Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C2012/291A/01

    Avviż ta' kompetizzjoni ġenerali — EPSO/AST/121/12

    ĠU C 291A, 27.9.2012, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.9.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CA 291/1


    AVVIŻ TA' KOMPETIZZJONI ĠENERALI

    EPSO/AST/121/12

    (2012/C 291 A/01)

    L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza din il-kompetizzjoni ġenerali permezz ta' kwalifiki u eżamijiet sabiex tinħoloq lista ta' riżerva għar-reklutaġġ ta' assistenti (1).

    EPSO/AST/121/12 — Tekniċi tal-konferenzi (AST 3)

    L-għan ta' din il-kompetizzjoni hu li tinħoloq lista ta' riżerva maħsuba biex jimtlew xi postijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

    Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa l-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 270 A tas-7 ta' Settembru 2012 kif ukoll fuq il-websajt tal-EPSO.

    Din il-gwida, li tagħmel parti integrali mill-Avviż ta' Kompetizzjoni, se tgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.

    WERREJ

    I.

    QAFAS ĠENERALI

    II.

    DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET

    III.

    KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

    IV.

    TESTIJIET TA' DĦUL

    V.

    AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

    VI.

    KOMPETIZZJONI ĠENERALI

    VII.

    LISTA TA' RIŻERVA

    VIII.

    KIF TAPPLIKA?

    I.   QAFAS ĠENERALI

    Numru ta' kandidati magħżula: 23

    II.   DESKRIZZJONI TAL-FUNZJONIJIET

    L-Assistenti tal-livell AST 3 jieħdu sehem, taħt is-sorveljanza ta' Amministratur, fil-kisba tal-missjoni tal-istituzzjoni jew tal-korp tagħhom u jkunu mistennija li jwettqu kompiti ta' applikazzjoni, ta' implimentazzjoni, ta' appoġġ u ta' loġistika f'diversi oqsma tal-attività.

    Tekniċi inkarigati b'mod partikolari mit-tfassil, mill-installazzjoni u mill-ġestjoni ta' proċeduri tekniċi ta' awdjo u ta' immaġni f'installazzjonijiet multimedjali/awdjoviżivi jew ta' konferenzi; il-funzjonijiet jinkludu kompiti bħal:

    it-tfassil ta' installazzjonijiet ta' konferenzi u ta' tagħmir awdjoviżiv,

    it-tfassil ta' dokumenti tekniċi għal installazzjonijiet ta' konferenzi u għal installazzjonijiet awdjoviżivi ġodda u għar-rinovazzjoni tal-installazzjonijiet eżistenti kif ukoll is-superviżjoni ta' xogħlijiet li jitwettqu mill-kuntratturi,

    it-twettiq ta' tiswijiet f'każ ta' ħsara fl-installazzjonijiet ta' konferenzi u f'dawk awdjoviżivi,

    is-superviżjoni tal-operazzjonijiet ta' manutenzjoni tal-installazzjonijiet ta' konferenzi u ta' dawk awdjoviżivi,

    l-armar, it-tpoġġija u t-tħaddim tat-tagħmir mobbli tal-awdjo u/jew tal-vidjow (pereżempju kameras, skrijns, proġetturi, mikrofoni, miksers, xkafef mobbli, eċċ.) matul avvenimenti,

    l-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta' ġestjoni tat-tagħmir awdjoviżiv tas-swali tal-konferenzi,

    it-twettiq ta' testijiet analogi u diġitali bi strumenti ta' preċiżjoni (ossilloskopji, ġeneraturi ta' sinjali, miters għall-kejl tad-decibels, termometri diġitali, eċċ.) fis-swali tal-konferenzi,

    l-armar, l-installazzjoni u l-konfigurazzjoni ta' tagħmir A/V u ta' dak informatiku għat-trażmissjoni ta' vidjow u ta' awdjo permezz tan-netwerk tal-informatika u/jew tat-telekomunikazzjonijiet (streaming bil-vidjow u bl-awdjo, vidjokonferenzi, eċċ.),

    l-iżgurar tar-reġija awdjo u/jew vidjow fis-swali tal-konferenzi lokalment jew mill-bogħod (minn sala ta' kontroll), matul u barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol,

