This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013XG0517(01)
Fourteenth progress report on the implementation of the EU Strategy to combat illicit accumulation and trafficking of SALW and their ammunition (2012/II)
L-Erbatax-il Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti tas-SALW u l-Munizzjon tagħhom (2012/II)
L-Erbatax-il Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti tas-SALW u l-Munizzjon tagħhom (2012/II)
ĠU C 138, 17.5.2013, p. 7–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.5.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 138/7 |
L-Erbatax-il Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti tas-SALW u l-Munizzjon tagħhom (2012/II)
2013/C 138/03
I. INTRODUZZJONI
L-erbatax-il rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar is-SALW ikopri l-attivitajiet tal-UE matul it-tieni nofs tal-2012 (mill-1 ta' Lulju 2012 sal-31 ta' Diċembru 2012). Ir-rapport tħejja mid-Dipartiment tas-SEAE għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm, f'kooperazzjoni ma' servizzi rilevanti oħra tas-SEAE u tal-Kummissjoni Ewropea. Matul il-perijodu ta' rappurtar, l-UE kompliet tippromwovi l-kwistjoni tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SALW) fil-fora kollha multilaterali u fid-djalogu politiku tagħha ma' pajjiżi terzi fil-kuntest tal-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħall-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu. B'mod partikolari, l-UE ħadet sehem attiv fin-negozjati tan-NU ta' Lulju 2012 dwar Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, u f'Awwissu 2012it-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f'Armi Żgħar u Armamenti Ħfief fl-Aspetti Kollha Tiegħu. Matul il-perijodu, l-UE kompliet ukoll bl-implimentazzjoni ta' diversi proġetti marbuta mal-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW, u bdiet l-elaborazzjoni ta' inizjattivi ġodda li għandhom jiġu żviluppati aktar fix-xhur li ġejjin.
II. IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA' AZZJONI LI JINSAB FL-ISTRATEĠIJA TAL-UE DWAR IS-SALW
II.1. Multilateraliżmu effettiv għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi universali, reġjonali u nazzjonali kontra l-provvista u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u l-munizzjon tagħhom
(a) Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni tal-2001 tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu
L-UE ħadet sehem attiv fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti li Tirrevedi l-Progress Magħmul fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PoA), li kellu s-sessjoni tiegħu mis-27 ta' Awwissu sas-7 ta' Settembru 2012 fi New York.
Abbażi ta' Dokument ta' Ħidma tal-UE, li ġie adottat fil-livell tal-Kunsill u ppreżentat lill-Konferenza ta' Reviżjoni (disponibbli fi http://www.poa-iss.org/RevCon2/documents/), l-UE ħadet parti attiva fin-negozjati dwar dikjarazzjoni, dwar il-pjani ta' implimentazzjoni għall-PoA u l-Istrument ta' Traċċar Internazzjonali kif ukoll dwar il-pjan għal-laqgħat tal-PoA fis-sitt snin li ġejjin. L-UE laqgħet il-fatt lil-Konferenza ta' Reviżjoni rnexxielha tilħaq kunsens dwar dawn id-dokumenti ta' eżitu u hi konvinta li r-riżultati tal-Konferenza ser jgħinu lill-atturi rilevanti kollha biex isaħħu l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-PoA fil-futur.
Fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill f'appoġġ tal-attivitajiet biex l-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet tad-Diżarm jimplimenta l-PoA (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/428 PESK tat-18 ta' Lulju 2011), l-attivitajiet komplew itejbu s-Sistema ta' Appoġġ tal-Implimentazzjoni online (http://www.poa-iss.org), b'mod partikolari fir-rigward tal-għodda tat-“tqabbil tal-ħtiġijiet mar-riżorsi” sabiex tgħin il-koordinazzjoni tal-isforzi internazzjonali biex jimplimentaw il-PoA b'mod effettiv. Fl-14-15 ta' Awwissu 2012, f'Nairobi, seħħ seminar reġjonali dwar l-implimentazzjoni tal-PoA għas-subreġjuni tal-Afrika sabiex tiġi avvanzata l-implimentazzjoni tal-PoA fil-livell reġjonali u tingħata assistenza fit-tħejjijiet għat-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni dwar il-PoA. Fis-seminar, ġie adottat dokument ta' eżitu abbażi ta' diskussjonijiet profondi dwar it-temi tal-abbozz ta' dokumenti ta' eżitu tal-Konferenza ta' Reviżjoni.
