EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2013/138/09

Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-kariga ta’ membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

ĠU C 138, 17.5.2013, p. 20–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/20


Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għall-kariga ta’ membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

2013/C 138/09

Dawk kollha interessati li jokkupaw il-karigi ta’ 7 minn 14-il membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel stabbilita mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1) huma mistiedna japplikaw. Is-sede tal-Awtorità tinsab f’Parma, l-Italja.

L-AWTORITÀ EWROPEA DWAR IS-SIGURTÀ FL-IKEL

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) hija l-element ċentrali tas-sistema tal-Unjoni Ewropea għall-evalwazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-ikel u tal-għalf. L-Awtorità kienet stabbilita biex tipprovdi pariri u appoġġ xjentifiku għal-leġiżlazzjoni u għall-politiki tal-Unjoni fl-oqsma kollha li jista' jkollhom impatt dirett jew indirett fuq is-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet li jorbtu mill-qrib ma' dan fil-qasam tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti. Hija tipprovdi informazzjoni indipendenti dwar dawn il-kwistjonijiet u tiżgura l-komunikazzjoni dwar ir-riskji. Il-missjoni tagħha tinkludi wkoll l-għoti ta' pariri xjentifiċi f'ħafna oqsma tal-liġi tal-ikel u l-għalf u kull meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni titlob hekk, inklużi teknoloġiji ġodda bħall-organiżmi ġenetikament modifikati. L-Awtorità hija rikonoxxuta b'mod wiesa' bħala r-referenza aċċettata, bis-saħħa tal-indipendenza tagħha, il-kwalità xjentifika tal-opinjonijiet u l-informazzjoni pubblika tagħha, it-trasparenza tal-proċeduri tagħha u d-diliġenza fil-qadi tar-responsabbiltajiet li bihom ġiet fdata. Minbarra li għandha l-istaff speċjalizzat tagħha, l-Awtorità hija appoġġjata minn netwerks ta’ organizzazzjonijiet kompetenti fil-livell tal-UE.

Il-qafas ġuridiku

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament imsemmi hawn fuq, “il-membri tal-Bord għandhom jinħatru b’dak il-mod li jiġu żgurati l-ogħla standards ta’ kompetenza, firxa wiesgħa ta’ ħila relevanti u, konsistenti ma’ dawn, l-akbar tqassim wiesa’ ġeografiku possibbli fl-Unjoni”. Barra minn hekk, erbgħa mill-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni “għandhom ikunu ġejjin minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi u interessi oħra fil-katina tal-ikel”.

Barra minn hekk, il-Premessa 40 tar-Regolament imsemmi hawn fuq tistipula li “Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri hija wkoll indispensabbli” u l-Premessa 41 tiddikjara li “il-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jinħatar b’dak il-mod li jiżgura l-ogħla standard ta’ kompetenza, firxa wiesgħa ta’ kompetenza relevanti, pereżempju fl-immaniġġar u l-amministrazzjoni pubblika, u tqassim ġeografiku l-aktar wiesa’ possibbli fl-Unjoni. Dan għandu jiġi ffaċilitat bir-rotazzjoni tal-pajjiżi differenti ta’ oriġini tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni mingħajr ma xi post ikun riżervat għal xi ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

Ir-rwol u t-tħaddim tal-Bord tal-Amministrazzjoni

Ir-responsabbilitajiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni jinkludu, b’mod partikolari:

il-monitoraġġ ġenerali tax-xogħol tal-Awtorità, biex jiġi żgurat li qed twettaq il-missjoni tagħha u l-ħidmiet mogħtija lilha skont il-mandat tagħha, fi spirtu ta' indipendenza u trasparenza;

il-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv fuq il-bażi ta' lista ta' kandidati stabbilita mill-Kummissjoni, u jekk ikun meħtieġ, ir-revoka tal-ħatra;

il-ħatra ta’ membri tal-Kumitat Xjentifiku u l-Gruppi Xjentifiċi, li jkunu responsabbli biex jipprovdu l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità;

l-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali tal-Awtorità u r-rapport ġenerali rigward l-attivitajiet annwali;

l-adozzjoni tar-regoli interni u finanzjarji tal-Awtorità.

Il-Bord jaħdem permezz ta’ laqgħat uffiċjali, seduti privati, kuntatti informali bejn il-membri u l-iskambju ta' korrispondenza. Id-dokumenti tal-EFSA, il-korrispondenza tal-Bord u s-seduti privati jew informali huma bl-Ingliż. Jekk il-Membri jkunu jeħtiġuha, l-interpretazzjoni tiġi żgurata waqt is-seduti formali. Il-Bord jiltaqa' bejn erbgħa u sitt darbiet fis-sena, l-iktar f'Parma.

