EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AP0328

Qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 22 ta’ Settembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 (COM(2010)0072 – 2010/0048(APP))

ĠU C 50E, 21.2.2012, p. 64–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 50/64


L-Erbgħa 22 ta’ Settembru 2010
Qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013

P7_TA(2010)0328

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 (COM(2010)0072 – 2010/0048(APP))

2012/C 50 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 (COM(2010)0072) (“proposta għal Regolament MFF”),

wara li kkunsidra t-talba għall-kunsens li l-Kunsill se jippreżentata skont l-Artikolu 312(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 311 u 312 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (“l-IIA kurrenti”),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2009 dwar miżuri tranżizzjonali applikabbli għall-proċedura baġitarja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li ġiet riprodotta fl-anness V tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Novembru 2009 dwar linji gwida tranżizzjonali rigward il-proċedura baġitarja biex jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (3),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (COM(2010)0071),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 għal Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji (COM(2010)0073),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar il-baġit tal-UE għall-2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2010 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u t-tmexxija finanzjarja tajba (COM(2010)0185),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (4),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013 lill-Kunsill (O-0074/2010 - B7-0310/2010) u lill-Kummissjoni (B7-0311/2010 - O-0075/2010),

wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0248/2010),

A.

billi l-Artikolu 312 TFUE jistipula li l-Kunsill għandu jadotta regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali (MFF),

B.

billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-12 ta’ Novembru 2009 dwar miżuri transitorji applikabbli għall-proċedura baġitarja wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, miftiehma mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tistipula l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-azzjoni tal-UE u tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas legali l-ġdid għall-proċedura baġitarja b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona,

C.

billi l-proposta għar-Regolament MFF imsemmija hawn fuq, li ma tistax tiġi adottata mill-Kunsill mingħajr il-kunsens tal-Parlament Ewropew, għandha l-għan li tallinja d-dispożizzjonijiet tal-IIA kurrenti mar-rekwiżiti tat-Trattat ta’ Lisbona,

D.

billi l-Artikolu 312(5) TFUE jistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tal-qafas finanzjarju,

E.

billi t-Trattat ta’ Lisbona jagħti prerogattivi ġodda sinifikanti lill-Unjoni Ewropea, pereżempju fl-oqsma ta’ azzjoni esterna (l-Artikolu 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea), l-isport (l-Artikolu 165 TFUE), l-ispazju (l-Artikolu 189 TFUE), it-tibdil fil-klima (l-Artikolu 191 TFUE), l-enerġija (l-Artikolu 194 TFUE), it-turiżmu (l-Artikolu 195) u l-protezzjoni ċivili (l-Artikolu 196 TFUE),

F.

billi l-Artikolu 311 TFUE jirrikjedi li l-Unjoni tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politiki tagħha,

G.

billi l-Punt 4 tal-IIA kurrenti jipprovdi għal aġġustament tal-MFF - IIA fil-każ tad-dħul fis-seħħ ta’ Trattat ġdid b'implikazzjonijiet baġitarji,

H.

billi anke mingħajr il-prerogattivi l-ġodda mogħtija lill-Unjoni Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, il-limiti massimi tal-MFF kurrenti ntlaħqu jew inqabżu bejn l-2007 u l-2009 u dan ikkonferma l-ħtieġa ta’ aktar flessibilità jekk l-Unjoni Ewropea trid tirreaġixxi b'mod effettiv għal avvenimenti urġenti u mhux previsti,

I.

billi, skont l-aħħar programmar finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea għall-2012-2013 (SEC(2010)0473) - li ma jqisx l-elementi varji tan-nefqa mhux ipprogrammata li għad trid tiġi ffinanzjata taħt l-intestaturi - il-marġni disponibbli taħt l-intestatura 1a se jkun inqas minn EUR 50 miljun kull sena u l-marġni globali disponibbli se jkun limitat għal EUR 436 miljun għall-2012 u EUR 435 miljun għall-2013,

J.

billi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja għandu implikazzjonijiet baġitarji potenzjalment sinifikanti,

1.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu dawn ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

i.

issir ħidma mal-Parlament Ewropew biex tkun tista' ssir adozzjoni mgħaġġla tal-istrumenti l-ġodda meħtieġa biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet baġitarji tat-Trattat ta’ Lisbona u jiġi rivedut l-MFF kurrenti sabiex isir provvediment għar-riżorzi żejda meħtieġa biex jiġu implimentati inizjattivi li ma kinux previsti meta ġie adottat l-MFF kurrenti;

ii.

