EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0256

Kawża T-256/12: Rikors ippreżentat fit- 13 ta’ Ġunju 2012 — Hautau vs Il-Kummissjoni

ĠU C 227, 28.7.2012, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/31


Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Ġunju 2012 — Hautau vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-256/12)

2012/C 227/53

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Hautau GmbH (Helpsen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. Peter, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2012) 2069 finali, tat-28 ta’ Marzu 2012 (Każ COMP/39.452 — Mekkaniżmi ta’ ftuħ għal twieqi u għal bibien tal-ħġieġ), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

(1)

L-ewwel nett, id-deċiżjoni li tiġi imposta multa hija bbażata b’mod żbaljat fuq il-preżunzjoni li jeżisti ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Madankollu, tali ksur ma jeżistix, għaliex id-diskussjonijiet seħħew b’għarfien sħiħ u fuq talba tal-kompetituri fis-suq.

(2)

It-tieni nett, id-deċiżjoni li tiġi imposta multa hija bbażata b’mod żbaljat fuq il-preżunzjoni li tipi ta’ mekkaniżmi ta’ ftuħ differenti minn dawk għal twieqi b’mekkaniżmu ta’ tidwir u mejla (turn-and-tilt) kienu s-suġġett tad-diskussjonijiet bejn l-impriżi parteċipanti.

(3)

It-tielet nett, anki jekk kien hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE, id-deċiżjoni ta’ impożizzjoni ta’ multa hija madankollu bbażata b’mod żbaljat fuq il-preżunzjoni li mekkaniżmi ta’ ftuħ speċjali kienu wkoll is-suġġett ta’ aġir antikompetittiv.

(4)

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega li hija wkoll żbaljata l-preżunzjoni li hija pparteċipat f’eventwali kollużjoni antikompetittiva barra mit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Mill-iktar jista’ jingħad li r-rikorrenti kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 TFUE fis-suq Taljan u f’dak Grieg fl-2007.

(5)

Il-ħames nett, ir-rikorrenti tilmenta sussidjarjament, billi tkompli fuq it-tieni sar-raba’ motiv tar-rikors, li ttieħdu inkunsiderazzjoni b’mod illeċitu, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, id-dħul mill-bejgħ fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ ftuħ ta’ bibien sliding jew tal-mekkaniżmi ta’ ftuħ speċjali kif ukoll tad-dħul mill-bejgħ magħmul barra mill-Ġermanja. Bl-inklużjoni ta’ dan id-dħul, id-dħul mill-bejgħ li l-konvenuta ħadet bħala bażi sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa huwa biċ-ċar għoli wisq. B’dan il-mod, inkiser l-Artikolu 23(3) tar-Regolament 1/2003.

(6)

Is-sitt nett, ir-rikorrenti tilmenta sussidjarjament li sar żball ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, fir-rigward tas-serjetà tal-ksur u tal-ħlas supplimentari għal effett dissważiv (hekk imsejjaħ, “ħlas għad-dħul”). Il-perċentwali għas-serjetà tal-ksur jew il-ħlas supplimentari għal effett dissważiv ġiet stabbilita f’ammont għoli wisq fil-każ tar-rikorrenti. Dan ukoll jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament 1/2003.

(7)

Is-seba’ nett, ir-rikorrenti tilmenta wkoll sussidjarjament ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament 1/2003, għaliex ittieħed b’mod żbaljat inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul minnha flimkien ma’ membri oħra fil-kartell.

(8)

It-tmien nett, ir-rikorrenti tallega li d-Deċiżjoni hija vvizzjata b’nuqqas serju ta’ motivazzjoni. Għal din ir-raġuni, għandha tiġi annullata fl-intier tagħha, minħabba ksur tal-Artikolu 296 TFUE u l-konsegwenti ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, indipendentement minn jekk ir-rikorrenti pparteċipatx fi ftehim li jikser l-Artikolu 101 TFUE. Il-vizzju ma jistax jiġi ssanat waqt li jkunu għaddejjin il-proċeduri.

(9)

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tiżbalja, fl-aħħar nett, meta tassumi li r-rikorrenti pparteċipat fl-(allegat) aġir antikompetittiv mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-3 ta’ Lulju 2007. Madankollu, l-ilment ta’ ksur uniku u kontinwu mis-16 ta’ Novembru 1999 sat-3 ta’ Lulju 2007 ma jistax jiġi sostnut minħabba żieda awtonoma fil-prezzijiet għall-2001 u minħabba l-ineżistenza ta’ ftehim għas-sena 2002. Għaldaqstant, mill-iktar jistgħu jiġu inklużi fid-Deċiżjoni l-perijodi mill-2003. Madankollu, sa fejn ir-rikorrenti tiġi akkużata b’aġir antikompetittiv barra mis-suq Ġermaniż, l-iktar li jista’ jiġi attribwit lir-rikorrenti huwa ksur tal-Artikolu 101 TFUE fl-2007. Għal din ir-raġuni, ir-rikorrenti tqis li ma tistax tiġi attribwita ksur li dam seba’ snin u seba’ xhur.


Top