Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XC0503(03)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 128, 3.5.2012, p. 14–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/14


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 128/09

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“PA DE PAGÈS CATALÀ”

Nru tal-KE: ES-PGI-0005-0880-15.06.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Pa de Pagès Català”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 2.4.

Prodotti tal-ħobż, prodotti tad-dulċiera, ħelu, galletti u gallettini.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem mogħti fil-punt 1:

Il-“Pa de Pagès Català” (IĠP) huwa ħobża tradizzjonali, tonda, b'qoxra tqarmeċ, bil-qalba ratba u b'alveoli kbar, u bil-forma tagħha ssir esklussivament bl-idejn. Il-produzzjoni ta’ dan il-ħobż issegwi metodi tradizzjonali, b'fermentazzjoni bil-mod, u jinħema dejjem fi fran b'qiegħ refrattorju.

Il-ħobż kopert minn din l-IĠP għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

 

Dehra:

 

Il-ħobża tkun tonda, b'bixra rustika.

 

Il-qalba jkollha alveoli kbar u irregolari. Tkun tal-istess lewn abjad bħad-dqiq użat għaliha, u tibqa' ratba għal żmien twil. L-irtubija tal-qalba hija element essenzjali tal-prodott, u titnissel mill-għarfien espert u mill-esperjenza twila tal-furnara.

 

Il-qoxra tkun ħoxna u tqarmeċ, ta’ lewn kannella mixwija, u bi xquq li jkunu nfetħu waqt il-ħami.

 

Karatteristiċi organolettiċi:

Il-“Pa de Pagès Català” jkollu aroma u togħma qawwijin, b'ċerta aċidità li żżomm is-sensazzjoni ta’ friskizza, u b'konsistenza pjaċevoli li żżomm għal 8-9 sigħat wara l-ħami.

 

Preżentazzjoni

Il-ħobż jiġi ppreżentat fil-forma ta’ ħobżiet b'piż ta’ madwar 500 g u 1 kg, b'forma tonda, u b'qasma naturali fuq nett.

Piż tal-ħobża moħmija, wara li tkun birdet (g)

Perimetru taċ-ċirkonferenza tal-ħobża moħmija, wara li tkun birdet (ċm)

400-500

25 +/– 5

800-1 000

35 +/– 5

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Dqiq tal-qamħ: W ta' bejn 150 u 240, u P/L ta' bejn 0,4 u 0,6.

Ilma: jiżdied mal-għaġina sa 60-70 % (litri ilma/kg dqiq).

Tinsila (għaġina tal-bidu) minn fermentazzjoni ta' qabel: bejn 15 % u 20 % tal-kwantità tad-dqiq magħġun.

Ħmira (Saccharomyces cerevisiae L.): mhux iktar minn 2 %.

Melħ tat-tisjir: mhux iktar minn 1,8 % (għal kull 100 kg dqiq).

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

Il-proċess kollu tal-produzzjoni għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita:

(a)

L-għaġna

(b)

L-għaġina titħalla toqgħod

F'dan l-istadju, l-għarfien espert tal-furnar huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-aromi tal-ħobż. Barra minn hekk, il-perjodu li fih l-għaġina titħalla toqgħod jiffavorixxi t-tisħiħ tan-netwerk ta’ proteini li jkun sar waqt l-għaġna, u jinfluwenza l-elastiċità tal-għaġina.

(c)

L-għaġina titqatta’ f’biċċiet

(d)

L-għaġina titkebbeb f'boċoċ

(e)

Il-boċoċ jitħallew joqogħdu

(f)

Il-ħobż jingħata l-forma tiegħu

Il-forom permessi għandhom isiru bl-idejn u qatt b'mod mekkaniku.

(g)

Il-ħobż jiffermenta

(h)

Il-wiċċ tal-ħobż jinqata'

(i)

Il-ħobż jinħema

Il-“Pa de Pagès Català” (IĠP) jista' jinħema biss fi fran ta’ konduzzjoni li jkollhom qiegħ ta’ materjal refrattorju, f'temperatura ta’ bejn 180 u 230 °C. Il-furnar iżid il-fwar skont l-għarfien espert tiegħu, u dan jiddetermina d-dehra aħħarija tal-qoxra tal-ħobż.

(j)

Il-ħobż jitħalla jibred.

3.6.   Regoli speċifiċi għall-qtugħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

Il-“Pa de Pagès Català” (IĠP) għandu jiġi ppreżentat lill-pubbliku bħala ħobża sħiħa mhix maqtugħa.

Il-ħobż jinbiegħ ippakkjat. Għandu jintuża tgewżir individwali għal kull ħobża, u l-boroż għandhom ikunu tal-karta jew ta' xi materjal ieħor sostenibbli u bijodegradabbli li jirrispetta l-ambjent.