Ir-raggruppamenti subreġjonali li jikkonsistu minn Stati Membri tal-ECOWAS, ir-RECSA, is-SADC u l-ECCAS ukoll żviluppaw l-eżitu tagħhom stess dwar prijoritajiet subreġjonali li ġie anness għad-dokument prinċipali. Il-pjani għal laqgħa reġjonali mal-Lega tal-Istati Għarab dwar l-implimentazzjoni reġjonali tal-PoA u r-riżultati tat-Tieni Konferenza ta' Reviżjoni huma kurrenti.
(b) Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi
L-UE kompliet tagħti prijorità għolja lill-proċess tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) fit-tieni nofs tal-2012. Il-proċess tal-ATT laħaq stadju kruċjali bit-tlaqqigħ f'Lulju 2012 tal-Konferenza tan-NU b'mandat li tinnegozja t-Trattat.
Matul il-perijodu tal-2011 u l-2012, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha appoġġaw u pparteċipaw mill-qrib fil-proċess tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mmexxi min-NU. Bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU ta' Lulju 2012, sottogrupp dedikat tal-gruppi ta' ħidma COARM u CODUN iltaqa' regolarment biex jikkondividi l-fehmiet u jikkoordina l-pożizzjonijiet, b'hekk l-UE tkun tista' tkompli tibqa' attur attiv u viżibbli ħafna fil-proċess tal-ATT. Abbażi tal-pożizzjonijiet koordinati tal-UE, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu parti attiva fin-negozjati f'Lulju 2012 u kellhom konsultazzjonijiet estensivi ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi maġġuri ta' manifatturar, esportazzjoni u importazzjoni tal-armi, u mal-President tal-Konferenza tan-NU.
Waqt li tirrikonoxxi li ntlaħaq progress sinifikanti fil-Konferenza tan-NU, l-UE jiddispjaċiha li ma seta' jintlaħaq l-ebda qbil dwar test finali tat-Trattat. Ser ikomplu jsiru sforzi kbar biex tinkiseb konklużjoni bikrija u b'suċċess tal-proċess ta' negozjar fil-konferenza finali tan-NU f'Marzu 2013, li ser ittemm in-negozjati abbażi tal-abbozz tat-Trattat tas-26 ta' Lulju 2012.
B'segwitu tat-tlestija tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/336/PESK tal-14 ta' Ġunju 2010, li tippromwovi l-proċess tal-ATT permezz tal-organizzazzjoni ta' serje ta' seminars reġjonali fid-dinja kollha, l-UE bdiet taħdem fuq it-tħejjija ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ġdida li għandha tiġi adottata kmieni fl-2013 u li għandha l-għan li tiffaċilita t-tħejjija fost l-Istati Membri tan-NU għall-Konferenza ta' Marzu 2013 u tippromwovi l-implimentazzjoni u l-universalizzazjoni tal-ATT ladarba jkun intlaħaq qbil.
