EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012AE0490

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li tirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE” COM(2011) 657 finali — 2011/0299 (COD)

ĠU C 143, 22.5.2012, p. 120–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/120


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li tirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE”

COM(2011) 657 finali — 2011/0299 (COD)

2012/C 143/24

Relatur: is-Sur LONGO

Nhar il-15 ta’ Novembru 2011 u nhar it-30 ta’ Novembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 172 u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u li tirrevoka d-Deċiżjoni nru 1336/97/KE

COM(2011) 657 final – 2011/0299 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’126 vot favur, vot (wieħed) kontra u 4 astensjonijiet.

Din l-opinjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ ħames opinjonijiet imħejjija mill-KESE dwar il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (CEF, Connecting Europe Facility)) u l-linji gwida tagħha li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2011. Dan il-pakkett hu magħmul mill-opinjonijiet: TEN/468 dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (relatur: is-Sur HENCKS), TEN/469 dwar il-Linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet (relatur: is-Sur LONGO), TEN/470 dwar il-Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija (relatur: is-Sur BIERMANN), TEN/471 dwar il-Linji gwidi għall-infrastruttura tat-trasport (relatur: is-Sur BACK) u TEN/472 dwar L-inizjattiva ta’ bonds tal-proġetti (relatur: is-Sur DUTTINE).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għan tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa huwa li tiġi implimentata infrastruttura diġitali tal-broadband għal kulħadd b’veloċità għolja, bl-użu ta’ teknoloġiji kemm fissi kif ukoll mingħajr fil, u dan jeħtieġ li jitneħħew l-ostakli diġitali li jinħolqu minħabba nuqqas ta’ interkonnessjonijiet u interoperabbiltà teknika, barra mid-differenzi li jeżistu bejn ir-reġjuni u l-kategoriji soċjali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Komunitarju.

Fil-qafas tal-proposta tagħha dwar “linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej”, il-Kummissjoni Ewropea ħejjiet inventarju ta’ proġetti ta’ interess komuni għall-iżvilupp ta’ netwerks tal-broadband u ta’ infrastrutturi ta’ servizzi diġitali, sabiex jiġu indirizzati dawn l-ostakli għall-iżvilupp ta’ suq diġitali uniku, kif ukoll in-nuqqas ta’ investimenti fil-broadband fl-Ewropa meta mqabbla mal-kompetitturi tagħha.

1.2

Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi l-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” u b’mod partikolari, jemmen li ġeneralment, l-impenn rigward in-netwerks tal-broadband huwa risposta konkreta u pożittiva għall-ħtiġijiet stabbiliti fl-“Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, li tindirizza l-problema tan-nuqqas ta’ investimenti fin-netwerks tal-broadband (1).

1.3

Kif diġà ġie ddikjarat f’diversi opinjonijiet, il-KESE jemmen li l-aċċess ġenerali għall-broadband, minbarra li jirrappreżenta kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomiji moderni, huwa wkoll kruċjali għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, għal koeżjoni mtejba u għall-benesseri u l-inklużjoni diġitali ta’ atturi u ta’ żoni sħaħ li huma ekonomikament u kulturalment żvantaġġati (2).

1.4

It-twaqqif ta’ għanijiet u prijoritajiet tal-proġetti ta’ interess komuni jissodisfa l-ħtieġa fundamentali sabiex isir l-aqwa użu tar-riżorsi finanzjarji u biex jintlaħqu għanijiet speċifiċi, filwaqt li jiġi evitat it-telf tal-finanzjament.

F’dan is-sens, hija ta’ importanza fundamentali li l-proġetti ta’ finanzjament jissodisfaw ukoll il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali, għaliex mingħajrhom is-suq diġitali uniku jibqa’ mhux komplet.

1.5

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex teżerċita l-ikbar superviżjoni possibbli u dixxiplina stretta fil-kriterji għall-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, sabiex il-fondi jintużaw biex tiġi żgurata l-konnettività trans-Ewropea, biex jingħata appoġġ lir-reġjuni periferiċi, biex l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jiġu megħjuna biex jaċċessaw l-ekonomija diġitali u biex tittejjeb il-koeżjoni soċjali. Sabiex tiġi indirizzata din il-ħtieġa, u sabiex jiġu informati l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, ikun adatt li l-Kummissjoni tfassal rapport kull ftit żmien dwar l-użu tal-fondi.