L-ippakkjar għandu jsir fil-post tal-bejgħ, eżatt qabel ma l-prodott jingħadda lill-konsumatur aħħari wara l-bejgħ. Dan għax l-ippakkjar jista' jaċċelera t-tixrid tal-umdità mill-qalba għal ġol-qoxra, u b'hekk il-qoxra ssir ratba, elastika u tqarmeċ inqas, filwaqt li l-qalba titlef mill-irtubija tagħha.

Jekk il-klijent jitlob li l-ħobż jitqatta' f'fetet (“llesques”), dan jista' jsir biss wara l-bejgħ.

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

In-naħa ta’ barra tal-ippakkjar tal-ħobż għandha turi, b'mod obbligatorju u b'mod li jispikka, l-isem tal-IĠP “Pa de Pagès Català”, il-logo tal-IĠP u l-logo tal-UE, kif ukoll it-tagħrif ġenerali kif iddeterminat mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Kull operatur li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Ispeċifikazzjoni tal-IĠP ikollu d-dritt li juża l-logo tal-IĠP “Pa de Pagès Català”.

Riproduzzjoni bl-abjad u iswed tal-logo tal-IĠP:

Image

Kuluri Pantone tal-logo tal-IĠP: il-pala: 457; id-dell tal-ħobża: 265; il-qoxra tal-ħobża: 124

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Pa de Pagès Català” tkopri l-Comunidad Autónoma de Cataluña kollha kemm hi.

5.   Rabta maż-żona ġeografika ddefinita:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-“Pa de Pagès Català”, magħruf fil-Comunidad Autónoma de Cataluña kollha bħala l-“pa de pagès”, huwa l-iktar ħobż b'riputazzjoni storika f'dan ir-reġjun. L-etimoloġija tal-isem “pa de pagès” tagħti idea ċara tal-oriġini tiegħu: id-dinja rurali. Bil-Katalan, “pagès” tfisser “bidwi”. Il-“pa de pagès” kien il-prodott li kienu jagħmlu l-bdiewa Katalani taż-żoni rurali biex jikluh huma stess. Għaldaqstant, dan il-ħobż kien ta' natura artiġjanli, billi kien isir fil-“masías” (id-djar rustiċi tal-bdiewa Katalani) u fid-djar tal-irħula. Il-furnara tas-sengħa fiż-żoni rurali wkoll kienu jipproduċu l-“pa de pagès” għaliex kien iżomm għal diversi jiem, u dan kien ideali għan-nies tal-kampanja. Il-“pa de pagès” ikollu forma tonda, u l-karatteristika ewlenija tiegħu hi l-fatt li l-forma tiegħu ssir bl-idejn. Il-fermentazzjoni tieħu fit-tul, u l-ħami jsir f'forn b'qiegħ refrattorju. Din hija tradizzjoni li ilha sejra sitt sekli u fuqhom.

It-tradizzjoni tal-“pa de pagès” intirtet minn ġidd għal ġidd għal sekli twal, kemm bħala produzzjoni domestika kif ukoll bħala prodott tal-furnara tas-sengħa. Kienu preċiżament dawn il-furnara rurali li, f'mewġa wara oħra ta’ migrazzjoni mill-kampanja għal ġol-bliet (kif inhu rreġistrat fil-Katalonja tul is-sekli XVI sa XVIII), introduċew bil-mod il-“pa de pagès” lill-konsumaturi tal-bliet il-kbar tal-pajjiż u fil-madwar.

Lejn tmiem is-seklu 19, saru xi ġrajjiet storiċi li komplew ixerrdu l-“Pa de Pagès Català” u saħħewh sakemm sar l-iktar prodott li jidentifikaw miegħu l-furnara Katalani. L-eżibizzjonijiet universali li ttellgħu f'Barċellona fl-1888 u fl-1929, li ħabtu ma' żmien l-industrijalizzazzjoni tal-Katalonja, wasslu għal eżodu kbir tal-bdiewa lejn il-belt kapitali Katalana. Eluf ta' nies telqu l-irħula tagħhom fl-entroterra u fin-nofsinhar tal-Katalonja, ifittxu għajxien aħjar fil-fabbriki ta' Barċellona jew f'ċentri industrijali oħra bħal Manresa, Reus, u l-bqija. Ħafna minn dawn in-nies kienu jaħdmu ta’ furnara fl-irħula tagħhom, jew kienu responsabbli għall-produzzjoni tal-“pan de pagès” fid-djar tagħhom. Uħud minn dawn il-persuni ma sabux xogħol fil-fabbriki iżda fl-ifran tal-bliet, li kellhom jipproduċu l-ħobż għal popolazzjoni li kienet qed tikber ġmielha u bla waqfien.