Il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Amministrazzjoni:

Il-Bord tal-Amministrazzjoni huwa magħmul minn 14-il membru u rappreżentant tal-Kummissjoni, kif stipulat fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 (2). Erbgħa mill-membri għandu jkollhom esperjenza f'organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari. Il-mandat ta’ 7 membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni attwali jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2014, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/C 171/05 (3). Il-mandat għas-seba' membri l-oħra se jintemm fit-30 ta' Ġunju 2016, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/C 192/01 (4).

Il-lista tal-membri preżenti tal-Bord tingħata fis-sit tal-Internet tal-EFSA http://www.efsa.europa.eu/en/mb/mbmembers.htm

Din il-pubblikazzjoni tikkonċerna l-applikazzjonijiet għall-pożizzjonijiet ta' dawk is-seba' membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li l-mandat tagħhom jiskadi fit-30 ta' Ġunju 2014.

Il-kwalifiki għall-kariga u l-kriterji tal-għażla

Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni għandu jkollhom l-ogħla standards ta’ kompetenza, li jkopru firxa wiesgħa ta’ għarfien espert relevanti u impenn biex jaħdmu b’mod indipendenti.

Għal dan il-għan, l-applikanti huma meħtieġa li jimlew formola tal-applikazzjoni u formola tad-dikjarazzjoni tal-interess li jinkludu l-impenji speċifiċi u d-dikjarazzjonijiet magħmula fuq il-kelma tagħhom li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni mis-sejħa jekk ma jkunux iffirmati (ara l-annessi). Ladarba maħtura mill-Kunsill, huma jridu jagħmlu dikjarazzjoni tal-interess annwali bil-miktub u jiddikjaraw f’kull laqgħa tal-Bord tal-Amministrazzjoni kwalunkwe interess li jista’ jkun ikkunsidrat bħala preġudizzjarju għall-indipendenza tagħhom fir-rigward tas-suġġetti fuq l-aġenda.

L-għan tal-formola ta’ Dikjarazzjoni ta’ Interess hu li turi l-kapaċità tal-kandidat li jeżerċita l-funzjoni ta’ membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA skont ir-regoli interni tal-EFSA dwar l-indipendenza (http://www.efsa.europa.eu/en/values/independence.htm) u l-Kodiċi tal-Kondotta tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA (http://www.efsa.europa.eu/en/efsawho/mb.htm). Dawn ir-regoli jistipulaw li l-membri tal-Bord ma għandhomx ikunu involuti fi kwalunkwe attività li tista’ tirriżulta f’kunflitt tal-interess jew li x'aktarx tipprovoka l-perċezzjoni ta’ kunflitt ta’ interess fost il-pubbliku ġenerali.

Is-sitwazzjoni partikolari ta’ kandidat li japplika bħala membru li jkun ġej minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari se tiġi kkunsidrata. Ara t-taqsima hawn taħt intitolata: “Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li ġejjin minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari”.

Biex jikkwalifikaw għall-kariga, il-kandidati jridu jkunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE u jridu juru:

(1)

li jkollhom mill-anqas 15-il sena esperjenza f’wieħed jew aktar mill-5 oqsma ta’ kompetenza elenkati hawn taħt, inkluż mill-anqas 5 snin f’livell għoli:

provvista ta’ parir xjentifiku indipendenti u appoġġ xjentifiku u tekniku għat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma kollha li għandhom impatt dirett jew indirett fuq is-sikurezza tal-ikel u l-għalf;

maniġment u amministrazzjoni pubblika (inkluż ir-riżorsi umani, l-aspetti legali u finanzjarji);

żvilupp ta’ politiki li jiżguraw l-integrità, l-indipendenza, it-trasparenza, il-prattiki etiċi u l-parir ta’ kwalità xjentifiku għoli filwaqt li tinżamm l-affidabbiltà mal-partijiet interessati;

komunikazzjoni u informazzjoni effettivi lill-pubbliku dwar ix-xogħol xjentifiku;

żgurar tal-koerenza neċessarja bejn: il-valutazzjoni tar-riskju, il-ġestjoni tar-riskju u l-funzjonijiet tal-komunikazzjoni tar-riskju;

(2)

li jkollhom mill-anqas ħames snin esperjenza miksuba minn xogħol b’konnessjoni mas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, jew oqsma oħra relatati mal-missjoni tal-Awtorità, notevolment fil-qasam tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, il-protezzjoni tal-ambjent, is-saħħa tal-pjanti u n-nutrizzjoni;

(3)

il-kapaċità tagħhom li jaħdmu f’ambjent ikkaratterizzat minn għadd ta' lingwi, kulturi u dixxipplini differenti;

(4)

l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti:

Huma mistennija li josservaw l-ogħla standard ta’ mġiba etika, jaġixxu b’mod onest, indipendenti, imparzjali, b’diskrezzjoni u mingħajr interess personali, u jevitaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interess personali;

Il-kriterji li ġejjin se japplikaw għall-evalwazzjoni tal-kandidati, li se jkunu vvalutati fuq il-bażi ta’ eżami komparattiv tal-merti, u fuq l-impenn tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti:

kompetenza u kapaċità li jikkontribwixxu b’mod effettiv għal wieħed jew aktar mill-oqsma ta’ kompetenza msemmija hawn fuq;

kompetenza fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, jew oqsma oħra relatati mal-missjoni tal-Awtorità;

kapaċità li jaħdmu f’ambjent ikkaratterizzat minn għadd ta' lingwi, kulturi u dixxipplini differenti.