(c) Implimentazzjoni tal-Protokoll kontra l-Kriminalità Organizzata Transkonfinali (UNTOC) kontra l-Manifattura u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi tan-Nar tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti
Permezz tal-komponent fit-tul tal-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), proġett ta' tliet snin (Marzu 2011-Frar 2014) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' armi tan-nar billi jiġu promossi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Protokoll kontra l-Manifattura u t-Traffikar Illeċiti ta' Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Ammunizzjoni tagħhom, li jissumplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transkonfinali, kompla fit-tieni nofs tal-2012. L-ambitu ġeografiku tal-proġett jinkludi l-Afrika tal-Punent (il-Benin, il-Burkina Faso, il-Gambja, il-Gana, il-Mali, il-Mawritanja, is-Senegal, it-Togo), l-Amerika t'Isfel (l-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċili, il-Paragwaj, l-Urugwaj) u l-Karibew (il-Ġamajka). Ingħatat assistenza teknika dwar l-armonizzazzjoni u l-bini ta' kapaċità leġislattivi dwar il-ġestjoni tas-SALW f'konformità mal-għan li jiġu promossi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Protokoll tal-Armi tan-Nar fl-Amerika Latina, il-Karibew u l-Afrika tal-Punent. Il-proġett iqajjem ukoll sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet tas-SALW biex f'dan il-qasam tissaħħaħ il-parteċipazzjoni u s-sorveljanza tas-soċjetà ċivili. L-attivitajiet previsti jinkludu t-twettiq ta' studju dwar it-traffikar transreġjonali ta' armi tan-nar li ser jipprovdi lill-pajjiżi msieħba b'evidenza li tappoġġa t-tfassil tal-politika. Il-proġett jiġi implimentat mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC).
Fil-qafas tal-komponent fit-tul tal-IfS, l-UE qed tipprovdi wkoll assistenza finanzjarja lill-Interpol għall-iżvilupp u l-applikazzjoni (roll out) ta' bażi ta' data għall-insegwiment u t-traċċar ta' armi tan-nar mitlufa/misruqa (iARMS) permezz tas-sistema I24/7 tal-Interpol.
L-applikazzjoni (roll out) pilota (2011-2012) iffukat fuq l-istess reġjuni bħall-proġett tal-UNODC u inkludiet ukoll pajjiżi Ewropej addizzjonali (ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, il-Portugall, Spanja). Il-proġett għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' armi tan-nar billi jitjieb l-iskambju tal-informazzjoni transreġjonali dwar armi tan-nar illeċiti. Kuntratt għal tieni fażi tal-appoġġ fit-tul tal-IfS għas-sistema iARMS tal-Interpol ġie maqbul f'Diċembru 2012 biex jibda f'Jannar 2013 (2013-2014) meta tkun intemmet l-ewwel fażi ta' appoġġ. It-tieni fażi għandha l-għan li ssaħħaħ il-funzjonalità tas-sistema u li tagħmel l-iARMS disponibbli għall-190 membru kollha tal-INTERPOL. Il-proġett jipprevedi wkoll servizzi relatati ta' bini ta' kapaċità, taħriġ u intelliġence kriminali dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità relatata mal-armi tan-nar.
(d) Kontrolli fuq l-esportazzjoni
B'segwitu tat-tlestija tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/1012/PESK, fl-ewwel nofs tal-2012, twettqet valutazzjoni dettaljata tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u l-impatt tagħha, bil-ħsieb tal-iżvilupp ta' serje ġdida ta' attivitajiet esterni u ta' assistenza. Dan il-proċess wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/711/PESK li tipprevedi serje ġdida ta' attivitajiet f'appoġġ ta' pajjiżi terzi, inklużi seminars reġjonali, żjajar ta' studju, skambji ta' persunal, u assistenza individwali. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ser tibda kmieni fl-2013.
(e) Kummerċ illeċitu ta' SALW bl-ajru
Fil-qafas tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/765/PESK dwar l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ SALW bl-ajru, li kellha l-għan li ttejjeb l-għodda u t-teknika għall-atturi internazzjonali u nazzjonali biex iwettqu kontrolli effettivi u mmirati fuq inġenji tal-ajru suspettużi li x'aktarx ikunu involuti f'kummerċ illeċitu ta' SALW, l-implimentazzjoni tal-proġett mill-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma (SIPRI) tkompliet sat-30 ta' Diċembru 2012.