    il-garanzija tar-reġistrazzjoni bl-awdjo u/jew bil-vidjow tal-interventi tal-parteċipanti (permezz ta' mikrofoni, kameras, sorsi awdjoviżivi diversi),

    il-garanzija tal-programmazzjoni, tal-użu u tat-tiswija tas-sistemi ta' konferenzi u ta' interpretar multilingwu u/jew tal-programmazzjoni, tal-użu u tat-tiswija tas-sistemi ta' akkwist, trattament u diffużjoni tal-fluss tal-vidjow,

    ir-reġistrazzjoni tad-dibattiti fuq għodod diġitali (lineari u mhux lineari),

    l-iżgurar tal-akkwist, tar-routing u tad-distribuzzjoni ta' sinjali awdjoviżivi minn sala tal-kontroll għall-punti ta' distribuzzjoni fi ħdan binja,

    l-iżgurar tat-tħaddim, tal-konfigurazzjoni u tal-funzjonament tajjeb ta' netwerk ta' skrins ta' informazzjoni u tas-softwer operattiv tagħhom,

    it-tħaddim tas-sistemi ta' kodifikazzjoni u ta' trażmissjoni tal-flussi awdjo-vidjow,

    il-kontribut għar-rispett tal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-installazzjonijiet tal-konferenzi u tal-interpretar simultanju,

    is-selezzjoni ta' immaġni b'konfigurazzjoni li tirriżulta minn kameras multipli, ta' laqgħat u avvenimenti b'mod partikolari bil-għan li l-immaġni u l-awdjo jixxandru,

    it-tħaddim ta' sistemi elettroniċi ta' votazzjoni,

    il-ġestjoni u ż-żamma ta' inventarju tat-tagħmir,

    l-iżgurar tal-ġestjoni, tal-konfigurazzjoni u tat-tiswija ta' netwerk fuq skala żgħira LAN (TCP-IP),

    it-twettiq ta' tiswijiet u ta' adattamenti elettroniċi.

    III.   KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

    Fid-data tal-għeluq stabbilita għall-applikazzjoni elettronika, int għandek tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

    1.

    Kundizzjonijiet ġenerali

    (1)

    Li tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Li tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek.

    (3)

    Li tkun wettaqt kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet dwar ir-reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari.

    (4)

    Li tipproduċi r-referenzi dwar il-karattru meħtieġa, li jindikaw li int tajjeb biex twettaq il-funzjonijiet previsti.

    2.

    Kundizzjonijiet speċifiċi

    2.1.

    Kwalifiki

    Jew (a)

    Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji postsekondarji konklużi, iċċertifikati b'diploma ta' tmiem l-istudji f'qasam relatat mal-funzjonijiet inkwistjoni.

    Jew (b)

    Livell ta' edukazzjoni sekondarja, iċċertifikat minn diploma ta' tmiem l-istudji li tagħti aċċess għall-edukazzjoni postsekondarja, flimkien ma' esperjenza professjonali ta' mill-inqas 3 snin f'qasam relatat mal-funzjonijiet inkwistjoni.

    NB: Dawn it-3 snin ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala parti min-numru ta' snin ta' esperjenza professjonali mitluba hawn taħt.

    2.2.

    Esperjenza professjonali

    Esperjenza professjonali ta' mill-inqas 3 snin b'rabta man-natura tal-funzjonijiet inkwistjoni.

    Din l-esperjenza professjonali hija rilevanti biss jekk tkun inkisbet wara l-għoti tad-diploma li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni.

    2.3.

