-taxxi b’metodu ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, iwasslu għal inugwaljanzi dejjem ikbar ikkawżati mill-kriżi ekonomika u l-programmi tal-awsterità, u jirrappreżentaw theddida kbira għall-isforzi tal-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw tħaddim effikaċi tas-sistemi fiskali, kif ukoll il-finanzjament tas-servizzi pubbliċi, ir-ridistribuzzjoni tal-benesseri u l-ġlieda kontra l-faqar, u li jiġi evitat il-ħolqien ta’ kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Huwa stmat li t-telf għall-Istati Membri jammonta għal iktar minn EUR 1 000 biljun fis-sena (1).

    2.2

    Fit-2 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropa biex ifasslu mezzi konkreti għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

    2.3

    F’Ġunju 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni (2) fejn indikat kif jistgħu jiġu rispettati aħjar l-obbligi fiskali u kif jistgħu jitnaqqsu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. F’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni ħabbret il-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni biex tiġi kkonsolidata l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

    2.4

    F’Diċembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni mħabbar, li jkopri kemm l-inizjattivi li ttieħdu reċentement kif ukoll miżuri ġodda li jistgħu jiġu implimentati fil-perjodu l-qasir kif ukoll fit-tul. Dan il-pjan huwa akkumpanjat mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa (3), kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva (4).

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1

    Il-KESE huwa favur il-pjan imressaq mill-Kummissjoni u jappoġġja l-isforzi tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għat-tnaqqis tal-frodi u l-evażjoni fiskali (5). Madankollu, il-Kumitat jesprimi x-xettiċiżmu tiegħu rigward l-implimentazzjoni ta’ xi wħud mill-miżuri proposti, fid-dawl tad-differenzi kbar li jeżistu bejn l-Istati Membri, li jwasslu għad-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-Kunsill. Fl-istess ħin, it-tnaqqis li qed isir fil-maġġoranza tal-Istati Membri fir-riżorsi finanzjarji u umani tal-amministrazzjonijiet fiskali (6), minħabba l-miżuri ta’ awsterità applikati f’dawn l-aħħar snin, jirrappreżenta ostaklu kbir għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda. Ma jista’ jsir l-ebda progress ġenwin ħlief jekk l-Istati Membri jagħtu iktar attenzjoni biex tiżdied l-effikaċja tas-servizzi fiskali, billi jiddedikaw riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti u jiżguraw il-koordinazzjoni aħjar tagħhom.

    3.2

    Biċċa kbira minn dan it-telf li l-ekonomija sotterranja tiġġenera għas-sistemi fiskali hija dovuta għall-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva. Il-Kummissjoni tagħraf li din il-prattika tisfrutta n-nuqqas ta’ koerenza li hemm bejn is-sistemi fiskali ta’ żewġ Stati Membri jew iktar; filwaqt li tali prattika hija meqjusa leġittima fil-livell globali, din tmur kontra l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva. Il-KESE huwa tal-fehma li l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, peress li hija ta’ ħsara għall-bażi fiskali u tobbliga lill-Istati Membri jgħollu t-taxxi, fiha nnifisha hija prattika immorali b’impatt serju fuq it-tħaddim tas-suq intern - billi tiskoraġġixxi l-kompetizzjoni effettiva bejn l-intrapriżi b’mod ġenerali, u b’mod partikolari bejn l-SMEs - u xxekkel il-kunċett ta’ ġustizzja fis-sistema fiskali għall-kontribwenti.

    3.3

    Il-KESE bi pjaċir jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva, iżda huwa tal-fehma li l-miżuri proposti għall-ġlieda kontra din il-prattika mhumiex biżżejjed. Minħabba l-kumplessità tal-fenomenu (il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva), jista’ jkun diffiċli li, fil-qafas tal-ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri, tiġi applikata r-regola ġenerali kontra l-abbuż u li jiġu definiti ftehimiet bilaterali artifiċjali. Fl-istess ħin, il-KESE jaħseb li dawn il-miżuri jwasslu għal aktar problemi ta’ implimentazzjoni għall-Istati Membri milli kieku dawn itemmu minnufih dawn il-ftehimiet, partikolarment dawk li jinvolvu ġurisdizzjonijiet ġeneralment meqjusa bħala rifuġji fiskali jew li ma jirrispettawx l-istandards minimi tal-governanza tajba fil-qasam fiskali.

    3.4

    Il-Kummissjoni tipproponi lill-Istati Membri li jadottaw ġabra ta’ kriterji li permezz tagħhom jiġu identifikati l-pajjiżi terzi li ma jirrispettawx l-istandards minimi tal-governanza tajba fil-qasam fiskali, u li dawn il-pajjiżi jitqiegħdu fuq lista sewda. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din il-miżura għandha tkopri wkoll il-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri, kif ukoll l-intrapriżi li jkomplu jwettqu tranżazzjonijiet li jinvolvu lil entitajiet minn dawn it-territorji.