Seminar ta' esperti b'fokus fuq is-sanzjonijiet tan-NU u t-traffikar bl-ajru seħħ fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York fit-28 u d-29 ta' Awwissu 2012. L-avveniment laqqa' flimkien madwar 100 espert fl-oqsma tal-monitoraġġ tas-sanzjonijiet, l-avjazzjoni ċivili, iż-żamma tal-paċi, il-ġestjoni tal-kriżijiet, id-diżarm, l-intelligence tal-avjazzoni, il-proliferazzjoni, il-kontroll tal-esportazzjoni, id-difiża, l-infurzar tal-liġi, id-dwana u s-sigurtà. Seminar ta' esperti ieħor b'fokus fuq it-traffikar bl-ajru u ż-żamma tal-paċi seħħ f'Addis Ababa, fl-Etjopja fit-30 u l-31 ta' Ottubru 2012 bil-parteċipazzjoni ta' esperti internazzjonali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll rappreżentanti mill-Unjoni Afrikana (UA), organizzazzjonijiet reġjonali oħra u Stati miż-żoni milquta. Iż-żewġ seminars għenu biex jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki fil-qasam tal-kondiviżjoni effettiva tal-informazzjoni, għodod u tekniki għall-monitoraġġ aħjar u l-identifikazzjoni tal-atturi ta' merkanzija bl-ajru li jiddestabbilizzaw il-flussi ta' prodotti bażiċi kif ukoll il-monitoraġġ tas-sanzjonijiet u t-tekniki ta' investigazzjoni tat-traffikar fl-ambjenti taż-żamma tal-paċi. Ir-rakkomandazzjonijiet mis-serje ta' seminars ta' esperti inkludew il-provista lill-Gruppi jew Panels ta' Esperti li jappoġġaw il-ħidma tal-Kumitat għas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti b'għodod u riżorsi aktar permanenti.
Is-software u l-bażijiet tad-data tas-Sistema ta' Valutazzjoni tal-Monitoraġġ tal-Iġenji tal-Ajru ġew aġġornati biex jirriflettu s-sitwazzjoni ta' theddid marbuta mal-livelli dejjem jiżdiedu tal-konflitti fis-Saħel u s-Sirja lejn tmiem il-perijodu ta' implimentazzjoni tal-proġetti. Fl-aħħar nett, manwal dwar it-traffikar tal-armi permezz tal-identifikazzjoni bl-ajru ġie ppubblikat u mqassam matul il-laqgħat ta' informazzjoni u l-avvenimenti li saru fl-aħħar nofs tal-2012.
II.2. Is-SALW fil-qafas ta' djalogu politiku ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali, klawsoli tas-SALW
Kwistjonijiet tas-SALW ġew inklużi fl-aġenda ta' għadd ta' djalogi politiċi regolari tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet reġjonali. Laqgħat ta' djalogu politiku dwar kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kontroll tal-armi ġew organizzati fil-livell ta' Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill mar-Repubblika tal-Korea (Vjenna, it-18 ta' Settembru 2012) u l-Ukraina (Brussell, is-6 ta' Novembru 2012) u fuq bażi regolari saru konsultazzjonijiet informali ma' inter alia l-Indja, il-Ġappun, l-Afrika t'Isfel u pajjiżi oħra. Djalogu bejn l-UE-27 u l-Istati Uniti tal-Amerika li jkopri s-suġġetti importanti kollha tal-aġenda ta' nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kontroll tal-armi sar fi Brussell fis-17 ta' Diċembru 2012.
F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-inklużjoni ta' element ta' SALW fi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi adottati f'Diċembru 2008, attwalment qed jiġu diskussi elementi ta' SALW mal-Afganistan, l-Awstralja, il-Brunej, il-Kanada, il-Kazakistan, il-Malasja, il-Mercosur, New Zealand u s-Singapor għall-inklużjoni fil-ftehimiet rispettivi tagħhom mal-UE.
