EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0214

Kawża C-214/12 P: Appell ippreżentat fit- 8 ta’ Mejju 2012 mil-Land Burgenland kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat- 28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08, Land Burgenland u r-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 194, 30.6.2012, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 194/16


Appell ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2012 mil-Land Burgenland kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08, Land Burgenland u r-Repubblika tal-Awstrija vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-214/12 P)

2012/C 194/25

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Land Burgenland (rappreżentanti: U. Soltész u P. Melcher, avukati, A Egger, avukat)

Partijiet oħra fil-proċeduri: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08;

tiddeċiedi definittivament fuq il-kawża u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/719/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 56/06 (ex NN 77/06) implimentata mill-Awstrija għall-privatizzazzjoni tal-Bank Burgenland (ĠU L 239, p. 32) u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

sussidjarjament, fir-rigward tat-tieni kap ta’ talba, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fid-dawl tal-evalwazzjoni tad-dritt tal-Qorti tal-Ġustizzja, u tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-28 ta’ Frar 2012 fil-Kawżi magħquda T-268/08 u T-281/08, li ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/719/KE, tat-30 ta’ April 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Awstrija għall-privatizzazzjoni ta’ Bank Burgenland.

L-appellant jinvoka erba’ aggravji:

(1)   Ksur mill-Qorti Ġenerali tad-dritt għal smigħ minħabba nuqqas ta’ evalwazzjoni ta’ parti essenzjali tat-tmien motiv ta’ rikors.

Ir-rikorrent kien sostna, permezz tal-argument li ma kienx ġie eżaminat, li l-Kummissjoni kienet unikament ħadet inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, il-vantaġġ marbut mas-“self addizzjonali” ta’ EUR 380 miljun, u għaldaqstant naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġ marbut mas-self ta’ EUR 320 miljun u li wassal għall-ommissjoni ta’ kwalunkwe “element ta’ għajnuna” bil-bejgħ ta’ Bank Burgenland lil Grazer Wechselseitige Versicherung.

Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx dan l-argument, minkejja li r-rikorrent kien għal darba oħra espressament ġibed l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rapport għas-seduta, peress li dan kien għadu ma tniżżilx fir-rapport għas-seduta.

(2)   Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, mill-Kummissjoni, tar-riskji għal-Land Burgenland marbuta mal-Ausfallhaftung fl-evalwazzjoni tal-offerti ma kienx ivvizzjat bi żball.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq ġurisprudenza li ma hijiex applikabbli għall-każ ineżami jew li, filwaqt li tapplika tal-inqas fil-prinċipju, tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni ġurisprudenza oħra li tmur kontra l-kunsiderazzjonijiet tagħha.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, li r-riskji marbuta mal-Ausfallhaftung ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, minkejja li l-Ausfallhaftung hija għajnuna eżistenti u għalhekk leċita.

(3)   Ksur tal-Artikolu 170(1) TFUE peress li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha ġustament, sabiex tiddetermina l-valur tas-suq ta’ Bank Burgenland, fuq l-offerta tal-Konsorzju.

Kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-metodu magħżul u applikat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-valur tas-suq ta’ Bank Burgenland ma kien jirriżulta minn ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Minbarra dan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti fid-dawl tal-bejgħ ta’ Bank Burgenland kienet inkundizzjonali, kuntrarjament għall-konstatazzjonijiet ċari tal-Kummissjoni u li kienet ibbażat ruħha, mingħajr ma vverifikata, fuq il-konstatazzjoni żbaljata tal-Kummissjoni li n-nuqqas tal-kundizzjonijiet ma kellhomx effett fuq l-ammont tal-offerti.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball meta ħadet inkunsiderazzjoni l-offerta tal-Konsorzju, għalkemm kienet manifestament eċċessiva, minkejja li l-konstatazzjoni ta’ tali eċċessività kienet apparentement ibbażata fuq il-fatt li l-Ausfallhaftung ma kienx adegwat u li r-riskji li jirriżultaw mill-Ausfallhaftung ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

(4)   Ksur tal-Artikolu 107(1) TFEU sa fejn il-Kummissjoni ddikjarat li ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeterminat li la l-eżitu u lanqas it-tul tal-proċedura quddiem il-Finanzmarktaufsichtsbehörde (Awtorità tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji, iktar ’il quddiem l-“FMA”) ma kienu jiġġustifikaw l-bejgħ ta’ Bank Burgenland lil Grazer Wechselseitige Versicherung gerechtfertigt habe

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball meta rrilevat li ma ma kien hemm xejn li jindika li l-FMA kienet ser tipprojbixxi l-bejgħ tal-Konsorzju; madankollu, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq il-fatt li l-evidenza ppreżentata mir-rikorrent ma kinitx rilevanti għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-FMA u ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-FMA.

Barra minn hekk, meta ddikjarat li ma kien hemm xejn li jindika li t-tul tal-proċedura quddiem il-FMA kienet tikkomprometti serjament l-opportunitajiet ta’ privatizzazzjoni ta’ Bank Burgenland, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-evidenza konkreta li ġiet ippreżentata mir-rikorrent.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali applikat kriterji żbaljati ta’ evalwazzjoni u ta’ stħarriġ.


Top