Pasirinkite eksperimentines funkcijas, kurias norite išbandyti

Šis dokumentas gautas iš interneto svetainės „EUR-Lex“

Dokumentas 52013XC0628(05)

    Notifika ta' bidu ta' proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' ġebla agglomerata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU C 183, 28.6.2013, p. 21—30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.6.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 183/21


    Notifika ta' bidu ta' proċediment anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta' ġebla agglomerata li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    2013/C 183/12

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ġebla agglomerata, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huma l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qed joħolqu ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    1.   Ilment

    L-ilment tressaq fil-14 ta’ Mejju 2013 minn A.St.A Europe (“il-kwerelant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal- produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ġebla agglomerata.

    2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

    Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa madum u oġġetti oħrajn b'wiċċ ċatt, blokok u ċangaturi ta’ ġebel artifiċjali maqgħuda b’reżini jew ta’ agglomerazzjoni ta' ġebel u/jew ħġieġ u/jew mirja magħquda b’reżini (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    3.   L-allegazzjoni ta’ dumping

    Il-prodott li allegatament qed ikun l-oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 7304 116810, 1190 00, 6810 19 00, ex 6810 91 00, 6810 99 00, ex 7016 10 00, ex 7016 90 40, ex 7016 90 70 u ex 7020 00 80. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

    Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina abbażi tal-prezz f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, jiġifieri t-Turkija. L-allegazzjoni ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezzijiet tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qiegħed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    Fuq din il-bażi, il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

    4.   L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità

    Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u żdiedu f'termini ta' sehem mis-suq.

    L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba u l-kwantitajiet mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u l-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

    5.   Il-perjodu tal-investigazzjoni

    Il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) kien ikopri l-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2012 u t-30 ta’ Ġunju 2013. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jistipula li l-perjodu tal-investigazzjoni għandu normalment jintemm immedjatament qabel il-bidu tal-proċediment. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien aktar xieraq li tagħżel perjodu ta’ investigazzjoni li jikkoinċidi mal-perjodi ta' rappurtaġġ semiannwali għaliex hekk jiġi ffaċilitata r-rappurtaġġ ta’ dejta mill-kumpaniji u l-verifiki sussegwenti mill-Kummissjoni. Għal dawn ir-raġunijiet, u peress li din l-investigazzjoni preżenti tinbeda kważi fl-aħħar ta’ Ġunju 2013, tqies xieraq li tintuża d-dejta tal-perjodu bejn l-1 ta’ Lulju 2012 u t-30 ta’ Ġunju 2013, minflok tat-12-il xahar li jispiċċaw immedjatament qabel il-bidu.

    6.   Il-proċedura

    Wara li wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv il-Kummissjoni ddeterminat li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċediment, hija qiegħda b'dan tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

    L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ddampjat u jekk dawn l-importazzjonijiet iddampjati kinux ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

    6.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

    Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    6.1.1.   Il-proċedura tal-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    (a)   Teħid ta' kampjuni

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif, mitlub fl-Anness A ta' din in-notifika, dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    Il-produtturi esportaturi kollha li jintgħażlu fil-kampjun, se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, l-ispiża tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott investigat lill-Unjoni.

    Bla preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”). Bla preġudizzju għat-Taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju b'piż differenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

    (b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun

    Il-produtturi esportaturi li kkoperaw iżda li mhumiex fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ sussidju individwali jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-Kummissjoni se teżamina jekk dawn jistgħux jingħataw dazju individwali skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż b'ekonomija mhux tas-suq li jqisu li għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jistgħu jissottomettu talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”) u jibagħtuh lura mimli kif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi speċifikat fit-Taqsima 6.1.2.2 hawn taħt. Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta' dumping individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta' dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma jkunx jippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

    6.1.2.   Proċedura addizzjonali dwar il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    6.1.2.1.   L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

    Bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 6.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adattata. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament lit-Turkija. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna li jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, fornituri oħra tal-Unjoni b’ekonomija tas-suq huma l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Iżrael u l-Korea t’Isfel. Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq l-aktar xierqa, il-Kummissjoni se tikkuntattja lill-produtturi f’dawn il-pajjiżi kif ukoll il-produtturi fil-pajjiżi terzi l-oħra kollha b’ekonomija tas-suq li għalihom jkun hemm indikazzjonijiet li l-produzzjoni tal-prodott investigat qed isseħħ.