    Għarfien lingwistiku

    Il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin:

    BG (il-Bulgaru)

    CS (iċ-Ċek)

    DA (id-Daniż)

    DE (il-Ġermaniż)

    EL (il-Grieg)

    EN (l-Ingliż)

    ES (l-Ispanjol)

    ET (l-Estonjan)

    FI (il-Finlandiż)

    FR (il-Franċiż)

    GA (l-Irlandiż)

    HU (l-Ungeriż)

    IT (it-Taljan)

    LT (il-Litwan)

    LV (il-Latvjan)

    MT (il-Malti)

    NL (l-Olandiż)

    PL (il-Pollakk)

    PT (il-Portugiż)

    RO (ir-Rumen)

    SK (is-Slovakk)

    SL (is-Sloven)

    SV (l-Isvediż)

    (a)

    Lingwa 1

    Lingwa prinċipali:

     

    għarfien profond ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    (b)

    Lingwa 2

    It-tieni lingwa (trid tkun bilfors differenti mil-lingwa 1):

     

    għarfien sodisfaċenti tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż

    IV.   TESTIJIET TA' DĦUL

    It-testijiet ta' dħul isiru fuq il-kompjuter u jiġu organizzati mill-EPSO. Il-bord tas-selezzjoni jiddetermina l-livell ta' diffikultà tat-testijiet u japprova s-sustanza tagħhom abbażi tal-proposti magħmula mill-EPSO.

    Dawn it-testijiet se jiġu organizzati biss jekk in-numru tal-kandidati li jkunu applikaw ikun ogħla minn 1 000. F'dan il-każ, int tkun infurmat permezz tal-profil tiegħek tal-EPSO.

    1.

    Stedina għat-testijiet

    Inti tiġi mistieden għat-testijiet jekk tkun ivvalidajt l-applikazzjoni tiegħek fil-ħin (ara t-Taqsima VIII).

    Attenzjoni:

    1.

    meta tivvalida l-applikazzjoni tiegħek, inti tiddikjara li tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III;

    2.

    biex tipparteċipa fit-testijiet, trid tirriżerva data; din ir-riżervazzjoni għandha bilfors issir fiż-żmien li jiġi indikat lilek permezz tal-profil tal-EPSO.

    2.

    Deskrizzjoni tat-testijiet u dettalji dwar il-marki

    Sensiela ta' testijiet ibbażati fuq mistoqsijiet b'għażla multipla bil-għan li jiġu evalwati l-kapaċitajiet u l-kompetenzi ġenerali tiegħek fir-rigward ta':

    Test (a)

    ir-raġunament verbali

    marki: minn 0 sa 20 punt

    minimu meħtieġ: 10 punti

    Test (b)

    ir-raġunament numeriku

    marki: minn 0 sa 10 punti

    Test (c)

    ir-raġunament astratt

    marki: minn 0 sa 10 punti

     

    Il-minimu meħtieġ għat-testijiet (b) u (c) flimkien huwa ta' 10 punti

    3.

    Lingwa tat-testijiet

    Lingwa 1

    V.   AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONI U SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

    1.   Proċedura

    L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki jsiru fl-ewwel fażi skont id-dikjarazzjonijiet li tkun ipprovdejt fl-applikazzjoni tiegħek.

    a)

    Ir-risposti tiegħek għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi se jkunu pproċessati sabiex jiġi ddeterminat jekk inti tagħmilx parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni.

    Fil-każ li t-testijiet ta' dħul huma organizzati minn qabel, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ssir, f'ordni dixxendenti tal-punti miksuba fit-testijiet ta' dħul, sakemm jintlaħaq l-ammont ta' 1 000 kandidat li:

    kisbu kemm il-minimu meħtieġ kif ukoll l-aħjar marki fit-testijiet ta' dħul, u

    li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni.

    F'każ li diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka għall-aħħar post, dawn il-kandidati kollha se jiġu kkunsidrati għall-fażi ta' selezzjoni abbażi tal-kwalifiki. L-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jiġu kklassifikati taħt dan il-limitu mhux se jkunu eżaminati.

    b)

