Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013XC0710(03)

    Pubblikazzjoni skont id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-likwidazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu – Stedina għal preżentazzjoni ta' talba – Termini li għandhom ikunu osservati – Stedina għal oppożizzjoni ta' talba – Termini li għandhom ikunu osservati

    ĠU C 197, 10.7.2013, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU C 197, 10.7.2013, p. 7–8 (HR)

    10.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 197/14


    Pubblikazzjoni skont id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-likwidazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu

    Stedina għal preżentazzjoni ta' talba – Termini li għandhom ikunu osservati

    Stedina għal oppożizzjoni ta' talba – Termini li għandhom ikunu osservati

    2013/C 197/04

    ESTRATT SKONT TAQSIMA 370 TAL-ATT Nru 182/2006 FUQ L-INSOLVENZA U R-RIŻOLVIMENT TAGĦHA (L-ATT TAL-INSOLVENZA)

    Skont in-Nru tal-ordni MSPH 78 INS 5152/2012-A-41 tal-4 ta' April 2013 tal- Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali fi Praga),Úvěrní družstvo PDW (il-Kooperattiva ta' Kreditu PDW) ta' Praga, bl-uffiċċju reġistrat tagħha fir-Repubblika Ċeka, Praga 2, Lipová 1444/20, identifikazzjoni tan-negozju Nru 257 91 583 (“id-Debitur”) kienet iddikjarata insolventi u ġiet ippreżentata ordni kontra l-assi tagħha biex jinħatar riċevitur. Din id-deċiżjoni ġiet implimentata fl-4 ta' April 2013. Fit-18 ta' April 2013 il-kumpanija 1. správcovská a konkurzní v.o.s., bl-uffiċċju tagħha reġistrat fir-Repubblika Ċeka, Pardubice, třída Míru 67, identifikazzjoni tan-negozju 261 26 788, kienet appuntata bħala l-likwidatur. Il-qorti ta' insolvenza hija stabbilita fil-Qorti Muniċipali fi Praga, fergħa ta' Slezská, Repubblika Ċeka, Praga, Slezská 9.

    It-talbiet tal-kredituri kif murija fil-kontijiet tad-debitur għandhom jitqiesu bħala mressqa. Il-kredituri jkunu notifikati individwalment b'dan il-fatt mill-likwidatur fi żmien 60 ġurnata mid-dikjarazzjoni ta' insolvenza, jiġifieri sal-4 ta' Ġunju 2013. Id-data tat-tressiq ta' talba għandha tkun dik tad-dikjarazzjoni ta' insolvenza, jiġifieri l-4 ta' April 2013.

    Notifika bħal din għandha tispeċifika l-fatt li ġiet ippreżentata ordni biex jinħatar riċevitur kontra l-assi tad-Debitur, l-ammont tat-talba tal-kreditur ikkonċernat kontra d-Debitur, il-fatt li t-talba tiegħu/tagħha għal dak l-ammont titqies bħala mressqa, u fejn xieraq, in-natura tat-talba.

    Kreditur li jixtieq jikkontesta l-ammont jew in-natura tat-talba tiegħu kif imniżżel fin-notifika jista' fi żmien erba' xhur mid-data tad-dikjarazzjoni ta' insolvenza, jippreżenta oġġezzjoni bil-miktub mal-likwidatur; in-nuqqas ta' dan ifisser li l-kreditur jaqbel mal-kontenut tan-notifika.

    Fi żmien tliet xhur mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-estratt mid-deċiżjoni ta' insolvenza fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kreditur jista' jippreżenta oġġezzjoni għall-effett li huwa ma jkunx irċieva notifika mill-likwidatur. L-oġġezzjoni għandha tindika l-ammont tat-talba kontra d-debitur fid-data tad-dikjarazzjoni ta' insolvenza fir-rigward tal-assi tad-Debitur. L-oġġezzjoni għandha tkun akkumpanjata minn kopji uffiċjali ċertifikati ta' kwalunkwe dokumentazzjoni li tikkonferma l-ammont allegat, id-data ta' bidu u n-natura tat-talba, u b'mod partikolari jekk it-talba hijiex waħda kontra l-proprjetà tad-Debitur (Taqsima 168 tal-Att tal-Insolvenza), hijiex ekwivalenti għal waħda kontra l-proprjetà tad-Debitur (Taqsima 169 tal-Att tal-Insolvenza), hijiex talba bi dritt għal sodisfazzjon minn sigurtà kollaterali (Taqsima 2(g) tal-Att tal-Insolvenza), hijiex talba assigurata b'mod ieħor, jew hijiex talba sussidjarja (Taqsima 172(2) Att tal-Insolvenza), u għandha tindika kwalunkwe riżerva ta' titlu.

    Kreditur bl-indirizz tiegħu irreġistrat, uffiċju, domiċilju jew post ta' residenza tas-soltu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea jista' jippreżenta oġġezzjoni fil-lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat. Meta kreditur jikkontesta l-ammont jew in-natura tat-talba tiegħu kif indikat fin-notifika, l-oġġezzjoni għandha jkollha t-titlu Podání námitky proti výši pohledávky (“Oġġezzjoni għall-ammont tat-talba”) fil-lingwa Ċeka. Meta kreditur jippreżenta oġġezzjoni għall-effett li huwa ma jkunx irċieva notifika mil-likwidatur, l-oġġezzjoni għandha jkollha t-titlu Přihláška pohledávky (“Preżentazzjoni tat-talba”) fil-lingwa Ċeka.

    Mgr. Pavel NOVÁK

    Sieħeb Awtorizzat, 1. správcovská a konkurzní v.o.s.

    Likwidatur għad-Debitur

    Úvěrní družstvo PDW, Praga, f'likwidazzjoni


    Top