EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0254

Kawża T-254/12: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Ġunju 2012 — Kühne + Nagel International et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 227, 28.7.2012, p. 31–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/31


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ġunju 2012 — Kühne + Nagel International et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-254/12)

2012/C 227/52

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Kühne + Nagel International AG (Schindellegi, l-Isvizzera), Kühne + Nagel Management AG (Schindellegi, l-Isvizzera), Kühne + Nagel Ltd (Uxbridge, ir-Renju Unit), Kühne + Nagel Ltd (Shanghai, iċ-Ċina), Kühne + Nagel Ltd (Ħong Kong, iċ-Ċina) (rappreżentanti: Rechtsanwälte U. Denzel, C. Klöppner u C. von Köckritz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Marzu 2012, C(2012) 1959 finali fil-Każ COMP/39.462 — Transit, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn ir-rikorrenti huma kkonċernati;

sussidjarjament: tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni imponiet multa fuq ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’erba’ ftehim distinti dwar primjums, jiġifieri l-ftehim fir-rigward tan-NES, tal-AMS, tal-CAF u tal-PSS.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin:

il-kundanna tar-rikorrenti għall-multi hija illegali minħabba żbalji ta’ evalwazzjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni ddeterminat b’mod żbaljat id-dħul mill-bejgħ fil-kuntest tal-ksur, peress li d-dħul mill-bejgħ li għalih hija rreferiet ma għandu ebda rabta, diretta jew indiretta, mal-ksur. Min-naħa l-oħra, hija żbaljat meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti li jirriżultaw fir-rigward tar-rikorrenti.

L-ammont tal-multi imposti jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tas-settur tas-servizzi tat-trasport, il-multi imposti mill-Kummissjoni huma manifestament sproporzjonati u jiksru l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress li hija rriffjutat it-talba bil-miktub ta’ aċċess għall-fajl (tal-Każ COMP/39.258) li saret fit-30 ta’ Novembru 2011 u għalhekk irrestrinġiet b’mod illegali d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

F’dak li jirrigwarda speċifikament il-primjums fil-kuntest tal-ftehim fir-rigward tan-NES u tal-AMS, ir-rikorrenti jsostnu wkoll il-motivi li ġejjin insostenn tar-rikors tagħhom:

Il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex affettwat. Il-Kummissjoni applikat id-dritt b’mod żbaljat peress li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE (effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri) ma humiex sodisfatti.

Il-Kummissjoni applikat id-dritt b’mod żbaljat meta kkunsidrat li hija kellha l-kompetenza sabiex tipproċedi fir-rigward ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE fil-qasam tat-trasport tal-ajru; fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ma tatx eżenzjoni taħt ir-Regolament (KEE) Nru 3975/87 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru. Legalment, il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata timponi multi għal ksur fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE ladarba ma kienx hemm, qabel l-1 ta’ Mejju 2004, regolament ta’ applikazzjoni għat-trasport bl-ajru u t-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kien għalhekk jibbenefika minn eżenzjoni (“eżenzjoni tat-trasport bl-ajru”).

Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta evalwat b’mod żbaljat it-tul tal-ksur fir-rigward tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni applikat id-dritt b’mod żbaljat u ma mmotivatax suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur għar-rikorrenti. Ir-rikorrenti pparteċipaw fil-fatti rilevanti għad-dritt tal-kompetizzjoni mill-4 ta’ Novembru 2002 l-iktar kmieni, f’dak li jirrigwarda l-primjum fil-kuntest tal-ftehim fir-rigward tan-NES, u mill-21 ta’ Ottubru 2003 l-iktar kmieni, f’dak li jirrigwarda l-primjum fil-kuntest tal-ftehim fir-rigward tal-AMS.


Top