1.6

Il-KESE jesprimi tħassib fir-rigward ta’ ċerta ambigwità fl-Artikolu 5.6, fejn il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati li “jimmodifikaw d-deskrizzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni inkluża fl-Anness”. Għandhom jiġu limitati kemm jista’ jkun il-valutazzjonijiet dwar espedjenza politika (ara l-Artikolu 5.7(b), fejn jissemmew il-“prijoritajiet politiċi emerġenti”) jew dwar pressjoni mill-gruppi ta’ interess, u minflok għandhom jingħataw prijorità l-kriterji tal-innovazzjoni teknoloġika, ta-valur miżjud u l-konsistenza mal-għanijiet. Il-KESE jinsisti fuq l-opportunità li l-atti delegati jkollhom limiti ta’ żmien u ambitu preċiżi.

1.7

Il-KESE itenn l-importanza li l-proġetti li jridu jiġu ffinanzjati jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, li fl-aħħar mill-aħħar huwa fundamentali għal Internet verament miftuħ (3).

1.8

Il-fondi jridu jintużaw għal soluzzjonijiet ta’ netwerks miftuħa u aċċessibbli fuq bażi mhux diskriminatorja li jippermettu d-dħul ta’ operaturi oħrajn, bl-użu tat-teknoloġiji l-iżjed effiċjenti u bi prezzijiet sostenibbli għaċ-ċittadini u l-impriżi.

1.9

Il-KESE jittama wkoll li l-Kummissjoni tikkoordina b’mod aħjar l-allokazzjoni tal-fondi stabbiliti fir-Regolament ma’ dawk għal inizjattivi oħra, biex minn naħa tevita d-duplikazzjoni u min-naħa l-oħra ma jiġux traskurati l-oħrajn.

1.10

Hemm bżonn li jiġi stabbilit malajr kemm jista’ jkun l-immappjar fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali li dwaru anke l-Kummissjoni tixtieq li jiġu identifikati n-nuqqasijiet tal-kopertura u li jiġu stimulati l-inizjattivi ġodda ta’ investituri pubbliċi u privati.

1.11

Huwa importanti li nkunu miftuħin għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tissaħħaħ l-interoperabilità bejn in-netwerks rispettivi tat-telekomunikazzjonijiet.

1.12

Fl-aħħar nett, il-KESE itenni għal darb’oħra l-konvinzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa inevitabbli li tiddaħħal il-konnessjoni mal-Internet fis-servizz universali (4), u jemmen li din hi waħda mill-prijoritajiet sabiex l-UE ssir iktar kompetittiva u inklużiva. Sakemm jintlaħaq dan l-objettiv, kull ċittadin xorta jrid jiġi ggarantit aċċess pubbliku jew privat għall-broadband bi prezz sostenibbli.

2.   Kuntest u kontenut

2.1

Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni adottat linji gwida ġodda għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej u ppubblikat proposta ta’ pjan finanzjarju multiannwali ġdid għall-perjodu 2014-2020 (5), li jinkludi l-ħolqien ta’ strument integrat ġdid għall-investiment fi proġetti ta’ interess Komunitarju prijoritarju f’infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet intitolat “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (CEF). Il-pakkett finanzjarju totali, bħala kofinanzjament komunitarju b’valur miżjud għoli, hu ta’ EUR 50 biljun, li minnhom EUR 9,2 biljun huma allokati għal netwerks u servizzi diġitali, filwaqt li huwa stmat li l-ammont meħtieġ huwa ta’ mill-inqas EUR 270 biljun.

