EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC1221(04)

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet miżjuda fil-lista msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2012

ĠU C 396, 21.12.2012, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 396/28


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet miżjuda fil-lista msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1251/2012

2012/C 396/11

1.

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (1) tappella lill-Unjoni sabiex jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kif imsemmi fil-lista mfassla skont l-UNSR 1533(2004), 1596(2005), 1807(2008) u 1857(2008) li għandha tiġi aġġornata regolarment mill-Kumitat tan-NU stabbilit skont l-UNSCR 1533(2004).

Il-lista mfassla minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi:

persuni jew entitajiet li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi u miżuri relatati kif imsemmi fl-Artikolu 1,

mexxejja politiċi u militari ta’ gruppi armati barranin li qed joperaw fir-RDK u li jimpedixxu d-diżarmament u r-ripatrijazzjoni volontarja jew is-sistemazzjoni mill-ġdid ta’ ġellieda li jagħmlu parti minn dawk il-gruppi,

mexxejja politiċi u militari tal-milizji tal-Kongo li jirċievu appoġġ minn barra r-RDK, u li jimpedixxu l-parteċipazzjoni tal-ġellieda tagħhom fil-proċessi ta’ diżarm, demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni,

mexxejja politiċi u militari li joperaw fir-RDK u jirreklutaw jew jużaw lit-tfal f’konflitti armati bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli,

individwi li joperaw fir-RDK u jwettqu ksur serju tal-liġi internazzjonali li jinvolvi li jkunu mmirati tfal jew nisa f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat, inklużi qtil u mankament, vjolenza sesswali, ħtif u spostament furzat,

individwi li jfixklu l-aċċess għall-għajnuna umanitarja fil-parti tal-Lvant tar-RDK, jew id-distribuzzjoni tagħha,

individwi jew entitajiet li jappoġġjaw lill-gruppi illegali armati fil-parti tal-Lvant tar-RDK permezz ta’ kummerċ illegali ta’ riżorsi naturali.

2.

Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda, fit-12 ta’ Novembru 2012, li jżid persuna fiżika waħda u, fit-30 ta’ Novembru 2012, li jżid żewġ persuni fiżiċi, mal-lista rilevanti. Il-persuni fiżiċi kkonċernati jistgħu, meta jridu, jissottomettu talba lill-Kumitat tan-NU, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni li tiġġustifikaha, sabiex terġa’ tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-deċiżjoni li tinkludihom fil-lista tan-NU msemmija aktar ’il fuq. Tali talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

United Nations — Focal point for delisting

Security Council Subsidiary Organs Branch

Room S-3055 E

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Għal aktar informazzjoni ara: http://www.un.org/sc/committees/dfp.shtml

3.

Fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tan-NU msemmija f'punt 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1251/2012 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri diretti speċifiċi restrittivi kontra persuni li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (3).

Għaldaqstant, il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 japplikaw għall-persuni fiżiċi kkonċernati:

(a)

l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu għalihom, jew li huma tagħhom jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni li jitpoġġew fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħhom jew għall-benefiċċju tagħhom, kemm direttament u kif ukoll indirettament (Artikolu 2); kif ukoll

(b)

il-projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni, konsapevolment u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett taghhom ikun li, direttament jew indirettament, jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-punt (a) hawn fuq.

4.

Il-persuni fiżiċi miżjuda mal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1251/2012, fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tan-NU tat-12 u t-30 ta’ Novembru 2012, jistgħu jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-opinjonijiet tagħhom dwar il-lista. Din il-komunikazzjoni għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

“Miżuri Restrittivi”

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni tal-persuni fiżiċi kkonċernati dwar il-possibbiltà li r-Regolament (UE) Nru 1251/2012 jista’ jiġi kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-UE, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 263, paragrafi 4 u 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

Id-dejta personali tal-persuni fiżiċi kkonċernati mil-listi tar-Regolamenti (UE) Nru 1251/2012 se tiġi pproċessata skont ir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-dejta (4). Kwalunkwe talba, e.g. għal aktar informazzjoni jew sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (pereżempju l-aċċess għal dejta personali jew ir-rettifika tagħha), għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, fl-istess indirizz imsemmi fil-punt 4 aktar ’il fuq.

7.

Għall-kompletezza, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness I dwar il-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i relevanti, elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005, sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati għal spejjeż bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.


(1)  ĠU L 127, 15.5.2008, p. 84.

(2)  ĠU L 352, 21.12.2012, p. 42.

(3)  ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Top