EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0212

Kawża T-212/12: Rikors ippreżentat fil- 21 ta’ Mejju 2012 — Ålands Industrihus vs Il-Kummissjoni

ĠU C 227, 28.7.2012, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/22


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2012 — Ålands Industrihus vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-212/12)

2012/C 227/38

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrenti: Ålands Industrihus (Mariehamn, il-Finlandja) (rappreżentant: L. Laitinen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 6/2008, tat-13 ta’ Lulju 2011, dwar miżuri implementati mill-Gvern Reġjonali ta’ Åland favur Ålands Industrihus Ab, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE — ebda għajnuna mill-Istat

Ir-rikorrenti ssostni li l-injezzjoni ta’ kapital u l-garanziji ta’ self ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat peress li l-għajnuna ma kkawżatx distorsjoni tal-kompetizzjoni sal-punt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti tal-kawża, b’mod partikolari meta kkonstatat li ma hemm ebda ostakolu assolut għall-impriżi barranin li jwettqu l-attività tagħhom f’Åland u, tabilħaqq, l-ebda ostakolu li jżżommhom milli jinvestu fis-suq tal-proprjetà lokali.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-kunċett ta’ investitur privat — ebda għajnuna mill-Istat

Ir-rikorrenti ssostni li l-injezzjonijiet ta’ kapital kienu kompatibbli mal-prinċipju ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq u għalhekk la kkawżaw distorsjoni u lanqas ma kien probabbli li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni sal-punt li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura mal-prinċipju ta’ investitur privat fl-ekonomija tas-suq sa fejn il-Kummissjoni, inter alia, b’mod żbaljat u arbitrarju ikkunsidrat id-daqs tal-qliegħ mistenni billi bbażat ruħha biss fuq il-qliegħ ta’ sena waħda. Skond ir-rikorrenti, il-vera qliegħ mistenni kien taħlita tal-qliegħ annwali u ż-żieda mistennija fil-valur.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna eżistenti dwar il-garanziji

Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li minn tal-inqas tnejn mill-garanziji mogħtija kienu jiffurmaw parti minn skema ta’ għajnuna eżistenti.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u nuqqas ta’ motivazzjoni

Jekk, minkejja kollox, il-miżuri inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati ma humiex ikkalkolati korrettament. L-ewwel nett, il-Kummissjoni arbitrarjament stabbiliet, abbażi ta’ motivazzjoni dgħajfa, inkompleta u estremament qasira, li l-irkupru għandu jkopri s-somma kapitali kollha investita. It-tieni nett, il-Kummissjoni arbitrarjament iffissat, abbażi ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, l-ammont tal-elementi tal-għajnuna relatati mal-garanziji fuq livelli irraġonevoli u irrealistiċi. Ir-rikorrenti ssostni li l-lakuni u l-arbitrarjetà tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni jagħmluha kważi impossibbli għar-rikorrenti li tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tar-regoli dwar ir-rata ta’ referenza

Fil-kuntest tal-kalkolu tal-elementi tal-għajnuna relatati mal-garanziji il-Kummissjoni applikat retroattivament il-Komunikazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (1). Din l-applikazzjoni retroattiva inġusta fissret li l-ammonti tal-elementi tal-għajnuna relatati mal-garanziji li għandhom jiġu rkuprati ġew iffissati fuq livell għola minn dak li kien jiġi applikat li kieku l-kalkolu ġie bbażżat fuq id-dokument il-korrett, li skont ir-rikorrenti hija l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 273/03 fuq il-metodu tat-twaqqif tar-referenza u r-rati ta’ skont (2), li kienet fis-seħħ meta ngħataw il-garanziji.

(6)

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrenti kellha aspettativi leġittimi fir-rigward tal-għajnuna

Abbażi tal-fatti esposti fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet motivi elenkati iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kellha aspettattivi leġittimi li l-miżuri tal-Gvern Reġjonali ma kinux jammontaw għal għajnuna mill-Istat illegali. Ir-rikorrenti kienet, madankollu, xorta waħda iddiskutiet il-kwistjoni mal-Gvern Reġjonali li kien ikkonferma li l-miżura kienet koperta minn skemi ta’ għajnuna nnotifikati.

(7)

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tipperikola ċ-ċertezza legali u tirrestrinġi s-sistema ta’ proprjetà prevista fl-Artikolu 345 TFUE

Il-Kummissjoni injorat kompletament investimenti simultanji mwettqa mill-muniċipalità ta’ Mariehamn, fatt li jagħmilha impossibbli għar-rikorrenti li titratta lill-azzjonisti b’mod identiku f’każ ta’ rkupru skont id-dispożizzjonijiet vinkolanti tal-liġi Finlandiża dwar il-kumpanniji. Għaldaqstant, dan in-nuqqas tal-Kummissjoni jikkawża distorsjoni tar-riżultat ekonomiku aħħari għal dawk involuti b’tali mod li jfisser li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 345 TFUE, li jgħid li t-Trattati ma għandhom bl-ebda mod jippreġudikaw ir-regoli tal-Istati Membri li jirregolaw is-sistema ta’ proprjetà.


(1)  ĠU 2008, C 14, p. 6.

(2)  ĠU 1997, C 273, p. 3.


Top