Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 62012TN0240

    Kawża T-240/12: Rikors ippreżentat fl- 4 ta’ Ġunju 2012 — Eni vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 217, 21.7.2012, p. 27—27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 217/27


    Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Ġunju 2012 — Eni vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-240/12)

    2012/C 217/57

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Eni SpA (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: G. Roberti u I. Perego, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

    tannulla l-att ikkontestat;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors huwa dirett kontra l-ittra (prot. *D/2012/04226) tat-23 ta’ April 2012, dwar il-Każ COMP/F/38.638 — Gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Adozzjoni mill-ġdid, li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea kkomunikat lill-ENI d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura BR-ESBR wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Lulju 2011 (Kawża T-39/07, Eni vs Il-Kummissjoni), li annullat parzjalment id-Deċiżjoni C(2006) 5700 tad-29 ta’ Novembru 2006, adottata fil-Każ COMP/F/38.638 — Gomma butadiene u gomma styrene butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni u naqqset il-multa imposta.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ENI tinvoka motiv wieħed, li permezz tiegħu tallega nuqqas ta’ kompetenza, peress li l-Kummissjoni ma tistax tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-każ BR-ESBR bil-ħsieb li tiġi adottata deċiżjoni ġdida li timponi sanzjoni.

    ENI tirrileva li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2011, minbarra li annullat parzjalment id-Deċiżjoni BR-ESBR tal-2006, fuq il-bażi li l-Kummissjoni kienet naqset milli tevalwa b’mod korrett iċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva, eżerċitat fil-fatt il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha — skont l-Artikolu 261 TFUE u r-Regolament 1/2003 — billi ddeterminat mill-ġdid l-ammont tal-multa u billi ssostitwiet il-kalkoli tagħha ma’ dawk tal-Kummissjoni. Hija f’din il-perspettiva li d-deċiżjoni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura BR-ESBR, minbarra li tikser il-prinċipju ta’ tqassim tal-kompetenzi u tal-bilanċ istituzzjonali stabbilit fl-Artikolu 13 TFUE, tikser wkoll id-dritt fundamentali għal proċess imparzjali li jinsab fl-Artikolu 6 KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipju ta’ ne bis in idem li jinsab fl-Artikolu 7 KEDB.

    Barra minn hekk, ENI ssostni li, kuntrarjament għal dak li hemm stabbilit fl-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ma aċċertatx sempliċiment difett proċedurali fl-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kunċett tar-reċidiva fid-Deċiżjoni BR-ESBR tal-2006; għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-ġurisprudenza PVC II  (1) sabiex tiġġustifika l-inizjattiva tagħha, li, anki f’dan is-sens, tikser l-Artikolu 7 KEDB.

    Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, ENI tirrileva li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti kull possibbiltà ta’ adozzjoni mill-ġdid ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni u li tapplika mill-ġdid il-kunċett tar-reċidiva hija, fi kwalunkwe każ, kompletament eskluża.


    (1)  Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2002, Kawżi Magħquda C-238/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, minn C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Limburgse Vinyl Maatschappij NV (LVM) et vs Il-Kummissjoni (PVC II), Ġabra p. I-8375


    Início