2.2

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta’ bonds ta’ proġetti sabiex tiżdied il-kapaċità biex jinġibed finanzjament mis-settur pubbliku jew privat, u jitnaqqas ir-riskju għall-investituri terzi. Il-baġit tal-UE se jintuża biex lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jingħatalu l-kapital allokat għall-kopertura parzjali tar-riskju li jassumi meta jikkofinanzja l-proġetti li ġew aċċettati. B’hekk, il-baġit tal-UE se joffri tip ta’ garanzija sabiex il-BEI jiffinanzja l-proġetti inkwistjoni, iżda jrid jassumi l-bqija tar-riskju. Matul il-fażi pilota (2012-2013), baġit ta’ EUR 20 miljun, li jiġi mid-distribuzzjoni mill-ġdid ta’ allokazzjonijiet għal programmi Ewropej tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet li ma jintużawx u li jiġu trasferiti lill-BEI, u skont l-aspettattivi tal-Kummissjoni, dan il-baġit għandu jimmobilizza investituri pubbliċi jew privati oħrajn.

2.3

Fil-linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej, il-Kummissjoni tistabbilixxi sensiela ta’ linji gwida li jkopru l-għanijiet u l-prijoritajiet stabbiliti għan-netwerks tal-broadband u għall-infrastrutturi ta’ servizz diġitali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, bil-għan li:

tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, bir-riżultat li tingħata prijorità lill-SMEs;

jiġu promossi l-interkonnessjoni u l-interoperabilità tan-netwerks nazzjonali, kif ukoll l-aċċess għal dawn in-netwerks;

jiġi żviluppat suq uniku diġitali.

2.4

Ir-regolament għandu l-għan li jnaqqas ir-restrizzjonijiet li jxekklu t-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali billi jiffavorixxi l-konnettività man-netwerk u l-aċċess, anke għal infrastruttura ta’ servizzi diġitali pubbliċi. L-għan huwa li jiġu eliminati n-nuqqasijiet min-naħa tal-provvista, kif jixhed l-għadd kbir ta’ fallimenti kummerċjali u t-tnaqqis fl-investimenti fil-broadband u s-servizzi ta’ interess pubbliku iżda bi dħul baxx (pereżempju s-saħħa elettronika, il-karta tal-identità elettronika, l-akkwist elettroniku u l-interoperabilità transkonfinali tagħhom). Anke d-domanda għas-servizzi tista’ tikber biss jekk iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jaqbdu man-netwerks diġitali.

2.5

Il-pakkett ta’ proposti jipprovdi strumenti finanzjarji innovattivi li jistgħu jappoġġjaw, b’effett ta’ lieva, l-investimenti pubbliċi u privati u kofinanzjament permezz ta’ sussidji fis-setturi tal-infrastrutturi sabiex sal-2020 jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa b’kopertura universali ta’ 30 Mbps u mill-inqas 50 % tal-familji li jkunu jistgħu jagħmlu użu minn veloċitajiet ogħla minn 100 Mbps.

2.6

Il-prijoritajiet għall-proġetti ta’ interess komuni huma:

netwerks tal-broadband ultraveloċi li jiżguraw il-veloċità ta’ trażmissjoni tad-data ta’ 100 Mbps u aktar;

netwerks tal-broadband biex jikkollegaw il-gżejjer u r-reġjuni periferiċi mar-reġjuni ċentrali tal-Unjoni fejn jiżguraw li f’dawk ir-reġjuni l-veloċitajiet tal-konnettività tal-broadband tippermetti trażmissjoni tad-data ta’ mill-inqas 30 Mbps;

l-appoġġ għall-pjattaformi tas-servizzi ċentrali fil-qasam tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali;

azzjonijiet li joħolqu sinerġiji u l-interoperabilità bejn proġetti differenti ta’ interess komuni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet;

proġetti ta’ interess komuni jistgħu jinkludu servizzi elettroniċi pubbliċi li diġà ġew implimentati fil-qasam ta’ proġetti Komunitarji oħrajn bħall-programm ISA (“Interoperability solutions for European public administrations” – “Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej”);

li jkun hemm kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex tiġi promossa l-interoperabilità bejn in-netwerks;

li l-Kummissjoni titlob delega għal perjodu indefinit biex timmodifika d-deskrizzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni li ġew identifikati fl-Anness.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Għall-ewwel darba, bil-għan li jinħolqu sinerġiji u b’perspettiva strateġika, il-Kummissjoni tipproponi strument uniku ta’ finanzjament għat-tliet setturi tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet. Dan l-approċċ il-ġdid hu ta’ importanza kbira u jista’ jintuża bħala mudell għall-politika dwar l-infrastruttura tal-Istati Membri. Barra minn hekk, billi jagħmel ħiltu biex jilħaq l-għan ta’ netwerks intelliġenti, sostenibbli u kompletament interkonnessi, is-CEF se jkun qed jagħti kontribut importanti lit-twaqqif ta’ suq uniku Ewropew. Fl-aħħar nett, il-kredibilità fil-proġetti tal-infrastruttura u t-tnaqqis fil-profil ta’ riskju tagħhom jistgħu jattiraw aktar investiment mis-settur pubbliku u privat.