    3.5

    Il-Kummissjoni għamlet għadd ta’ proposti għal modifika ta’ ċerti direttivi (7) biex tikkorreġi l-lakuni li jistgħu jħeġġu l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Kunsill jagħtiha mandat biex tinnegozja ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi ma’ erba’ pajjiżi terzi ġirien u biex tiffirma l-abbozz ta’ ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u Liechtenstein min-naħa l-oħra. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kunsill jikkunsidra dawn il-proposti mill-iktar fis, peress li dawn l-istrumenti jistgħu jkunu ferm utli fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali.

    3.6

    Il-KESE jqis li, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jassumu l-kompitu li jissemplifikaw u jarmonizzaw il-qafas ġuridiku eżistenti, sew fil-livell Ewropew u sew f’dak nazzjonali. Qafas ġuridiku semplifikat u iktar armonizzat fil-qasam fiskali, kapaċi li jiżgura taxxi ġusti, u akkumpanjat minn strumenti li jużaw it-teknoloġija tal-informazzjoni moderna għall-verifika, il-kontroll u l-iskambju tal-informazzjoni, jista’ wkoll inaqqas b’mod konsiderevoli l-possibbiltajiet tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Dan għandu jippermetti li jittaffa l-piż amministrattiv u fiskali fuq l-intrapriżi u ċ-ċittadini, b’vantaġġi diretti għad-dħul fil-finanzi pubbliċi.

    3.7

    Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jikkonvinċu lill-Istati Membri biex ma jżommux id-differenzi kbar bejniethom fil-livelli ta’ intaxxar dirett jew indirett, ħaġa li tħeġġeġ il-kompetizzjoni fiskali. Min-naħa tiegħu il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-korrelazzjoni diretta bejn il-livell ta’ taxxi u l-evażjoni tat-taxxa. Ġlieda effettiva kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u kontra l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva tista’ twassal għal tnaqqis fil-livell ġenerali tal-intaxxar, għall-benefiċċju tal-kontribwenti kollha.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1

    Il-Kummissjoni tagħraf li, b’kunsiderazzjoni tal-libertà li għandhom biex joperaw fis-suq intern, l-intrapriżi jistgħu jistabbilixxu ftehimiet mal-ġurisdizzjonijiet meqjusa bħala rifuġji fiskali, billi jagħżlu l-Istat Membru l-inqas reattiv. Dan il-fenomenu jwassal għat-tnaqqis fil-bażi fiskali tal-Istati Membri u jikkomprometti l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni effettiva bejn l-intrapriżi b’mod ġenerali, u b’mod partikolari bejn l-SMEs, billi joħloq id-distorsjonijiet fit-tħaddim tas-suq intern. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħejju lista sewda ta’ intrapriżi li jippromovu l-prattiki ta’ dan it-tip. Fost miżuri oħra applikati fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li jissospendu d-drittijiet ta’ dawn l-intrapriżi milli jieħdu sehem fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, jew anke li jirrifjutaw, jekk hemm bżonn, li jagħtuhom l-għajnuna mill-Istat mitluba.

    4.2

    Skont l-istimi tal-Kummissjoni, il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva hija responsabbli għal nofs it-telf reġistrat mill-Istati Membri minħabba prattiki speċifiċi tal-ekonomija sotterranja. Il-KESE jqis li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni (8) għall-ġlieda kontra dawn il-prattiki mhumiex suffiċjenti u jirrakkomanda li l-klawżola kontra l-abbuż u d-definizzjoni tal-ftehimiet artifiċjali jiġu definiti b’mod aktar konkret, b’tali mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproċedu b’mod rapidu għall-implimentazzjoni tagħhom mingħajr ma jinħolqu sitwazzjonijiet kumplessi fil-livell tal-ġurisdizzjonijiet, fil-każ ta’ proċeduri fil-qorti relatati mal-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva.

    4.3

    Il-KESE jqis li l-proposta tal-Kummissjoni li tinħoloq pjattaforma għall-governanza fiskali tajba hija utli. Huwa jirrakkomanda lill-Kummissjoni tistieden ukoll lill-imsieħba soċjali biex jieħdu sehem f’din il-pjattaforma, l-iktar dawk li għandhom membri li huma ħaddiema mill-amministrazzjonijiet finanzjarji, li għandhom esperjenza vasta fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa. Huwa daqstant neċessarju li jiġi speċifikat kif il-pjattaforma ser tinteraġixxi mal-istrutturi l-oħra li joperaw fil-qasam fiskali fil-livell Ewropew.

