Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0225(01)

    Deċiżjoni Nru U4 tat- 13 ta' Diċembru 2011 dwar il-proċeduri tar-rimborż skont l-Artikolu 65(6) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera

    ĠU C 57, 25.2.2012, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    25.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 57/4


    DEĊIŻJONI Nru U4

    tat-13 ta' Diċembru 2011

    dwar il-proċeduri tar-rimborż skont l-Artikolu 65(6) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

    2012/C 57/04

    IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, li skontu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli biex tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi kollha jew il-mistoqsijiet kollha ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 65(6) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009,

    Waqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 jintroduċi mekkaniżmu ta' rimborż fl-Artikolu 65 bil-għan li jistipula bilanċ finanzjarju aktar ġust bejn l-Istati Membri fil-każ ta' persuni qiegħda li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat kompetenti. Ir-rimborżi għandhom jikkumpensaw għall-piż finanzjarju addizzjonali fuq l-Istat Membru ta' residenza, li jipprovdi benefiċċji għall-qgħad skont l-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 mingħajr ma jkun ġabar ebda kontribuzzjoni mill-persuni kkonċernati matul l-aħħar attività mwettqa fi Stat Membru ieħor.

    (2)

    Il-benefiċċji tal-qgħad previsti skont l-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 mill-Istat Membru tar-residenza fil-perjodu preskritt għandhom jiġu rrimborżati mill-Istat li l-persuna qiegħda kienet l-aħħar suġġetta għal-leġiżlazzjoni tiegħu irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta' eliġibilità għall-benefiċċji tal-qgħad stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru.

    (3)

    Filwaqt li r-raba’ sentenza tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tippermetti li l-perjodu għall-esportazzjoni tal-benefiċċji skont il-paragrafu 5(b) tal-imsemmi Artikolu jitnaqqas mill-perjodu ta' rimborż, ma għandhomx jitnaqqsu perjodi oħra ta' għoti tal-benefiċċji tal-qgħad mill-Istat tal-aħħar attività tal-persuna kkonċernata (partikolarment, skont l-Artikolu 65(1) jew skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004).

    (4)

    L-aħjar prassi miftiehma b’mod komuni se tikkontribwixxi għal ħlas ta' rimborżi effiċjenti u fil-pront bejn l-istituzzjonijiet.

    (5)

    Jeħtieġ li jkun hemm trasparenza u gwida għall-istituzzjonijiet b'mod li tkun żgurata l-applikazzjoni koerenti u unifikata tad-dispożizzjonijiet tal-UE li jikkonċernaw il-proċeduri ta' rimborż skont l-Artikoli 65(6) u (7) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    I.   IL-PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-PROĊEDURA TAR-RIMBORŻ

    1.

    Fejn il-benefiċċji tal-qgħad ġew mogħtija lill-persuna kkonċernata skont l-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament Bażiku”) mill-Istat ta' residenza tagħha, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimborż fil-paragrafi 6 u 7 tal-imsemmi Artikolu jistipulaw il-qsim tal-piż finanzjarju bejn l-Istat ta' residenza (minn hawn ’il quddiem “l-Istat Kreditur”) u l-Istat li l-persuna qiegħda kienet l-aħħar suġġetta għal-leġiżlazzjoni tiegħu (minn hawn 'il quddiem “l-Istat Debitur”).

    2.

    Talba għal rimborż ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni li l-persuna kkonċernata ma tkunx ikkwalifikat għall-benefiċċji tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Debitur.

    3.

    L-Istat Kreditur jista' jitlob ir-rimborż biss jekk il-persuna kkonċernata, qabel ma spiċċat qiegħda, kienet għamlet perjodi impjegata jew taħdem għal rasha fl-Istat Debitur u fejn dawn il-perjodi huma rikonoxxuti għall-finijiet ta' benefiċċji tal-qgħad f'dan l-Istat.

    II.   L-ISTABBILIMENT TAL-PERJODU TA' RIMBORŻ

    1.