II.3. Assistenza speċifika tal-UE għal proġetti għal Pajjiżi Terzi u Organizzazzjonijiet Reġjonali
(a) Balkani tal-Punent
I. |
L-UE kompliet tiffinanzja l-isforzi ta' demilitarizzazzjoni fil-qasam tas-SALW, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK f'appoġġ għall-attivtajiet tas-SEESAC fil-Balkani tal-Punent, li ġiet adottata f'Marzu 2010. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill twasslet għal konklużjoni b'suċċess permezz tat-tlestija tal-attivitajiet pendenti marbuta mat-titjib tal-ġestjoni tal-ħażniet u d-distruzzjoni tal-armi żejda fil-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja u s-Serbja. Fil-Bosnja u Ħerzegovina, it-tqegħid mill-ġdid tal-bibien f'erba' siti tas-SALW u ta' ħżin ta' munizzjoni tlesta b'suċċess f'Diċembru 2012. Total ta' 41 bieb inbidlu, b'hekk ġie assigurat l-aċċess għall-ħażniet. Flimkien mat-titjib għall-provedimenti ta' sigurtà tad-depot ċentrali tas-SALW u l-munizzjon tal-Ministeru tal-Intern Kroat (MURAT) u t-titjib tal-infrastruttura tas-sigurtà għall-ħżin tal-munizzjoni ta' Taras tal-Ministeru tad-Difiża tal-Montenegro, it-titjib irriżulta f'żieda sinifikanti fis-sigurtà tal-ħażniet fil-Balkani tal-Punent. It-titjib fl-infrastruttura kien ikkumplimentat bi żvilupp tal-kapaċità tal-ġestjoni tal-ħażniet permezz tat-tfassil u t-twettiq ta' kors ta' taħriġ komprensiv bi 3 moduli. Total ta' 58 persunal ta' livell operattiv mill-Bosnja u Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Montenegro, is-Serbja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tħarrġu fl-ippjanar u l-ġestjoni tal-postijiet tal-ħażniet; il-ġestjoni tal-inventarju u l-proċeduri tal-kontabbiltà; u t-termini tekniċi tal-faċilitajiet tal-ħażniet u t-trasportazzjoni tas-SALW u l-munizzjoni assoċjata. Il-ħażniet żejda tas-SALW miżmuma mill-Ministeri tal-Intern fil-Kroazja u s-Serbja tnaqqsu b'mod sinifikanti b'distruzzjoni ta' 78 205 arma. Fil-Kroazja, id-distruzzjoni ta' 4 620 SALW fil-perijodu Lulju-Diċembru 2012 wassal it-total distrutt taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill għal 32 920, b'hekk għadda n-numru mmirat b'2 982 arma. Fis-Serbja, id-distruzzjoni ta' 17 000 SALW f'Diċembru 2012 wassal in-numru totali ta' armi distrutti taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill għal 45 285. Fil-Kroazja, il-kampanja ta' sensibilizzazzjoni, li ntemmet f'Diċembru 2011, irriżultat fil-ġbir ta' 186 biċċa oħra ta' armi awtomatiċi illeċiti; 1 539 biċċa ta' armi ta' frammentazzjoni illeċiti; 201 biċċiet ta' armi legali; 679 463 biċċa ta' munizzjon u 96,79 kg ta' esplożivi matul l-ewwel xhur tal-2012. Fit-termini ta' mmarkar u traċċar, titjib fis-software saħħaħ is-sistema ta' reġistrazzjoni u identifikazzjoni nazzjonali tal-armi f'dik li kienet ir-Repubblika Jugoslva tal-Maċedonja, li b'hekk saret kompletament funzjonali. Sistema ġdida ta' reġistrazzjoni elettronika tal-armi tfasslet u ġiet introdotta fil-Montenegro. Inġenerali, l-attivitajiet taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill avvanzaw b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW fil-Balkani tal-Punent. |
II. |