    4.4

    Fil-qafas tan-negozjati, koordinati mill-OECD, dwar il-kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-taxxi tal-intrapriżi, il-Kummissjoni tipproponi li tittieħed azzjoni biex jitneħħew mid-direttivi eżistenti d-dispożizzjonijiet eżistenti li f’ċerti sitwazzjonijiet joffru l-possibbiltajiet ta’ pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva jew li jżommu milli jinstabu soluzzjonijiet adatti billi jippermettu n-non-tassazzjoni doppja. Il-KESE bi pjaċir jinnota din l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jirrakkomanda li dawn il-miżuri jittieħdu mill-iktar fis possibbli.

    4.5

    Il-Kummissjoni tipproponi li tiżdied il-ħidma fis-sistemi fiskali partikolari mmirati lejn il-persuni li jkunu telqu minn pajjiżhom (expats) u l-persuni sinjuri, li jagħmlu ħsara lit-tħaddim tas-suq intern u jnaqqsu d-dħul fiskali globali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu dawn l-iskemi speċjali għat-taxxa. Il-KESE jtenni wkoll t-talbiet tiegħu (li diġà ressaq f’Opinjonijiet (9) oħra indirizzati lill-istituzzjonijiet tal-UE) biex jittieħdu miżuri għall-impediment tar-rikors abbużiv għall-prinċipju tar-residenza fil-qafas tas-sistemi tal-proprjetà u domiċiljazzjoni fittizji li permezz tagħhom kumpaniji fittizji jew kumpaniji holding mingħajr l-ebda attività jippermettu lis-sidien tagħhom li jevitaw li jiġu intaxxati fil-pajjiż fejn ikunu domiċiljati.

    4.6

    Il-KESE jilqa’ t-tnedija tal-portal “NIT Ewropa”. Dan l-istrument jippermetti kull parti terza, b’mod partikolari l-entitajiet finanzjarji, jidentifikaw u jirreġistraw malajr, faċilment u b’mod korrett in-numri ta’ identifikazzjoni tal-persuna li tħallas it-taxxa. Barra minn hekk, dan l-istrument jista’ jintuża biex tittejjeb l-effikaċja tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni. B’kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistudja l-possibbiltà li tiddaħħal sistema ta’ NIT Ewropea, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li kien diġà indirizza lill-Istati Membri f’bosta Opinjonijiet, li s-sistema tat-taxxi indiretti tiġi armonizzata. Huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel proposti f’dan is-sens. Tali armonizzazzjoni, b’mod parallel mal-introduzzjoni ta’ sistema ta’ NIT Ewropea tippermetti li jitnaqqas sew il-frodi karużell, u fil-futur din l-għodda tista’ ssir identifikatur uniku tal-kontribwenti għal kull tip ta’ taxxa.

    4.7

    Il-Kummissjoni bdiet il-ħidma tagħha fl-istandardizzazzjoni tal-formoli għall-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam fiskali. Diġà ġiet żviluppata applikazzjoni tal-IT għall-ġestjoni ta’ dan it-tip ta’ formoli fil-lingwi kollha tal-Unjoni; din saret disponibbli mill-1 ta’ Jannar 2013. Il-KESE jagħraf li dawn il-formati l-ġodda jistgħu jaqdu rwol importanti fil-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membil fil-qasam tat-taxxi, l-iktar fejn l-iżvilupp ta’ sistema tal-IT tippermetti l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni.

    4.8

    Il-KESE japprezza b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi d-direttiva tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji u li teżamina mill-ġdid id-dispożizzjonijiet kontra l-abbuż li jinsabu f’direttivi oħra. Din ir-reviżjoni hija neċessarja biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva. Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tal-Kummissjoni biex din ir-reviżjoni tkun tista’ sseħħ f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fil-qafas ta’ din ir-reviżjoni għandu jiddaħħal l-obbligu għall-intrapriżi multinazzjonali li jkollhom kontabilità separata għal kull pajjiż li fih ikollhom attività, u li għal kull wieħed minnhom jiġi speċifikat il-volum tal-produzzjoni mwettqa u l-qligħ miksub. Il-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kontabilità f’din il-forma tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-intrapriżi li jabbużaw mill-prezz tat-trasferimenti jew li jippromovu l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li tinħoloq regolamentazzjoni għat-tassazzjoni tal-qligħ tal-intrapriżi, ibbażata fuq korp ta’ regoli komuni.

