Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0615

    Kawża C-615/12 P: Appell ippreżentat fl- 24 ta’ Diċembru 2012 minn Arbos, Gesellschaft für Musik und Theater mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil- 25 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-161/06, Arbos, Gesellschaft für Musik und Theater vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 63, 2.3.2013, p. 13–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 63/13


    Appell ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2012 minn Arbos, Gesellschaft für Musik und Theater mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-25 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-161/06, Arbos, Gesellschaft für Musik und Theater vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-615/12 P)

    2013/C 63/21

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Arbos, Gesellschaft für Musik und Theater (rappreżentant: H. Karl, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-161/06 u tiddeċiedi l-kawża;

    sussidjarjament: tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq ksur tar-Regoli tal-Proċedura, li minħabba l-applikazzjoni illegali tagħhom il-kawża ġiet miċħuda bħala inammissibbli u li għalhekk ġew ippreġudikati l-interessi tal-appellanti, kif ukoll ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali;

    Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-azzjoni bħala inammissibbli, minħabba li sabet li din ma kinitx, fid-dawl tal-bażi legali tagħha, immotivata suffiċjentement, u għalhekk ma kinitx konformi mal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura. Dan ma jikkorrispondix mal-atti tal-proċess. Il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura ġew applikati b’mod arbitrarju u kontra l-iskop tad-dispożizzjoni;

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ħadet inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-fondatezza skont l-Artikolu 44(1)(c), id-dikjarazzjonijiet l-oħra tal-appellanti fit-tweġibiet tagħha u lanqas l-argumenti tagħha fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, jew ħadithom inkunsiderazzjoni biss sabiex targumenta li ma kinux adegwati, u b’hekk ċaħdet l-ammissibbiltà tar-rikors bi ksur tar-regoli tal-proċedura u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argumenti kollha;

    Fid-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-azzjoni minħabba inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali ħadet deċiżjoni li setgħet tiġi adottata f’dik il-forma u kkontestata diġà fl-2007, u b’hekk kisret kull prevedibbiltà, trasparenza u effiċjenza fil-proċedura. Għalhekk il-proċedura ma kinitx waħda ġusta u bbilanċjata.


    Top