L-UE qed tikkunsidra wkoll programm ta' segwitu biex permezz tal-komponent fil-qosor tal-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), ikompli jitjiebu il-perspettivi tas-sigurtà, is-sikurezza u l-iżvilupp għall-individwi u l-komunitajiet lokali li jkunu affettwat mill-isplużjonijiet inċidentali fis-siti tal-ħżin ta' munizzjoni fil-Bosnja u Ħerzegovina. Il-proġett implimentat tal-UNDP ser jikkonsisti f'kombinazzjoni tad-distruzzjoni ta' munizzjoni instabbli u ferm perikoluża u t-titjib fl-istandards ta' sigurtà tad-depots tal-ħżin ta' munizzjoni. Il-programm ser jipprovdi wkoll assistenza biex jitjiebu l-mekkaniżmi ta' spezzjoni u verifika ta' munizzjoni tal-Gvern tal-BiH u jissaħħu l-għarfien espert legali u amministrattiv u l-prattika tajba fl-awtoritajiet. |
(b) Reġjun tal-OSKE
F'Ottubru 2012, l-UE adottat Deċiżjoni tal-Kunsill b'appoġġ għall-attivitajiet biex jitnaqqsu r-riskju tal-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW fir-reġjun tal-OSKE (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/662/PESK). Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ser twassal fost oħrajn, għal titjib tas-sigurtà tas-siti tal-ħażniet tas-SALW fil-Bjelorussja u l-Kirgiżistan, il-qerda tas-SALW żejda f'dawn iż-żewġ pajjiżi biex tiġi evitata d-devjazzjoni tagħhom lejn il-kummerċ illeċitu, u l-introduzzjoni ta' applikazzjoni ta' ġestjoni tal-inventarju tas-SALW biex jitjiebu l-ħażniet, iż-żamma ta' reġistri u t-traċċar tas-SALW f'diversi Stati tal-OSKE.
(c) Afrika
I. |
Fit-tieni nofs tal-2012, bdew l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/121/PESK f'appoġġ tal-attivitajiet biex jiġi promoss id-djalogu UE-Ċina-Afrika u l-kooperazzjoni dwar kontrolli tal-armi konvenzjonali. L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti dwar l-Afrika-UE-Ċina saret fi Brussell fit-13 ta' Novembru 2012 u kienet segwita b'seminar tal-ATT fejn attendew il-membri tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti, uffiċjali, akkademiċi u gruppi ta' esperti ta' riflessjoni mill-Afrika, iċ-Ċina u l-Istati Membri tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE fl-14 ta' Novembru 2012. Iż-żewġ avvenimenti ppermettew żieda fil-fehim reċiproku bejn l-interlokutori Afrikani, Ewropej u Ċiniżi dwar pożizzjonijiet rispettivi fil-proċess tal-ATT u dwar kwistjonijiet ta' armi konvenzjonali inġenerali. L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti adotta wkoll pjan ta' ħidma għas-sitt xhur li ġejjin li ser jinkludi aktar avvenimenti ta' assistenza dwar l-ATT fiċ-Ċina u l-Afrika u l-istabbiliment ta' Ċentru ta' Riċerka konġunt bejn l-Afrika-UE-Ċina dwar l-armi konvenzjonali. |
II. |
Fil-qafas tal-komponent fit-tul tal-Istrument għall-Istabbiltà, l-UE kompliet bl-implimentazzjoni ta' proġett b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u l-kummerċ illeċiti ta' armi tan-nar u munizzjon fl-Afrika, permezz taċ-Ċentru Reġjonali għall-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (RECSA) li jinsab f'Najrobi. Dan il-proġett jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-komponent tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE. L-attivitajiet prinċipali jinkludu t-tisħiħ istituzzjonali ta' pajjiżi mmirati u r- RECSA, il-promozzjoni tal-ġestjoni effettiva tas-SALW (l-immarkar ta' armi, iż-żamma ta' rekords, il-ġestjoni u d-distruzzjoni ta' ħażniet) u l-ġenerazzjoni ta' informazzjoni dwar is-SALW. L-appoġġ attwali għar-RECSA ser jintemm f'Ġunju 2013 wara t-tlestija ta' studju li jeżamina l-livell tal-implimentazzjoni tal-impenji tas-SALW reġjonali u internazzjonali tal-pajjiżi Sub-Saħarjani. It-tieni fażi tal-appoġġ tal-UE għar-RECSA ġie maqbul f'Diċembru 2012 u ser jibda f'Lulju 2013 kif jitlesta l-proġett attwali. |
