Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D1221(01)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Diċembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni tat- 30 ta' Lulju 2010 fir-rigward tal-applikabilità tagħha u l-kompożizzjoni tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari Mħaddma Aħjar

    ĠU C 396, 21.12.2012, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2014

    21.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 396/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-19 ta’ Diċembru 2012

    li temenda d-Deċiżjoni tat-30 ta' Lulju 2010 fir-rigward tal-applikabilità tagħha u l-kompożizzjoni tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari Mħaddma Aħjar

    2012/C 396/06

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari Mħaddma Aħjar (1), hija applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    (2)

    Il-Forum ikkontribwixxa għall-kompetittività fil-katina tal-valur agro-alimentari tal-UE billi segwa l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agro-alimentari u tal-inizjattivi proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha “Katina tal-Provvista Alimentari Mħaddma Aħjar fl-Ewropa” (2). Il-Forum irrakkomanda li għandhom jitwettqu aktar azzjonijiet iffukati. Dawn l-inizjattivi jeħtieġ li jkollhom segwitu. Ix-xogħol tal-Forum ta’ Livell Għoli għal Katina tal-Provvista Alimentari Mħaddma Aħjar, għandu għalhekk jissokta wara l-31 ta' Diċembru 2012.

    (3)

    Is-sħubija tal-Forum għandha tiġi estiża għall-awtoritajiet nazzjonali mill-Istati Membri kollha biex tiffaċilita t-tpartit ta’ prassi tajba u biex tkabbar l-involviment tal-Forum. Ir-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet privati għandhom ikunu riveduti fuq il-bażi ta’ sejħa pubblika għal applikazzjoni biex tkun żgurata rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet interessati,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu uniku

    Id-Deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2010 hija emendata kif gej:

    (1)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

    “1.   Il-Forum għandu jkun kompost minn mhux iktar minn 50 membru.”

    (b)

    Il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

    “3.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jinnominaw ir-rappreżentant tagħhom fil-grupp preparatorju msemmi fl-Artikolu 5(2).

    Il-membri l-oħra għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat-Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija minn organizzazzjonijiet b'kompetenza fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 u li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet. Dawk l-organizzazzjonijiet għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom fil-Forum u fil-grupp preparatorju msemmi fl-Artikolu 5(2).

    Il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta rappreżentant nominat minn organizzazzjoni jekk tqis li, fuq il-bażi ta' raġunijiet ġustifikati speċifikati meta l-grupp twaqqaf jew fir-regoli tal-proċeduri tal-grupp, in-nomina mhix xierqa. F'każijiet bħal dawn, l-organizzazzjoni kkonċernata tkun mitluba taħtar rappreżentant ieħor.”

    (2)

    L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2014.”

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Antonio TAJANI

    Viċi President


    (1)  ĠU C 210, 3.8.2010, p. 4.

    (2)  COM(2009) 591 tat-28.10.2009.


    Top