Iżda filwaqt li dawn il-persuni sabu saqajhom bħala ħaddiema fl-ifran, is-settur proprju tal-furnara kien għaddej minn trasformazzjoni fil-forma tal-ħidma tiegħu, bl-introduzzjoni ta’ makkinarju u ta’ ħmejjer iktar fini minn dawk li kienu jintużaw qabel. F'dan iż-żmien bdew jidhru l-baguettes (“barras de pan”), li kienu jeħtieġu proċess ta’ produzzjoni iktar faċli u rapidu minn tal-“pa de pagès” tradizzjonali. Il-popolazzjoni l-ġdida xorta baqgħet leali għall-ħobż tradizzjonali tagħha u baqgħet tfittex il-“pa de pagès” għand il-furnara, u b'hekk il-furnara tal-bliet ikkombinaw il-ħobż modern tat-tip baguette u l-“pa de pagès”.

F'dak iż-żmien, ir-riputazzjoni tal-“pagès” diġà kienet ta' ħobż tradizzjonali u artiġjanali, il-ħobż “de toda la vida” (“tas-soltu tagħna”), li ma kellu x'jaqsam xejn mal-forom ġodda ta' ħobż. Din ir-riputazzjoni baqgħet eżattament l-istess sal-lum; tant hu hekk li wieħed mill-iktar elementi magħrufa tal-gastronomija Katalana, il-ħobż bit-tadam (“pa amb tamàquet” bil-Katalan), ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li ma jsirx bil-“Pa de Pagès Català”.

Il-metodu ta’ produzzjoni tal-“pa de pagès” f'Barċellona u fi bliet industrijali oħra tal-Katalonja nfirex mar-reġjun kollu tul is-sekli 19 u 20. Dan il-metodu ma nbidel xejn, u żamm l-essenza tiegħu tul l-aħħar mitt sena, kif jaffermaw id-dixxidenti ta’ familji bi tradizzjoni ta’ furnara minn kull rokna tal-Katalonja. Tali essenza tikkonsisti fil-produzzjoni tal-ħobż bi proċeduri li jieħdu fit-tul, u fl-attenzjoni speċjali li tingħata lill-mod ta’ kif jinħema, partikularment l-effett tal-fwar, li jiġi applikat skont l-għarfien espert tal-furnar u huwa element fondamentali li jwassal għad-dehra aħħarija tal-qoxra.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-“Pa de Pagès Català” hija l-iktar speċjalità rappreżentattiva tal-furnara Katalani. Huwa ħobż ta’ fermentazzjoni fit-tul, li jingħata forma esklussivament bl-idejn. Il-ħami jieħu fit-tul, fi fran bil-qiegħ refrattorju. Il-ħobż ikollu qoxra mixwija u tqarmeċ, bil-qalba ratba u b'alveoli kbar, b'mod li jżomm is-sensazzjoni ta’ friskizza u konsistenza pjaċevoli, anki wara li jkunu għaddew 8-9 sigħat mill-ħami. Dawn il-karatteristiċi, li jitnisslu mill-għarfien espert u mill-esperjenza twila tal-furnara Katalani, jagħtu lill-ħobż l-għeliem tal-identità tiegħu, li baqgħu kif kienu fl-oriġini tiegħu, u wasslu biex iżommu r-riputazzjoni tiegħu tul iż-żmien.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u kwalità speċifika, ir-riputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott:

Il-karatteristiċi li jorbtu l-prodott maż-żona ġeografika għandhom x'jaqsmu fuq kollox mar-riputazzjoni storika tiegħu, kif ukoll mat-trażmissjoni tal-proċess ta’ produzzjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra ta’ furnara, li baqgħu leali għall-kriterji ta’ elaborazzjoni. Tant hi kbira r-riputazzjoni tal-“Pa de Pagès Català” li l-preżenza tiegħu hija obbligatorja fil-gastronomija Katalana.

