EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0260

Kawża C-260/12 P: Appell ippreżentat fid- 29 ta’ Mejju 2012 minn Volkswagen AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal- 21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-63/09, Volkswagen AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

ĠU C 227, 28.7.2012, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 227/13


Appell ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2012 minn Volkswagen AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-63/09, Volkswagen AG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-260/12 P)

2012/C 227/19

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Volkswagen AG (rappreżentanti: H.-P. Schrammek, C. Drzymalla, S. Risthaus, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-63/09.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-63/09, li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors ta’ Volkwagen AG kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Diċembru 2008 (Każ R 749/2007-2) dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Volkswagen AG u Suzuki Motor Corporation.

L-appellanti tinvoka l-aggravji segwenti:

difett proċedurali minħabba ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll minħabba żnaturament tal-fatti;

ksur tad-dritt tal-Unjoni, minħabba applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 8(2)(a) u 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade marks.

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti għal smigħ xieraq u żnaturat il-fatti, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti ppreżentati mill-appellanti. Kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, l-appellanti ppreżentat biżżejjed informazzjoni dwar it-tifsira deskrittiva tad-denominazzjoni SWIFT fil-lingwa Ingliża. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed l-informazzjoni pprovduta mill-appellanti dwar id-differenzi fl-użanzi kummerċjali tad-denominazzjoni “GTI” f’pajjiżi individwali.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-argument tal-appellanti, li sostniet li kienu rreġistrati, bħala trade marks distintivi, it-tliet trade marks li jinkludu l-ittra “I” li ġew irreġistrati bħala li għandhom karattru distintiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ proċedura xierqa billi attribwixxiet valur probatorju differenti għal reġistrazzjoni ta’ trade mark. Kien hemm ksur tad-dritt tal-appellanti għal smigħ xieraq peress li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti tagħha insostenn għall-karattru uniku tad-denominazzjoni “GTI”.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti tal-kawża billi akkużat b’mod żbaljat lill-appellanti li naqset milli tipprovdi informazzjoni suffiċjenti dwar l-infurzar legali tal-marka “GTI”. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-argument tal-appellanti dwar is-saħħa probatorja, li minnha l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni silet l-użu kummerċjali allegat fl-Isvezja.

Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 207/2009, u għalhekk kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għandha tiġi miċħuda jekk trade mark preċedenti teżisti f’wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tagħha hemm probabbiltà li tiġi konfuża mat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Madankollu, il-Qorti Ġenerali eżaminat “l-UE fl-intier tagħha” u għalhekk inkorporat aspetti minn pajjiżi li fihom tali protezzjoni tat-trade mark ma teżistix. Dan imur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’“Matratzen Concord” (1).

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea billi kklassifikat id-denominazzjoni “GTI” bħala indikazzjoni deskrittiva ta’ natura teknika, minkejja li din id-denominazzjoni hija rreġistratata bħala trade mark f’numru ta’ Stati Membri. Huma l-awtoritajiet nazzjonali biss li għandhom jiddeċiedu dwar it-tifsira deskrittiva ta’ trade mark fit-territorji rispettivi tagħhom. Huwa biss jekk issir applikazzjoni għall-kanċellazzjoni ta’ trade mark mir-reġistru li korp tal-Unjoni Ewropea jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-invalidità ta’ trade mark nazzjonali fl-evalwazzjoni ta’ jekk hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali b’mod inġust stabbilixxiet kriterji ġodda għall-evalwazzjoni tal-pożizzjoni individwali ta’ element fit-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk, hija kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea billi sostniet li t-trade mark infisha ma hijiex suffiċjenti għall-konsumaturi sabiex jiddeterminaw l-oriġini kummerċjali tal-prodotti, u l-konsumaturi jfittxu informazzjoni mhux relatata mat-trade mark irreġistrata, b’mod partikolari indikazzjonijiet dwar min immanifattura l-prodotti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet għall-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-kuntest ta’ serje ta’ trade marks, peress li ċaħdet iż-żieda tat-trade mark “SWIFT GTI” mas-serje ta’ sinjali tal-appellanti “Golf GTI” u “Lupo GTI”.


(1)  Digriet tat-28 ta’ April 2004 fil-Kawża C-3/03 P, Matratzen Concord, Ġabra p. I-3657.


Top