    Imbagħad, il-Bord tas-Selezzjoni se jagħżel abbażi tal-kwalifiki sabiex jidentifika, fost il-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni, dawk il-kandidati li għandhom l-iktar kwalifiki rilevanti (speċjalment diplomi u esperjenza professjonali) fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u tal-kriterji għas-selezzjoni deskritti f'dan l-Avviż ta' Kompetizzjoni. Din is-selezzjoni ssir biss fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tiegħek ipprovduti fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”) u ssir f'żewġ stadji:

    l-ewwel selezzjoni abbażi tal-kwalifiki ssir biss skont ir-risposti mmarkati fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”) tal-applikazzjoni u skont il-piż ta' kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Skont l-importanza mogħtija lil kull kriterju msemmi fil-punt 3 hawn taħt, il-Bord tas-Selezzjoni jistabbilixxi dan il-piż (minn 1 sa 3). Imbagħad, l-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jkunu kisbu l-akbar numru ta' punti jgħaddu għat-tieni selezzjoni;

    in-numru ta' fajls eżaminati matul it-tieni fażi ta' selezzjoni huwa ekwivalenti għal madwar 3 darbiet in-numru ta' kandidati mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni. Il-Bord tas-Selezzjoni jeżamina r-risposti tal-kandidati u jagħtihom marka minn 0 sa 4 għal kull tweġiba. Il-marki, immultiplikati bil-piż ta' kull mistoqsija, jingħaddu ma' xulxin sakemm tinkiseb il-marka globali.

    Imbagħad, il-Bord tas-Selezzjoni jistabbilixxi klassifika tal-kandidati skont dawn il-marki globali. In-numru ta' kandidati mistiedna (2) għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni jikkorrispondi għal mhux iktar minn 3 darbiet in-numru ta' kandidati magħżula, indikat f'dan l-Avviż ta' Kompetizzjoni. Dan in-numru se jkun ippubblikat fuq il-websajt tal-EPSO (www.eu-careers.info).

    2.   Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati

    Wara ċ-ċentru ta' evalwazzjoni u fid-dawl tar-riżultati miksuba minnu, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom se jkunu vverifikati mill-EPSO għall-kundizzjonijiet ġenerali u mill-Bord tas-Selezzjoni għall-kundizzjonijiet speċifiċi. Għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki, id-dokumenti ta' prova se jkunu kkunsidrati biss biex jikkonfermaw ir-risposti diġà mogħtija fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”). Jekk matul din il-verifika jinstab li dawn id-dikjarazzjonijiet (3) mhumiex ikkonfermati mid-dokumenti ta' prova rilevanti, il-kandidati kkonċernati jiġu esklużi mill-kompetizzjoni.

    Il-verifika ssir b'ordni dixxendenti ta' mertu, għall-kandidati li kisbu l-minimu meħtieġ u l-aħjar marki fit-testijiet ta' evalwazzjoni kollha (d), (e), (f) u (g) taċ-ċentru ta' evalwazzjoni. Dawn il-kandidati jridu wkoll jiksbu l-minimu meħtieġ fit-testijiet tal-kapaċità (a), (b) u (c). Din il-verifika tibqa' ssir sakemm jintlaħaq in-numru ta' kandidati li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' riżerva u li effettivament jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni. Id-dokumenti ta' prova tal-kandidati li jikklassifikaw taħt dan in-numru mhux se jiġu eżaminati.

    3.   Kriterji għas-selezzjoni

    Fil-qafas tas-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, il-Bord tas-Selezzjoni se jikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

    (5)

    Esperjenza professjonali fil-programmazzjoni, fl-użu u fit-tiswija ta' sistemi ta' konferenzi u ta' interpretar multilingwu;

    (6)

    Esperjenza professjonali fil-programmazzjoni, fl-użu u fit-tiswija ta' sistemi ta' akkwist, trattament u diffużjoni tal-fluss tal-vidjow;

    (7)

    Esperjenza professjonali fl-armar u fit-tħaddim tat-tagħmir mobbli tal-awdjo u/jew tal-vidjow (pereżempju kameras, skrijns, proġetturi, mikrofoni, miksers, xkafef mobbli, eċċ.);

    (8)

    Esperjenza professjonali fl-użu ta' sistemi mobbli ta' konferenzi u ta' interpretar multilingwu (l-użu ta' sistema tat-tip trasportabbli u/jew ta' kabini mobbli);

    (9)

    Esperjenza professjonali fit-tfassil ta' dokumenti tekniċi għal installazzjonijiet ta' konferenzi u għal installazzjonijiet awdjoviżivi ġodda u għar-rinovazzjoni tal-installazzjonijiet eżistenti;