    Il-perjodu ta' 3 jew 5 xhur li fih jista' jintalab ir-rimborż, imsemmi fl-Artikolu 65(6) u (7) tar-Regolament Bażiku (minn hawn 'il quddiem “il-perjodu ta' rimborż”), għandu jibda fl-ewwel jum meta jkunu dovuti l-benefiċċji tal-qgħad. Il-perjodu ta' rimborż għandu jintemm ladarba jiskadi l-limitu taż-żmien stipulat fl-Artikolu 65(6) u (7) tar-Regolament Bażiku (3 jew 5 xhur), irrispettivament minn kull tnaqqis, sospensjoni jew irtirar tal-intitolament jew tal-pagament tal-benefiċċji fil-perjodu msemmi skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Kreditur.

    2.

    Talba ġdida għal rimborż tista' ssir biss ladarba l-persuna kkonċernata tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Kreditur skont l-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament Bażiku għall-intitolament ġdid għall-benefiċċju fejn dan l-intitolament ma jkunx kontinwazzjoni ta' deċiżjoni preċedenti għall-għoti tal-benefiċċji tal-qgħad.

    3.

    Minkejja r-raba’ sentenza tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Bażiku, l-ebda perjodu ieħor li fih ikunu tħallsu l-benefiċċji tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Debitur ma għandu jitnaqqas mill-perjodu ta' rimborż.

    III.   L-ESTENSJONI TAL-PERJODU TA' RIMBORŻ SKONT L-ARTIKOLU 65(7) TAR-REGOLAMENT BAŻIKU

    1.

    Il-perjodu ta' rimborż, skont l-Artikolu 65(7) tar-Regolament Bażiku, għandu jiġi estiż għal ħames (5) xhur, u dan kemm-il darba l-persuna kkonċernata tkun għamlet mill-inqas 12-il xahar impjegata inkella taħdem għal rasha, perjodu li jkun rikonoxxut għall-iskopijiet tal-benefiċċji tal-qgħad matul l-24 xahar qabel il-ġurnata meta jkunu dovuti l-benefiċċji tal-qgħad.

    2.

    L-estensjoni tal-perjodu ta' rimborż skont l-Artikolu 65(7) tar-Regolament Bażiku ma tistax tiġi miċħuda għar-raġuni li l-persuna kkonċernata ma tkunx tikkwalifika għall-benefiċċji tal-qgħad skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Debitur.

    IV.   L-ISTABBILIMENT TAL-AMMONT MASSIMU TA' RIMBORŻ SKONT L-ARTIKOLU 70 TAR-REGOLAMENT (KE) Nru 987/2009 (MINN HAWN 'IL QUDDIEM “IR-REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI”)

    1.

    L-ammont massimu ta' rimborż applikabbli bejn l-Istati Membri elenkati fl-Anness 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni u msemmi fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 70 tar-Regolament imsemmi jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Amministrattiva fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena kalendarja inkwistjoni. In-notifika għandha ssir minn kull Stat Membru elenkat fl-Anness 5 u tkun tinkludi l-ammont massimu validu għas-sena kalendarja inkwistjoni kif ukoll deskrizzjoni tal-metodu użat għall-kalkolu tal-ammont.

    V.   DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

    1.

    Fejn talba għal rimborż tkun ġiet notifikata lill-Istat Debitur, kull bidla li tirriżulta fl-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad suġġett għal rimborż magħmula retroattivament skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Kreditur ma għandha taffettwa b'ebda mod it-talba notifikata mill-Istat Kreditur.

    2.

    L-“ammont sħiħ” tal-benefiċċji pprovduti mill-istituzzjoni tal-post ta' residenza (it-tieni sentenza tal-Artikolu 65(6) tar-Regolament Bażiku) jinkludi l-ispiża totali tal-benefiċċji tal-qgħad imġarrba mill-Istat Kreditur qabel kull tnaqqis (“l-ammont gross”).

    VI.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    1.

    Id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimborż fl-Artikolu 65(6) u (7) tar-Regolament Bażiku jikkonċernaw biss il-benefiċċji mogħtija abbażi tal-Artikolu 65(5)(a) tar-Regolament Bażiku.

    2.

    Meta jiġu applikati l-proċeduri tar-rimborż, il-prinċipju ewlieni għandu jkun koperazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet, il-prammatiżmu u l-flessibilità.

    3.

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    4.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha fir-rigward tat-talbiet kollha għal rimborż li jkunu għadhom mhumiex issetiljati qabel dik id-data.

    Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

    Elżbieta ROŻEK


    Top