3.2

F’dan ix-xenarju l-ġdid, huwa partikolarment importanti ir-rwol tan-netwerks u tas-servizzi tal-broadband. Il-KESE diġà enfasizza l-importanza li jiġi żgurat aċċess adegwat taċ-ċittadini għall-broadband filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-utenti jiksbu kemm jista’ jkun benefiċċji li jirriżultaw minn kompetizzjoni effettiva bejn l-operaturi, marbuta ma’ politika ta’ appoġġ tal-investimenti fl-infrastrutturi u fl-innovazzjoni mill-Istati Membri (6).

3.3

L-investimenti fit-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari fin-netwerks tal-broadband u l-infrastrutturi tas-servizz diġitali, huma kundizzjoni neċessarja għal tkabbir ekonomiku fl-Unjoni li jkun intelliġenti iżda li jkun ukoll sostenibbli u inklużiv. Permezz ta’ dan l-impenn finanzjarju u dan ir-regolament implimentattiv, il-ksib tal-għan li ġie stabbilit mill-aġenda diġitali (li sal-2020 kulħadd ikollu għallinqas 30 Mbps, u għallinqas 50 % jkollhom 100 Mbps) jinsab eqreb.

3.4

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni “Nikkollegaw l-Ewropa” hija risposta pożittiva għad-dubji espressi mill-KESE (7) dwar il-“konfużjoni u l-ambigwità” tal-pjan ta’ azzjoni li jinsab fil-Komunikazzjoni “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” u dwar in-nuqqas ta’ investimenti fin-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet, li huwa kkawżat minn nuqqas ta’ prospetti ta’ profitt f’ħafna sitwazzjonijiet ta’ użu pubbliku u d-diffikultajiet oġġettivi tar-reġjuni periferiċi. Dan huwa ostakolu kbir għall-ħolqien ta’ żona unika Ewropea li tkun aċċessibbli, veloċi u sostenibbli għall-gvernijiet lokali, iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet u s-setturi mingħajr skop ta’ qligħ.

3.5

Il-KESE enfasizza f’għadd kbir ta’ opinjonijiet li l-aċċess ġenerali għall-broadband, minbarra li jirrappreżenta kundizzjoni indispensabbli għall-iżvilupp tal-ekonomiji moderni, huwa wkoll kruċjali għall-benesseri u l-inklużjoni diġitali ta’ atturi u ta’ żoni sħaħ li huma ekonomikament u kulturalment żvantaġġati (8). Ta’ min ifakkar li fil-Komunikazzjoni “Innaqqsu d-distakk fir-rigward tal-broadband”, tal-20 ta’ Marzu 2006 (9) diġà kien ġie ddikjarat li “l-aċċess ġenerali għall-broadband huwa fattur importanti għall-iżvilupp tal-ekonomiji moderni u aspett importanti tal-aġenda ta’ Lisbona”.

