Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AP0032

    Strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (emenda tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006) ***II Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat- 3 ta’ Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (16442/1/2010 – C7-0426/2010 – 2009/0060A(COD))
    P7_TC2-COD(2009)0060A Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit- 3 ta’ Frar 2011 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

    ĠU C 182E, 22.6.2012, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.6.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 182/32


    Il-Ħamis 3 ta’ Frar 2011
    Strument ta’ finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (emenda tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006) ***II

    P7_TA(2011)0032

    Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2011 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp (16442/1/2010 – C7-0426/2010 – 2009/0060A(COD))

    2012/C 182 E/09

    (Proċedura leġislattiva ordinarja: it-tieni qari)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (16442/1/2010 – C7-0426/2010),

    wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari (1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2009) 0194),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 66 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0006/2011),

    1.

    Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

    2.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


    (1)  Testi adottati tal-21.10.2010, P7_TA(2010)0379.


    Il-Ħamis 3 ta’ Frar 2011
    P7_TC2-COD(2009)0060A

    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fit-3 ta’ Frar 2011 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Sabiex jitjiebu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-għajnuna esterna tal-Komunità, fl-2006 ġie stabbilit qafas ġdid li jsostni l-ippjanar u l-provvista ta’ attivitajiet ta’ għajnuna. Dan jinkludi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) (2), ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (4), ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (5), ir-Regolament (Euratom) Nru 300/2007 tal-Kunsill tad-19 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari (6), ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (7), u r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 (8).

    (2)

    Fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 ħarġu xi inkosistenzi fir-rigward tal-eżenzjoni għall-prinċipju tan-nuqqas ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma’ taxxi, dazji u ħlasijiet oħrajn. Fid-dawl ta’ dan, hu propost li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dak ir-Regolament sabiex ikun konformi mal-istrumenti l-oħrajn.

    (2a)

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Dokumenti Strateġiċi Ġeografiċi, il-Programmi Indikattivi Multiannwali u d-Dokumenti Strateġiċi għall-programmi tematiċi, billi dawn jissupplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u huma ta’ applikazzjoni ġenerali. Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.

    (3)

    Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

    (-1)

    Fl-Artikolu 17(2),it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Istruzzjonijiet ulterjuri dwar l-allokazzjoni tal-ammont sħiħ fost il-benefiċjarji għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.”;

    (-1a)

    L-Artikolu 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 21

    L-adozzjoni ta’ dokumenti ta’ strateġija ġeografika u tal-programmi indikattivi multiannwali

    Id-dokumenti ta’ strateġija u l-programmi indikattivi multiannwali msemmija fl-Artikoli 19 u 20, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 20(1), kif ukoll il-miżuri ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 17, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 35 u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.”;

    (-1b)

    L-Artikolu 22(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.     Il-programmi ta’ azzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.”;

    (-1c)

    Fl-Artikolu 23, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “3.     Fejn l-ispiża ta’ dawn il-miżuri tkun tisboq l-EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tadottahom filwaqt li tqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal miżuri speċjali taħt l-EUR 10 miljun, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-miżuri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala tgħarif fi żmien xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

    4.     L-emendi tal-miżuri speċjali, bħal dawk li jwettqu adattamenti tekniċi, li jestendu l-perjodu ta’ implimentazzjoni, li jassenjaw mill-ġdid il-fondi fil-baġit ta’ tbassir, jew li jżidu jew inaqqsu d-daqs tal-baġit b’ammont li ma jisboqx l-20 % tal-baġit inizjali, kemm-il darba dawn l-emendi ma jkollhomx effett fuq l-objettivi inizjali stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhom jiġu komunikati fi żmien xahar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

    (1)

    L-Artikolu 25(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Unjoni m’għandhiex tintuża għall-ħlas ta’ taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji.”;

    (1a)

    Fl-Artikolu 33, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

    “1.     Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ u reviżjoni tal-programmi tagħha b’mod regolari, u tevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni ta’ linji politiċi u programmi ġeografiċi u tematiċi, u ta’ linji politiċi settorali u l-effettività ta’ programmar, fejn hu xieraq permezz ta’ evalwazzjonijiet esterni indipendenti, sabiex jiġi aċċertat jekk l-objettivi intlaħqux u tkun tista’ tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jiġu mtejba operazzjonijiet ġejjienin. Għandhom jitqiesu kif jistħoqq il-proposti mill-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali jew il-Kunsill għal evalwazzjonijiet esterni indipendenti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-setturi soċjali u għall-progress li sar lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.

    2.     Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bħala tagħrif. Ir-riżultati għandhom jerġgħu jidħlu fit-tfassil tal-programmi u fl-allokazzjoni tar-riżorsi.”;

    (1b)

    L-Artikolu 34(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.     Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati, u sa fejn hu possibbli, dwar ir-riżultati ewlenin u l-impatti tal-assistenza. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.”;

    (1c)

    L-Artikolu 35 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “;Artikolu 35

    Eżerċizzju tad-delega

    1.     Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 21 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    2.     Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    3.     Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.

    Artikolu 35a

    Revoka tad-delega

    1.     Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 21 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

    2.     L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tiġix revokata d-delega ta’ setgħa għandha tagħmel ħilitha sabiex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija, filwaqt li tindika s-setgħa delegata li tista’ tkun soġġetta għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

    3.     Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 35b

    Oġġezzjonijiet għal atti delegati

    1.     Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat fi żmien perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

    Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

    2.     Jekk, meta jiskadi l-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita fih.

    L-att delegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

    3.     Jekk jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att delegat fi żmien il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma jidħolx fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att delegat.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    Għall-Kunsill

    Il-President


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2010 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-10 ta’ Diċembru 2010 (ĠU C 7 E, 12.1.2011, p. 11) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Frar 2011.

    (2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.

    (3)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.

    (4)  ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41.

    (5)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1.

    (6)  ĠU L 81, 22.3.2007, p. 1.

    (7)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

    (8)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.


    Top