    (10)

    Esperjenza professjonali fis-superviżjoni tal-kuntratturi matul it-twettiq ta' xogħlijiet;

    (11)

    Esperjenza professjonali fl-użu ta' netwerks ibbażati fuq il-protokoll TCP/IP;

    (12)

    Esperjenza professjonali fit-twettiq ta' testijiet analogi u diġitali bi strumenti ta' preċiżjoni (ossilloskopji, ġeneraturi ta' sinjali, miters għall-kejl tad-decibels, termometri diġitali, eċċ.) fis-swali tal-konferenzi;

    (13)

    Esperjenza professjonali fl-akkwist, fir-routing, fid-distribuzzjoni ta' sinjali awdjoviżivi minn sala tal-kontroll għall-punti ta' distribuzzjoni fi ħdan binja;

    (14)

    Esperjenza professjonali fit-tħaddim tas-sistemi ta' kodifikazzjoni u ta' trażmissjoni tal-flussi awdjoviżivi fuq netwerks TCP-IP (“streaming”) jew ISDN jew satellita;

    (15)

    Esperjenza professjonali fl-elettronika b'mod ġenerali (kemm dik analoga kif ukoll dik diġitali).

    VI.   KOMPETIZZJONI ĠENERALI

    1.

    Stedina għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni

    Jekk int wieħed mill-kandidati (4)

    li jkunu kisbu waħda mill-aħjar marki fit-testijiet ta' dħul (jekk dawn ikunu ġew organizzati minn qabel, ara t-Taqsima IV) u l-minimu meħtieġ għal dawn it-testijiet,

    u

    li, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom fl-applikazzjoni elettronika, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III,

    u

    li kisbu waħda mill-aħjar marki fis-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki,

    inti tiġi mistieden biex tipparteċipa fl-eżamijiet (5) taċ-ċentru ta' evalwazzjoni li ġeneralment isiru fi Brussell u li jdumu jum jew jumejn.

    2.

    Ċentru ta' evalwazzjoni

    Inti tiġi evalwat bi tliet tipi ta' evalwazzjonijiet:

    il-kapaċitajiet tiegħek fir-rigward tar-raġunament, ħlief jekk dawn ma kinux diġà evalwati waqt it-testijiet ta' dħul organizzati minn qabel, permezz ta' dawn it-testijiet:

    (a)

    test tar-raġunament verbali;

    (b)

    test tar-raġunament numeriku;

    (c)

    test tar-raġunament astratt;

    il-kompetenzi speċifiċi tiegħek fil-qasam permezz ta' dan it-test:

    (d)

    intervista strutturata dwar il-kompetenzi fil-qasam, abbażi tar-risposti li tkun tajt fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-applikazzjoni

    il-kompetenzi ġenerali tiegħek (6):

    Analiżi u soluzzjoni tal-problemi,

    Komunikazzjoni,

    Kwalità u riżultati,

    Tagħlim u żvilupp,

    Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni,

    Perseveranza,

    Ħidma f'tim.

    permezz tat-testijiet (7) li ġejjin:

    (e)

    studju tal-każ;

    (f)

    eżerċizzju fi grupp;

    (g)

    intervista strutturata dwar il-kompetenzi ġenerali.

    Kull waħda mill-kompetenzi ġenerali se tiġi ttestjata skont din it-tabella:

     

    Studju ta' każ partikolari

    Eżerċizzju fi grupp

    Intervista strutturata

    Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

    x

    x

     

    Komunikazzjoni

    x

     

    x

    Kwalità u riżultati

    x

     

    x

    Tagħlim u żvilupp

     

    x

    x

    Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

    x

    x

     

    Perseveranza

     

    x

    x

    Ħidma f'tim

     

    x

    x

    3.

    Lingwa taċ-ċentru ta' evalwazzjoni

    Lingwa 1 għat-testijiet (a), (b) u (c)

    Lingwa 2 għat-testijiet (d), (e), (f) u (g)

    4.