III. |
Barra minn hekk, il-kwistjoni tat-tixrid illeċitu tas-SALW ġewwa u mil-Libja ġie diskuss f'serje ta' laqgħat f'diversi livelli u l-UE qed tħejji Deċiżjoni tal-Kunsill biex tappoġġa l-isforzi f'dan ir-rigward. F'Settembru 2012, proġett konġunt mid-DanChurchAid (DCA) u d-Danish Refugee Council (DRC), li hu ffinanzjat mill-komponent fil-qosor tal-Istrument għall-Istabbiltà, diġà beda billi qed jipprovdi edukazzjoni dwar ir-riskju tas-SALW lill-popolazzjoni ċivili fil-Libja biex jgħin fit-tnaqqis tan-numru ta' aċċidenti marbuta mas-SALW, u l-preżenza viżwali tagħhom. Id-DCA permezz tal-linji ta' politika tal-awtoritajiet lokali ser jippromwovi wkoll il-ġestjoni sikura tas-SALW biex tiġi evitata l-vjolenza bl-armi. |
IV. |
Żewġ proġetti oħra fl-Istati Afrikani li t-tnejn huma ffinanzjati mill-komponent fil-qosor tal-Istrument għall-Istabbiltà, jappoġġaw l-assistenza (1) għall-Gvern tas-Sudan t'Isfel dwar il-kontrolli tal-armi, b'mod partikolari permezz tal-miżuri ta' bini ta' kapaċità mmirati li b'mod paċifiku jitnaqqas in-numru ta' SALW mhux ikkontrollati f'idejn iċ-ċivili fis-Sudan t'Isfel; u (2) għall-Gvern tan-Niġer fl-implimentazzjoni effettiva tal-impenji tiegħu mill-Konvenzjoni tal-ECOWAS dwar is-SALW u l-PoA tan-NU. Iż-żewġ proġetti qed jiġu implimentati mill-UNDP. |
(d) Amerika Ċentrali
L-UE kompliet bl-implimentazzjoni ta' proġett li jappoġġa l-Programm għall-Kontroll tal-Armi Ħfif u ta' Kalibru Żgħir tal-Amerika Ċentrali (CASAC). Permezz tal-komponent fit-tul tal-Istrument għall-Istabbiltà, il-proġett, li preċedentement kien implimentat mill-UNDP, daħal fit-tieni fażi tiegħu ta' appoġġ f'Settembru 2012 bil-Kummissjoni ta' Sigurtà tas-Sistema ta' Integrazzjoni tal-Amerika Ċentrali (SICA) bħala l-imsieħeb implimentattiv tagħha. Il-kontribut tal-proġett tal-UE għall-inizjattiva tal-CASAC għandu l-għan li tiġi stabbilita l-fundazzjoni għal struttura reġjonali u strateġija fit-tul għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fl-Amerika Ċentrali, fuq livell kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali.
Il-proġett hu implimentat fl-Amerika Ċentrali u l-pajjiżi ġirien, inkluż ir-reġjun tal-Karibew (b'fokus partikolari fuq il-Beliże, il-Gwatemala, El Salvador, il-Ħonduras, in-Nikaragwa, il-Kosta Rika u l-Panama). L-attivitajiet prinċipali jinkludu kampanji u konferenzi reġjonali u nazzjonali għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, it-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni nazzjonali u s-sistemi ta' reġistrar, u proġetti transkonfinali kif ukoll taħriġ f'diversi oqsma.
Barra minn hekk, il-komponent fil-qosor tal-Istrument għall-Istabbiltà qed jappoġġa wkoll l-Instituto de Enseñanza para el Desarrollo Sostenible fl-implimentazzjoni tal-partijiet relatati tas-SALW tal-Istrateġija ta' Sigurtà tal-Amerika Ċentrali.