3.6

Il-ħtieġa għal impenn Ewropew qawwi f’dan is-settur ġiet ikkonfermata b’unanimità u bil-qawwa kollha anke fl-ewwel Assemblea tal-Aġenda Diġitali, li saret fi Brussell fis-16 u s-17 ta’ Ġunju 2011, ippreseduta mill-Viċi President tal-Kummissjoni, Neelie Kroes, u li fiha pparteċipaw aktar minn 1 000 parti interessata (10): fornituri tal-kontenut, manifatturi tal-hardware, investituri u operaturi tat-telekomunikazzjonijiet tal-intrapriżi prinċipali li joperaw fil-livell internazzjonali. Il-parteċipanti qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, li skonthom il-mudell attwali ta’ investiment fit-telekomunikazzjonijiet mhuwiex biżżejjed biex jistabbilixxi t-tixrid tal-infrastrutturi tal-broadband li jkollhom prezz raġonevoli u kwalità għolja (velocità, stabilità, spiża sostenibbli, aċċessibilità għal kulħadd). F’dan ir-rigward, il-KESE jaħseb li jkun tajjeb li tiġi approfondita l-analiżi tas-sitwazzjoni fl-Indja, fejn il-gvern federali ħabbar li se jieħu miżuri biex 600 miljun ċittadin ikollhom konnessjoni tal-broadband sal-2014, permezz ta’ taħlita ta’ teknoloġiji fissi u mingħajr fil. Id-dimensjonijiet ta’ dan l-impenn huma komparabbli mal-UE, u għaldaqstant l-inizjattiva Indjana tista’ tkun sors ta’ prattiki tajbin, permezz tal-implimentazzjoni tar-Round Table tal-Kumitat bejn l-UE u l-Indja (11).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fost il-proġetti ta’ interess komuni li l-Kummissjoni tidentifika li jistgħu jiġu ffinanzjati b’dawn il-fondi insibu: konnessjonijiet bażiċi trans-Ewropej ta’ veloċità għolja għall-amministrazzjonijiet pubbliċi; it-twassil transkonfinali ta’ servizzi ta’ Gvern elettroniku bbażat fuq identifikazzjoni u awtentikazzjoni kompletament interoperabbli (proċeduri għall-istabbilment ta’ negozju; għall-akkwist transkonfinali, il-Ġustizzja elettronika, is-servizzi tas-Saħħa elettronika b’mod partikolari s-servizzi ta’ radjoloġija djanjostika mill-bogħod); aċċess mill-bogħod għall-wirt kulturali; sikurezza tal-Internet għall-minuri u kontra l-frodi fil-kummerċ elettroniku, u servizzi ta’ enerġija intelliġenti.

4.2

Dawn il-proġetti jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija u jiffavorixxu l-iżvilupp tas-suq uniku, filwaqt li jsaħħu l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, anke fir-rigward tal-impriżi żgħar u medji; itejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet, u b’hekk jiġu promossi l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet u l-aċċess għalihom.

4.3

Il-Kummissjoni diġà kienet identifikat il-kritika prinċipali li għandha tiġi indirizzata sabiex l-għanijiet stabbiliti fl-Aġenda Diġitali Ewropea (12) (waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020) jintlaħqu b’mod effettiv. F’dan ir-rigward, il-KESE jinnota li “it-twettiq inadegwat tal-inizjattivi ta’ politika żiedu l-inerzja fl-ekonomija diġitali Ewropea kkawżata mill-frammentazzjoni u l-livell insuffiċjenti ta’ investiment” (13).

4.4

Il-proposta tal-Kummissjoni hija aċċettabbli fejn din tħeġġeġ it-tnedija ta’ inizjattivi mfassla mill-Istati Membri biex jagħmlu disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE netwerk integrat ta’ kontenut u servizzi utli anke jekk f’din il-proposta ma tiġix ikkunsidrata l-possibilità li tiġi stabbilita identità elettronika Ewropea (eID) għal kull ċittadin sabiex tiġi faċilitata l-prestazzjoni tas-servizzi elettroniċi u tal-kummerċ elettroniku li diġà huwa s-suġġett ta’ Rakkomandazzjoni speċifika ppreżentata mill-KESE (14).

4.5

L-istrument finanzjarju magħżul mill-Kummissjoni jista’ jsolvi problema li s’issa llimitat il-possibilità ta’ infrastruttura b’saħħitha. L-użu tal-fondi strutturali u tal-programm “Kompetittività u Innovazzjoni” għal infrastrutturi ta’ servizzi diġitali u għal proġetti pilota biss ma jikkostitwixxix massa kritika suffiċjenti għal tixrid sinifikanti tas-servizzi diġitali. Bħalissa l-investimenti fil-broadband, f’ħafna reġjuni, mhumiex biżżejjed minħabba nuqqas ta’ kompetizzjoni u riskju għoli tas-suq, u fihom insibu servizzi pubbliċi li ma tantx huma żviluppati u li mhumiex interoperabbli minħabba l-frammentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi. Jekk inkomplu mexjin f’din it-triq, mhux se jkollna verament Suq Uniku Diġitali, u bosta Ewropej jispiċċaw jiġu esklużi.

