Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012A1220(01)

    Opinjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Diċembru 2012 li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari KWL, li jinsab f’Lingen fis-Sassonja t’Isfel, il-Ġermanja

    ĠU C 394, 20.12.2012, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    20.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 394/1


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-18 ta’ Diċembru 2012

    li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari KWL, li jinsab f’Lingen fis-Sassonja t’Isfel, il-Ġermanja

    (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    2012/C 394/01

    Il-valutazzjoni t’hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid issir skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja (1).

    Fil-21 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Ġermaniż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali rigward il-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari KWL.

    Abbażi ta’ din id-dejta u t-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fit-3 ta’ Lulju 2012 u pprovdut mill-awtoritajiet Ġermaniżi fis-27 ta’ Settembru 2012, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

    (1)

    Id-distanza bejn is-sit ta’ Lingen u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ il-Pajjiżi l-Baxxi, hija ta’ 12,6 km.

    (2)

    Matul operazzjonijiet normali ta’ żarmar, l-iskariki ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi ma jwasslux għall-esponiment tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor, li jkunu sinifikanti mil-lat ta’ saħħa.

    (3)

    L-iskart radjuattiv solidu se jinħażen fuq il-post sakemm ikun disponibbli repożitorju nazzjonali.

    Skart solidu jew materjali residwi li mhumiex radjuattivi, f’konformità ma’ livelli ta’ approvazzjoni, se jiġu rilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali jew għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. Dan se jsir skont il-kriterji stipulati fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 96/29/Euratom).

    (4)

    Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi li jistgħu jseħħu wara inċident abbażi tad-disinn ta’ referenza tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x'aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat ta' saħħa.

    Madankollu, f’sitwazzjonijiet ta’ inċident aktar gravi, id-doża li l-popolazzjoni li tgħix fl-inħawi tal-fruntiera tal-eqreb Stat Membru tista’ tilħaq livelli fejn l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkunsidraw it-teħid ta’ kontromiżuri. F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li l-Ġermanja u l-Istati Membri ġirien tagħha rratifikaw ftehimiet bilaterali dwar in-notifika bikrija u l-assistenza reċiproka f’każ ta’ emerġenza radjoloġika.

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari KWL, li jinsab f’Lingen fis-Sassonja t’Isfel, il-Ġermanja, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x'aktarx li ma tirriżultax f'kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat ta’ saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Günther OETTINGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.


    Top