Il-lista qasira ta’ kandidati se tkun eżaminata wkoll fid-dawl tar-rekwiżiti li ġejjin għall-kompożizzjoni tal-Bord:

kompetenza kollettiva tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni bbilanċjata b’mod tajjeb;

distribuzzjoni ġeografika wiesgħa bl-aktar mod possibbli bbażata fuq ir-rotazzjoni tan-nazzjonalitajiet differenti tal-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni.

Għal dan il-għan għandu jiġi nnutat li l-membri li l-mandat tagħhom jispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2014 u fit-30 ta’ Ġunju 2016 rispettivament, diġà jinkludu membri ta’ nazzjonalità mill-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Isvezja u r-Renju Unit.Sal-lum il-ġurnata, il-Bord ma inkludiex membri ta’ nazzjonalità mill-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu u Malta.

Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Bord/Ir-rimborż u indennizzi

Il-membri jeħtiġilhom jimpenjaw irwieħhom li jieħdu sehem assidwu fil-laqgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni. Huma mistiedna li, fil-formola tal-applikazzjoni, jindikaw id-disponibbilità tagħhom li jieħdu sehem attiv fil-Bord tal-Amministrazzjoni. Huwa stmat li l-Bord tal-Amministrazzjoni jitlaqqa’ minn erbgħa sa sitt darbiet fis-sena. Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni ma jitħallsux ta' xogħolhom. Madankollu, jingħataw rifużjonijiet tal-ispejjeż ordinarji tal-ivvjaġġar u tal-alloġġ tagħhom. Barra minn hekk, jistgħu jirċievu ħlasijiet kumpensatorji għal kull jum tal-parteċipazzjoni tagħhom f'laqgħat, f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-EFSA, li jipprovdi li “il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni, ħlief ir-rappreżentant tal-Kummissjoni u l-impjegati ta' istituzzjonijiet jew organizzazzjonjiet pubbliċi nazzjonali, jirċievu ħlas kumpensatorju ta' EUR 385 għal kull jum għal kull laqgħa tal-Bord tal-Amministrazzjoni li jieħdu sehem fiha”.

Il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni li ġejjin minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari

Il-kandidati huma mitluba li fl-applikazzjoni tagħhom jindikaw u jiġġustifikaw jekk jixtiqux jiġu kkunsidrati bħala membru wieħed mill-erba' Membri tal-Bord li jkollhom esperjenza f'organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari. Il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi dettalji tal-esperjenza tagħhom f'organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-konsumaturi jew interessi oħra fil-katina alimentari.

Il-ħatra u l-mandat tal-kariga

Minbarra r-rappreżentant tal-Kummissjoni, li jinħatar mill-Kummissjoni nnifisha, il-membri tal-Bord tal-Amministrazzjoni jintgħażlu mill-Kunsill, f'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, mil-lista stabbilita mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. Il-mandat għandu jkun ta’ erba’ snin u jista' jiġġedded darba. L-applikanti għandhom jinnotaw li l-lista tal-Kummissjoni se tkun disponibbli għall-pubbliku u li għandhom id-dritt li joġġezzjonaw għall-pubblikazzjoni ta’ isimhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz indikat fid-dikjarazzjoni tal-privatezza speċifika għal din is-Sejħa (ara t-taqsima hawn taħt bit-titolu “Protezzjoni tad-dejta personali”). L-eżerċitar ta' dan id-dritt mhux se jippreġudika l-applikazzjoni tal-kandidat. L-individwi li ma jinħatrux, minkejja li isimhom jidher fil-lista tal-Kummissjoni, jistgħu jiġu mistiedna jitniżżlu f'lista ta’ riżervi biex tintuża fil-każ li jkun hemm bżonn li jiġu ssostitwiti xi membri li ma jkunux fil-qagħda li jtemmu l-mandat tagħhom.

Opportunitajiet Indaqs

Se tingħata attenzjoni kbira biex tiġi evitata kull għamla ta' diskriminazzjoni u l-applikazzjonijiet min-nisa huma mħeġġa.

