EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0248

Kawża T-248/12: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Ġunju 2012 — Fuhr vs Il-Kummissjoni

ĠU C 227, 28.7.2012, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/28


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ġunju 2012 — Fuhr vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-248/12)

2012/C 227/49

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Carl Fuhr GmbH & Co. KG (Heiligenhaus, Ġermanja) (rappreżentanti: C. Bahr, S. Dethof u A. Malec, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2012) 2069 finali, tat-28 ta’ Marzu 2012 (Każ COMP/39.452 — Mekkaniżmi ta’ ftuħ għal twieqi u għal bibien tal-ħġieġ), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi:

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE għaliex ġie aċċettat li r-rikorrenti pparteċipat fi ksur uniku u kumpless. Meta kkunsidrat u evalwat globalment l-aġir rispettiv tal-impriżi parteċipanti u meta qieset b’mod illeċitu lil dawn kollha bħala unità, il-konvenuta ma osservatx l-obbligu tagħha ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-parteċipazzjoni individwali tal-impriżi parteċipanti. Il-konvenuta imputat lir-rikorrenti parteċipazzjoni addizzjonali, mingħajr ma kien hemm bażi ġuridika biex dan isir, u b’dan il-mod marret kontra l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege tal-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq preżunzjoni żbaljata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur fiż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (iktar ’il quddiem, iż-“ŻEE”). Ir-rikorrenti ma pparteċipat fl-ebda waħda mill-bosta laqgħat u kuntatti li seħħew barra mill-Ġermanja. Barra minn hekk, lanqas ma kienet taf b’tali ksur fiż-ŻEE kollha, u lanqas ma kellha tkun taf b’tali ksur fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq il-konvenuta skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, għaliex qieset il-parteċipazzjoni individwali tal-impriżi kkonċernati b’mod wieħed u globali.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball fil-kalkolu tal-multa għaliex ġew inklużi tranżazzjonijiet mhux rilevanti, u b’hekk inkiser l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll id-Direttivi għall-kalkolu tal-multi tal-2006. Il-konvenuta kellha tieħu inkunsiderazzjoni biss it-tranżazzjonijiet imwettqa mir-rikorrenti fil-Ġermanja, peress li din ma pparteċipatx fi ksur fiż-ŻEE kollha. Barra minn hekk, il-konvenuta ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni tranżazzjonijiet mhux rilevanti ma’ klijenti bl-ingrossa li kienu jbiegħu l-merkanzija akkwistata, kif meħtieġ, esklużivament barra miż-ŻEE.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq żbalji fundamentali fl-evalwazzjoni meta ġiet ikkalkolata l-multa imposta fuq ir-rikorrenti, bi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-multi previst fl-Artikolu 49(3) tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 48(1) tal-istess Karta. Il-multa imposta fuq ir-rikorrenti hija għolja wisq u sproporzjonata. Fil-kalkolu tal-multa, il-konvenuta ma qisitx, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni individwali tar-rikorrenti fil-fatti fid-dawl tat-tul, il-portata u l-intensità tagħhom, u lanqas ma qieset ċirkustanzi attenwanti favorevoli għar-rikorrenti.

(6)

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament minħabba t-tnaqqis wisq baxx, arbitrarju u li ma jinftehimx, tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Hija ssostni li t-tnaqqis li sar ma għandux x’jaqsam mal-ammont tat-tnaqqis tal-multi tal-parteċipanti l-oħra kollha, jippreġudikaha b’mod serju u ma huwa bl-ebda mod ġġustifikat oġġettivament.

(7)

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa. F’dan ir-rigward, il-konvenuta, mingħajr ma qieset bl-ebda mod is-serjetà tal-parteċipazzjoni individwali, ikkalkolat għall-impriżi kollha l-istess perċentwali tal-ammont bażiku tal-multa, u b’hekk ippreġudikat serjament lir-rikorrenti.

(8)

It-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta minħabba t-tul eċċessiv tal-proċeduri u fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-fatt fil-kalkolu tal-multa.


Top