4.6

Il-KESE jqis li hu importanti li l-proġetti li jridu jiġu finanzjati b’dawn il-fondi jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, li fl-aħħar mill-aħħar hi fundamentali għal Internet verament miftuħ (15).

4.7

Barra minn hekk, il-KESE ilu snin isostni bil-qawwa l-konvinzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa inevitabbli li tiddaħħal il-konnessjoni mal-Internet fis-servizz universali (16). Għal darb’oħra qed jiġi nnotat li l-Kummissjoni qed taħrab minn din il-kwistjoni importanti, minħabba li l-Kummissarju Kroes, waqt ir-reviżjoni tal-ambitu tas-servizz universali, eskludiet il-possibilità li jiġu inklużi t-telekomunikazzjonijiet mobbli u l-konnessjonijiet ta’ veloċità għolja (17). Il-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fuq il-konsultazzjoni pubblika mnedija f’Marzu 2010, li minnha ħareġ li kien hemm piż kbir għall-industrija, kif ukoll implikazzjonijiet fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi f’uħud mill-Istati Membri fejn dawn is-servizzi għadhom dgħajfa.

4.8

Huwa tassew sorprendenti kif filwaqt li l-Kummissjoni turi sensittività qawwija fir-rigward tal-ħtieġa li l-Unjoni tagħmel qabża ta’ kwalità deċiżiva fl-infrastrutturi, għadha kawta ħafna fir-rigward tal-opportunità li tadatta l-leġislazzjoni dwar is-servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet, li issa ilha mill-2002 (18).

Għalkemm jifhem id-diffikultajiet ekonomiċi li semmiet il-Kummissjoni, il-KESE jtenni li, filwaqt li nistennew li jintlaħaq dan l-objettivi prijoritarju mill-iktar fis, kull ċittadin irid jiġi ggarantit aċċess pubbliku jew privat għall-broadband bi prezz affordabbli u loġistika sostenibbli.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Facilità Nikkolegaw l-Ewropa (Ara paġna 116 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)..

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Riflessjonijiet dwar is-servizz universali tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8 u l-opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali, ĠU C 318, 29.10.2011, p.9.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar In-newtralità tan-netwerk, għadha mhix ippubblikata fil-ĠU u opinjoni tal-KESE dwar L-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju / Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar Riflessjonijiet dwar is-servizz universali tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8, opinjoni tal-KESE dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ĠU C 54, 19.02.2011, p. 58, opinjoni tal-KESE dwar L-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju / Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53 u bosta opinjonijiet oħra.

(5)  Il-Komunikazzjoni “Baġit għall-Ewropa 2020”, COM(2011) 500 final.

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar In-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Riflessjonijiet dwar is-servizz universali tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8 u opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.

(9)  COM(2006) 129 final.

(10)  Dwar l-assemblea diġitali, ara http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/daa/index_en.htm.

(11)  Ara d-dikjarazzjoni ta’ A.K. Bhargava, direttur eżekuttiv tal-kumpanija tat-telefonija Indjana MTNL (Manhagar Telephone Nigam Limited): “Sabiex inżidu l-penetrazzjoni tal-broadband, l-infrastruttura trid tantiċipa d-domanda. Il-kwalità tas-servizzi trid togħla u fuq kollox, l-ispejjeż iridu jkunu sostenibbli”; Broadband Tech India, 12.9.2011.

(12)  COM(2010) 245 final/2.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

(14)  Opinjoni tal-KESE dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58.

(15)  Opinjoni tal-KESE dwar In-newtralità tan-netwerk, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 139.

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar Riflessjonijiet dwar is-servizz universali tal-komunikazzjoni elettronika, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 8, opinjoni tal-KESE dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 58, opinjoni tal-KESE dwar L-ewwel programm tal-politika tal-ispettru tar-radju / Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment, ĠU C 107, 6.4.2011, p. 53. u bosta opinjonijiet oħra.

(17)  Dikjarazzjoni tat-23 ta’ Novembru 2011, ara IP/11/1400.

(18)  Id-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali, 7 ta’ Marzu 2002.


Top