Il-proċedura tal-applikazzjoni u d-data tal-għeluq

L-applikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti hawn taħt; inkella ma jitqisux:

(1)

Il-persuni interessati għandhom jimlew il-formola tal-applikazzjoni u l-formola tad-dikjarazzjoni tal-interessi hawn taħt; it-tnejn li huma jistgħu jitniżżlu biex jimtlew fuq il-kompjuter mis-sit tad-Direttorat Ġenerali tas-Saħħa u l-Konsumaturi: http://ec.europa.eu/food/efsa/efsa_management_board_en.htm

Wara li jimtlew, il-formola tal-applikazzjoni u l-formola tad-dikjarazzjoni tal-interessi għandhom jiġu stampati (jekk tintuża l-verżjoni fuq il-kompjuter), iffirmati u mogħtija data mill-applikant.

(2)

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a)

il-formola tal-applikazzjoni, mimlija kif meħtieġ (u ffirmata);

(b)

il-formola mimlija tad-dikjarazzjoni tal-interessi (iffirmata);

(c)

CV b’minimu ta’ paġna u nofs tul u massimu ta’ tliet paġni.

(3)

Il-formola tal-applikazzjoni, il-formola tad-dikjarazzjoni ta' interess, is-CV, u kull dokument ta' sostenn għandhom jinkitbu b'lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, ikun apprezzat, mingħajr ma jkun obbligatorju, jekk ikun ipprovdut sommarju tal-esperjenza u informazzjoni oħra pertinenti bl-Ingliż sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura tal-għażla. Il-kandidati kollha jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali. Id-dokumenti ta’ appoġġ għandhom jintbagħtu aktar tard, jekk jintalbu.

(4)

Id-data tal-għeluq finali għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet hija t-12 ta’ Lulju 2013.

(5)

L-applikazzjoni kompleta għandha tintbagħat:

(a)

jew bil-posta jew b'servizz tal-kurjer, mhux iktar tard mit-12 ta’ Lulju 2013, u f’dan il-każ l-evidenza tad-data meta ntbagħtet tkun it-timbru postali jew id-data fuq l-irċevuta tad-depożitu, lill-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Health and Consumers

Unit 03

For the attention of Mr R. VANHOORDE (Application for the EFSA Management Board)

Office F-101 (Tour) 04/168

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

(b)

jew titwassal bl-idejn fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Health and Consumers

Unit 03

For the attention of Mr R. VANHOORDE (Application for the EFSA Management Board)

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1-3

1140 Bruxelles/Brussel (Evere)

BELGIQUE/BELGIË

mhux iktar tard mill-16.00 tat-12 ta’ Lulju 2013. Fil-każ ta' (b), għandha tinkiseb irċevuta bħala prova tal-preżentazzjoni, iffirmata u bid-data mill-uffiċjal fid-dipartiment ċentrali tal-posta tal-Kummissjoni li jkun ħa l-applikazzjoni. Id-dipartiment huwa miftuħ mit-08.00 sal-17.00 mit-Tnejn sal-Ħamis, u mit-08.00 sal-16.00 nhar ta’ Ġimgħa. Ikun magħluq is-Sibtijiet, il-Ħdud u fil-btajjel tal-Kummissjoni.

La l-applikazzjonijiet mibgħuta bil-posta elettronika u bil-faks u lanqas dawk mibgħuta direttament lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel ma jiġu aċċettati.

(6)

Bl-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati jkunu qegħdin jaċċettaw il-proċeduri u l-kundizzjonijiet kif deskritti f'din is-Sejħa u fid-dokumenti li tirreferi għalihom. Meta jagħmlu l-applikazzjonijiet tagħhom, il-kandidati ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jirreferu għal dokumenti ta’ kwalunkwe tip ippreżentati f'applikazzjonijiet preċedenti (pereżempju: fotokopji ta' applikazzjonijiet preċedenti ma jiġux aċċettati). Kwalunkwe dikjarazzjoni falza li ssir fl-għoti tal-informazzjoni mitluba tista' twassal għall-esklużjoni tal-kandidat minn din is-sejħa.

(7)

Il-kandidati kollha li japplikaw għal din is-sejħa għall-espressjonijiet ta' interess jiġu infurmati bir-riżultat tal-proċess tal-għażla.

Protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-dejta personali tal-kandidati tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1). Dan japplika b'mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' din id-dejta. Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar il-kamp ta' applikazzjoni, l-iskopijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom fil-kuntest ta' din is-Sejħa, il-kandidati huma mistiedna jikkonsultaw id-dikjarazzjoni speċifika tal-privatezza ppubblikata fil-webpage ta' din is-Sejħa f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/food/efsa/efsa_management_board_en.htm

Image

Image

Image

Image

Image

Image

Image


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 13.

(3)  ĠU C 171, 30.6.2010, p. 3.

(4)  ĠU C 192, 30.6.2012, p. 1.


Top