Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CN0136

    Kawża C-136/13 P: Appell ippreżentat fit- 18 ta’ Marzu 2013 minn Cooperativa Mare Azzurro Socialpesca Soc. coop. arl, li kienet Cooperativa Mare Azzurro Soc. coop. arl, u Cooperativa vongolari Sottomarina Lido Soc. coop. arl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit- 22 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-218/00, Cooperativa Mare Azzurro vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 147, 25.5.2013, p. 15–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 147/15


    Appell ippreżentat fit-18 ta’ Marzu 2013 minn Cooperativa Mare Azzurro Socialpesca Soc. coop. arl, li kienet Cooperativa Mare Azzurro Soc. coop. arl, u Cooperativa vongolari Sottomarina Lido Soc. coop. arl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-22 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-218/00, Cooperativa Mare Azzurro vs Il-Kummissjoni

    (Kawża C-136/13 P)

    2013/C 147/25

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Appellanti: Cooperativa Mare Azzurro Socialpesca Soc. coop. arl, li kienet Cooperativa Mare Azzurro Soc. coop. arl u Cooperativa vongolari Sottomarina Lido Soc. coop. rl (rappreżentanti: A. Vianello, A. Bortoluzzi u A. Veronese, avukati)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Ghezzo Giovanni & C. Snc di Ghezzo Maurizio & C.

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla u/jew tbiddel id-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 2013, innotifikat lir-rikorrenti fit-23 ta’ Jannar 2013, fil-Kawża T-218/00, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-Cooperativa Mareazzurro Soc. Coop. a r.l. et kontra l-Kummissjoni, intiż li jannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/394/KE, tal-25 ta’ Novembru 1999, dwar miżuri ta’ għajnuna favur impriżi stabbiliti fit-territorji ta’ Venezia u ta’ Chioggia, previsti mil-Liġijiet Nru 30/1997 u Nru 206/1995 li jistabbilixxu tnaqqis ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali (ĠU 2000, L 150, p. 50);

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere”; minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajununa mill-Istat u min-naħa l-oħra fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova dwar il-preżunzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    Fid-digriet li huwa s-suġġett ta’ dan l-appell, il-Qorti Ġenerali ma kkonformatx ruħha mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere” tad-9 ta’ Ġunju 2011, li tistabilixxi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jkun fiha stess l-elementi essenzjali għall-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali. Anki jekk d-deċiżjoni ma fihiex l-elementi essenzjali għall-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti Ġenerali ma sabet l-ebda nuqqas fil-metodu adottat mill-Kummissjoni sabiex tittieħed id-deċiżjoni appellata, li jirriżulta fi żball ta’ liġi.

    Abbażi tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere”, fil-kuntest tal-irkupru, huwa l-Istat Membru li għandu — u mhux il-benefiċjarju — li juri każ b’każ l-eżistenza tal-preżunzjonijiet fl-Artikolu 107(1) TFUE F’dan il-każ, madankollu, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni appellata, naqset milli tippreċiża l-“modalitajiet” ta’ tali verifika; konsegwentement, li ma għandhiex l-elementi essenzjali li juru fil-kuntest tal-irkupru, li l-vantaġġi mogħtija jikkostitwixxu, fil-konfront tal-benefiċjarji, tal-għajnuna tal-Istat, ir-Repubblika Taljana — permezz tal-Liġi Nru 228 tal-24 ta’ Diċembru 2012 (Artikolu 1, paragrafi 351 et seq.) — ddeċidiet li tinverti l-oneru tal-prova, kuntrarjament għal dak li ġie stabilit fil-ġurisprudenza Komunitarja.

    Skont il-leġiżlatur Taljan, hija kull impriża benefiċjarja tal-għajnuna fil-forma ta’ eżenzjoni ta’ kontribuzzjonijiet soċjali u mhux l-Istat li għandha turi li l-vantaġġi inkwistjoni ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas jaffetwaw il-kummerċ intra-Komunitarju, u fin-nuqqas ta’ dan tiġi preżunta n-natura stess tal-benefiċċju mogħti, li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jaffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan kollu huwa manifestament kuntrarju għall-prinċipji stabbiliti fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere”.


    Top