Fil-Katalonja, ir-riputazzjoni artiġjanali u l-kwalità tal-“Pa de Pagès Català” ilha tikber sekli twal, tant li din il-kwalità saret ta' sikwit l-oġġett ta' xi tilwim. Pereżempju, il-Professur tal-Università ta' Barċellona Antoni Riera, fi studju li jittratta l-produzzjoni, il-bejgħ u l-konsum tal-ħobż fil-bliet moderni tal-Katalonja tul is-sekli 14 sa 18, jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li fil-Barċellona tas-seklu 18, il-ħobż li kien jasal sal-belt miż-żoni rurali kien element ta' tensjoni: biex inkunu iktar preċiżi, Riera rrifera għall-“Pan de Pagès li jasal mill-irħula tal-madwar”. Ma tridx għerf biex tifhem ir-raġuni wara dawk it-tensjonijiet bejn il-furnara tal-belt kapitali Katalana u bejn dawk li kienu jaslu minn barra: il-“pa de pagès” kien ta’ kwalità aħjar minn tal-ħobż li kienu jipproduċu l-furnara ta’ Barċellona, u għaldaqstant il-pubbliku kien jippreferi l-“pa de pagès” li kien jasal minn barra. Dan jikkonfermah l-istorjografu Jesús Ávila, b'rabta mal-ħobż li kien jasal Barċellona minn lokalitajiet oħra: “in-nies tal-belt kienu jippreferu l-ħobż li kienu jipproduċu l-irhieb ta’ Sant Jeroni fil-Vall d’Hebron. Saru popolari wkoll, apparti l-‘pa de pagès’, il-ħobż mil-lokalitajiet żgħar, bħal ta' Valls u ta' Reus; il-ħobż Franċiż it-twil tat-tip baguette; u l-llonguets (speċi ta’ bezzun Katalan)”. Dan juri li l-istorjografi diġà kienu jqisu l-“Pa de Pagès Català” bħala prodott ta' kwalità u b'differenza, u proprju tat-territorju Katalan, tal-anqas mis-seklu 18 'l hawn.

Speċjalisti oħra fil-produzzjoni tal-ħobż, gastronomi jew storjografi (F. Tejero, X. Barriga, J. C. Capel, E. Rosset, P. Roca) jirreferu kemm-il darba fil-pubblikazzjonijiet tagħhom għall-“Pa de Pagès Català” bħala prodott proprju tal-Katalonja.

Interessanti wkoll kif l-arti bdiet tilqa' minn kmieni lil dan il-ħobż bħala suġġett partikulari. Fost l-eqdem tpinġijiet tal-“Pa de Pagès Català”, il-murali ta’ Pia Almoina de Lleida (sekli 14-15) juru l-mejda tal-fqar b'ħobżiet kbar u tondi, f'kuntrast mat-tipi ta' ħobż li kienu jieklu l-klassijiet iktar komdi ta' dak iż-żmien. Vjaġġ ta’ malajr tul l-istorja tal-arti ma jistax ma jsemmix xogħlijiet partikulari li juru l-forom tal-ħobż tradizzjonali Katalan, bħal ta' Picasso u Dalí (fil-bidu u f'nofs is-seklu XX), jew pitturi “still life” ta’ artisti inqas magħrufin fix-xena internazzjonali, tat-tieni nofs tas-seklu li għadda.

Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni fuq kif ir-riputazzjoni tal-“Pa de Pagès Català” wasslet biex tipi ta’ ħobż simili ħadu wkoll l-isem “pa de pagès”, kif ġara fil-Gżejjer Baleari, jew fi provinċji ġirien tal-Katalonja, bħal Huesca u Castellón. Dan il-fatt jisħaq fuqu José Carlos Capel (El pan. Elaboración, formas, mitos, ritos y gastronomía. Barcelona, Montserrat Mateu, 1991), studjuż u promotur tad-drawwiet alimentari tal-Ispanjoli u kritiku tal-gastronomija, meta jafferma li “l-isem ‘pa de pagès’ jintuża biex jirreferi għal dawk il-ħobżiet li, fid-dehra u fit-togħma, jippruvaw jimitaw dan il-ħobż eċċellenti tal-Katalonja, għalkemm ġeneralment ma jirnexxilhomx”.

Eżempju ta' kemm il-“pa de pagès” għandu għeruq sodi fil-Katalonja huwa l-listi uffiċjali tal-prezzijiet tal-ħobż li kienu jippubblikaw il-provinċji differenti ta’ Spanja, taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet statali. Sal-liberalizzazzjoni tal-prezzijiet tal-ħobż fl-1986, il-“pa de pagès” kien jidher fil-listi tal-erba' provinċji tal-Katalonja, filwaqt li fil-listi mill-Gżejjer Baleari, fejn jinbiegħ ukoll ħobż imsejjaħ “de pagès”, dan ma kienx jidher, u minflok kien jidher biss il-“pan de flama” (tat-tip baguette).

Tul l-aħħar ftit snin, għadd sostanzjali ta’ artikli perjodistiċi ġibdu l-attenzjoni lejn l-eċċellenza tal-furnara mifruxin mal-Katalonja kollha li, bi fran tradizzjonali tal-familja li wirtu tul is-sekli, żammew il-“Pa de Pagès Català” fost l-ispeċjalitajiet tagħhom.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni jinsab disponibbli fuq is-sit tal-internet

http://www.gencat.cat/daam/pliego-pa-pages-catala


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top