    6.1.2.2.   It-trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

    B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, jistgħu jippreżentaw talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”). It-TES jingħata jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (4) jkunu sodisfatti. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla preġudizzju għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

    Trattament ta' ekonomija tas-suq

    Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ applikazzjoni għat-TES lill-produtturi esportaturi kollha fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula biex ikunu fil-kampjun, u lill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw li jixtiequ japplikaw għal marġni individwali ta’ dumping, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-Kummissjoni se tevalwa biss il-formoli ta’ talba għal TES sottomessi mill-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun li t-talba tagħha għal marġni individwali ta’ dumping ġiet aċċettata.

    Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu formola kompluta ta’ talba għal TES fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    6.1.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi indipendenti  (5)  (6)

    Importaturi tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li mhumiex relatati, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

    Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta' importaturi li mhumiex relatati, li huma involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif dwar il-kumpanija/i tagħhom li hu mitlub fl-Anness B ta' din in-notifika lill-Kummissjoni.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi li mhumiex relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun, minbarra t-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat, li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

    6.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

    Id-determinazzjoni tad-dannu tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi studju oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

    Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    Id-dettalji dwar il-kampjun magħżul se jitpoġġew fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati fi żmien 7 ijiem wara l-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni permezz tad-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jidhrilhom li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi tagħrif rilevanti ieħor fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji fl-aħħar intgħażlu fil-kampjun.

    Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, fost l-oħrajn, l-istruttura tal-kumpanija/i u l-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija/i.

    6.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

    Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta' ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

    Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel l-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk meta tiġi ppreżentata tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

    6.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

    Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    6.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

    Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, trid tiġi ppreżentata talba għal smigħ fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    6.6.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

    Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inklużi l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (7).

    Il-partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jitwarrab.

    Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull Prokura, ċertifikazzjoni ffirmata u l-aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw il-formoli ta’ talba għal TES jew ir-risposti tal-kwestjonarju, għandhom jitressqu b’mod fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tippreżenta s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 08/020

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    Posta elettronika: TRADE-AD600-STONE-DUMPING@ec.europa.eu

    TRADE-AD600-STONE-INJURY@ec.europa.eu

    7.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

    F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċessi għat-tagħrif meħtieġ jew ma tipprovdixh fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

    Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    8.   Uffiċjal tas-Seduta

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta’ smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jitħaddmu b'mod sħiħ.

    It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduta dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi ppreżentata talba għal smigħ fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, id-dannu, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Dan is-smigħ, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

    Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

    9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

    Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tasal fi tmiemha, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    10.   L-ipproċessar ta' dejta personali

    Kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (8).


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

    (3)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku se jitwarrbu.

    (4)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-kostijiet tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; (ii) id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta’ reġistri bażiċi tal-kontabilità li jiġu awditjati indipendentement skont l-istandards internazzjonali tal-kontabilità u li jiġu applikati għall-finijiet kollha; (iii) ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti ttrasferita mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabilità ġuridiċi u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

    (5)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament hija l-proprjetarja, tikkontrolla jew għandha sehem ta’ 5 % jew iżjed tal-istokks jew l-ishma tal-votazzjoni tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla lill-oħra b’mod dirett jew indirett; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wlied, (iii) aħwa (sew jekk ulied l-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest, “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

    (6)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll f'konnessjoni mal-aspetti ta' din l-investigazzjoni apparti mid-determinazzjoni ta' dumping.

    (7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim tal-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

    (8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    ANNESS A

    Image

    Image


    ANNESS B

    Image

    Image


    Į viršų