    4.9

    Il-KESE jilqa’ l-isforzi mill-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-istrumenti tal-IT żviluppati mill-UE fil-qafas tal-OECD. Li kieku l-OECD tapprova l-formoli elettroniċi żviluppati għall-iskambju spontanju tal-informazzjoni u l-provvediment tal-informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, dawn l-istrumenti jkunu ferm utli u effikaċi għall-ġlieda kontra l-każijiet serji ta’ frodi jew evażjoni tat-taxxa.

    4.10

    Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita kodiċi Ewropea ta’ kontribwenti li tiġbor l-aħjar prattiki eżistenti fil-livell tal-Istati Membri, bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja bejn l-amministrazzjonijiet fiskali u l-kontribwenti b’tali mod li tiġi żgurata iktar trasparenza fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-kontribwenti u li jiġi promoss approċċ ibbażat fuq is-servizzi. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li semplifikazzjoni tas-sistemi fiskali jkollha l-effett li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kontribwenti u żżid il-fiduċja min-naħa tagħhom. L-Istati Membri għandhom jipprevedu tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-kontribwenti tajba, kemm persuni fiżiċi u kemm intrapriżi, u żieda fil-piż għal min jikser il-liġi. Huwa magħruf sew li ġeneralment, l-intrapriżi involuti fl-attivitajiet relatati mal-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva huma intrapriżi multinazzjonali kbar.

    4.11

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri li jippromovu approċċ ta’ punt uniku ta’ servizz, fejn il-kontribwenti, residenti jew non-residenti jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni dwar it-taxxi. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni u jqis li tali approċċ jippermetti biex tiġi eliminata parti mill-ostakli li jiffaċċjaw il-kontribwenti li jwettqu operazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, biċ-ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni eżistenti permezz ta’ punt uniku ta’ servizz f’kull Stat Membru, il-Kummissjoni tkun tista’ tiżviluppa portal web dwar it-taxxi fil-livell Ewropew, bħall-mudell tal-portal e-Justice.

    4.12

    Il-Kummissjoni tipproponi li abbażi tal-esperjenza li takkumula l-Eurofisc fil-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT, bis-saħħa tal-iskambju rapidu tal-informazzjoni, fil-ġejjieni dan in-netwerk jista’ jiġi estiż għall-qasam tat-tassazzjoni diretta. Il-KESE jqis li l-estensjoni tal-Eurofisc għat-tassazzjoni diretta tippermetti l-ikkompletar tal-istrumenti kollha tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva li diġà jeżistu fil-livell Ewropew.

    4.13

    Il-KESE huwa favur l-idea li tiġi allinjata d-definizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ reati fiskali, inklużi s-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali, għal kull tip ta’ taxxa. Jekk it-tali allinjament jitwettaq, ikun possibbli li l-intrapriżi jiġu skoraġġuti milli jagħżlu l-Istati Membri l-inqas reattivi biex jiżviluppaw l-operazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi eżaminat jekk allinjament ta’ dan it-tip huwiex opportun.

    4.14

    Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ azzjonijiet potenzjali, li fil-fehma tal-Kunsill ma kinux prijorità. Il-KESE jqis li l-garanzija ta’ aċċess dirett għall-bażijiet ta’ informazzjoni nazzjonali fil-qasam tat-taxxi diretti, li hija waħda mill-proposti tal-Kummissjoni, hija waħda mill-istrumenti l-iktar b’saħħithom għall-benefiċċju tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi evalwata l-possibbiltà li jitħejja strument legali uniku għall-kooperazzjoni amministrattiva għat-taxxi kollha. Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti tal-Kummissjoni, li jistgħu jżidu l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

    Brussell, 17 ta’ April 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM(2012) 351 final, p.2.

    (2)  COM(2012) 351 final.

    (3)  C(2012) 8805 final.

    (4)  C(2012) 8806 final.

    (5)  Il-Kumitat kemm-il darba ddikjara li hu favur miżuri maħsubin biex jitnaqqsu l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa: “Mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT” (ĠU C 11, 15.1.2013, p.31), “Il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud” (ĠU C 347, 18.12.2010, p.73), “Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa” (ĠU C 255, 22.9.2010, p.61).

    (6)  “Impact of austerity on jobs in tax services and the fight against tax fraud and avoidance in EU-27 + Norway” - Rapport ikkummissjonat mill-EPSU, imwettaq minn Lionel Fulton tal-Labour Research Department, http://www.lrd.org.uk/, Marzu 2013. Ara l-Appendiċi.

    (7)  COM(2008) 727 final - 2008/0215 (CNS); COM(2012) 428 final - 2012/0205 (CNS).

    (8)  C(2012) 8806 final.

    (9)  Ara l-Opinjoni tal-KESE INT/587, pġ. 1, ĠU C 229, 31.7.2012., p.7.


    Top