    Marki

    Kapaċitajiet fil-qasam tar-raġunament

    (a)

    verbali: minn 0 sa 20 punt

    minimu meħtieġ: 10 punti;

    (b)

    numeriku: minn 0 sa 10 punti;

    (c)

    astratt: minn 0 sa 10 punti;

    minimu meħtieġ għat-testijiet (b) u (c) flimkien: 10 punti.

    It-testijiet (a), (b) u (c) huma eliminatorji iżda l-marki tagħhom mhux se jkunu miżjuda mal-marki l-oħra taċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

    Kompetenzi speċifiċi (test d)

    minn 0 sa 100 punt

    minimu meħtieġ: 50 punt

    piż: 55 % tal-marka globali

    Kompetenzi ġenerali (testijiet (e), (f) u (g))

    minn 0 sa 10 punti għal kull kompetenza ġenerali

    minimu meħtieġ:

     

    3 punti għal kull kompetenza u

     

    35 punt minn 70 għas-7 kompetenzi ġenerali kollha f'daqqa

    piż: 45 % tal-marka globali

    VII.   LISTA TA' RIŻERVA

    1.

    Lista ta' riżerva

    Il-Bord tas-Selezzjoni jniżżel ismek fuq il-lista ta' riżerva

    jekk int tkun wieħed mill-kandidati (8) li jkunu kisbu l-minimu meħtieġ flimkien ma' waħda mill-aħjar marki fit-testijiet kollha d), e), f) u g) taċ-ċentru ta' evalwazzjoni (ara l-għadd ta' kandidati magħżula, Taqsima I, punt 1)

    u jekk, skont id-dokumenti ta' prova, tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta' ammissjoni.

    2.

    Klassifika

    Il-lista tiġi stabbilita skont l-ordni alfabetiku.

    VIII.   KIF TAPPLIKA?

    1.

    Applikazzjoni elettronika

    Għandek tapplika b'mod elettroniku billi ssegwi l-proċedura indikata fuq il-websajt tal-EPSO, u b'mod speċjali fil-Manwal tal-Applikazzjoni.

    Data tal-għeluq (inkluża l-validazzjoni): Fis-30 ta' Ottubru 2012 f'12:00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell.

    2.

    Fajl tal-applikazzjoni

    Jekk inti tagħmel parti mill-kandidati ammessi għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni, għandek iġġib miegħek (9) il-fajl tal-applikazzjoni tiegħek komplut (l-applikazzjoni elettronika tiegħek iffirmata u d-dokumenti ta' prova) meta tiġi fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

    Kundizzjonijiet: ara l-punt 6.1 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.


    (1)  F'dan l-avviż kull referenza għal persuna tas-sess maskil tirreferi wkoll għal persuna tas-sess femminil.

    (2)  Il-kandidati li ma jiġux mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni jirċievu r-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom kif ukoll il-piż ta' kull mistoqsija mingħand il-Bord tas-Selezzjoni.

    (3)  Din l-informazzjoni se tiġi vverifikata, abbażi tad-dokumenti ta' prova, qabel ma tiġi stabbilita l-lista ta' riżerva (ara t-Taqsima VII, il-punt 1 u t-Taqsima VIII, il-punt 2).

    (4)  Fil-każ fejn fl-aħħar post jiġu diversi kandidati bl-istess marka, dawn il-kandidati kollha jkunu mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

    (5)  Minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni, it-testijiet ta' raġunament kif ukoll l-istudju ta' każ partikolari (test (e)) jistgħu jsiru fiċ-ċentri tal-ittestjar fl-Istati Membri u/jew fi Brussell, indipendentement mill-eżamijiet l-oħra li jsiru matul iċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

    (6)  Dawn il-kompetenzi huma mfissra fil-punt 1.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.

    (7)  Il-kontenut ta' dawn l-elementi huwa vvalidat mill-Bord tas-Selezzjoni.

    (8)  Fil-każ fejn fl-aħħar post jiġu diversi kandidati bl-istess marka, dawn il-kandidati kollha jitniżżlu fil-lista ta' riżerva.

    (9)  Id-data ta' meta trid tattendi għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni tiġi kkomunikata lilek fi żmien xieraq permezz tal-kont tiegħek tal-EPSO.


    Top