ikun hemm konformità mal-Artikolu 312(3) TFUE li jirrikjedi li l-qafas finanzjarju għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit u mal-Artikolu 312(5) li jiddikjara li “tul il-proċedura kollha li twassal għall-adozzjoni tal-qafas finanzjarju, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffaċilitaw din l-adozzjoni”;

iii.

ikun hemm konformità mal-Artikolu 311 TFUE li jirrikjedi li l-Unjoni tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq il-politiki tagħha, filwaqt li jitqiesu l-oqsma ta’ azzjoni ġodda mogħtija bit-Trattat ta’ Lisbona, inkluż fl-oqsma ta’ azzjoni esterna, l-isport, l-ispazju, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-turiżmu u l-protezzjoni ċivili;

iv.

jinsiltu l-konklużjonijiet neċessarji kollha mill-fatt li anke qabel iż-żieda ta’ dawn il-bżonnijiet il-ġodda relatati mat-Trattat ta’ Lisbona, matul dawn l-aħħar erba' snin tal-MFF kurrenti, l-uniku mod kif seta' jsir ftehim dwar il-baġits annwali kien billi jiġu utilizzati l-marġni eżistenti jew billi jsir rikors għall-istrumenti previsti mill-IIA kurrenti biex jiġu ffinanzjati prijoritajiet tal-UE bħalma huwa l-proġett Galileo, il-faċilità għall-ikel jew il-Pjan ta’ Rkupru Ewropew, u l-fatt li huwa stmat li l-marġni li jibqa' taħt il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju kurrenti huma negliġibbli għall-bqija tal-perjodu;

v.

ikun hemm konformità mal-punt 4 tal-IIA kurrenti li jiddikjara li “jekk isseħħ reviżjoni ta’ Trattat b'implikazzjonijiet baġitarji matul il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2007-2013 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ ‘il-qafas finanzjarju’), l-aġġustamenti meħtieġa għandhom isiru skont il-ħtieġa”;

vi.

jirrikonoxxi li l-klima ekonomika attwali, taf twassal lill-awtorità baġitarja biex tagħmel xi sforzi favur il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid fil-baġit billi jiġi żgurat il-finanzjament xieraq tal-prijoritajiet, iżda, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-valur miżjud Ewropew tal-baġit tal-UE, minħabba li huwa espressjoni ta’ solidarjetà u effiċjenza minħabba li jiġbor flimkien riżorsi finanzjarji li nkella jixxerrdu fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali; jenfasizza wkoll li parti kbira ħafna mill-infiq tal-baġit tal-UE hija dedikata biex tappoġġa l-investimenti fit-tul neċessarji sabiex jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku tal-UE;

vii.

jiġi rikonoxxut li dawn il-bżonnijiet il-ġodda ma jistgħux jiġu ssodisfati permezz tal-użu mill-ġdid jew il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid u li hija meħtieġa reviżjoni tal-MFF u tal-mekkaniżmi ta’ flessibilità inklużi fl-IIA, kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Kunsill kif stipulata fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2011 u affermata mill-ġdid mill-President fil-kariga fid-dikjarazzjonijiet tiegħu matul id-dibattitu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar il-mistoqsija orali B7-0310/2010 O-0074/2010; barra minn hekk ifakkar li l-bżonnijiet il-ġodda li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona loġikament għandhom jinvolvu ffrankar fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali;

viii.

ikun hemm reazzjoni għad-dikjarazzjoni 3 tal-IIA kurrenti li titlob reviżjoni sħiħa u b'firxa wiesgħa sal-2008/2009 li tkopri l-aspetti kollha tar-riżorsi u l-infiq tal-UE, u ma jibqgħux isiru tentattivi biex l-isfidi/il-kompetenzi mogħtija lill-UE bit-Trattat il-ġdid jiġu indirizzati permezz ta’ reviżjoni limitata ħafna tal-funzjonament tal-IIA kurrenti mingħajr ebda dimensjoni politika;

ix.

jiġi rikonoxxut li l-pożizzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fir-rigward tar-reviżjoni tal-MFF s'issa hija kontradittorja mal-fatt li qed joħorġu b'mod kostanti bi proposti ġodda li jitolbu riżorsi ġodda bħalma huma l-“Ftehim dwar il-Banana” u l-ITER;

x.

jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tat-tendenza żviluppata mill-Istati Membri fir-rigward tat-tnedija ta’ politiki tal-UE ffinanzjati barra mill-baġit tal-UE; jitkejjel ir-riskju ta’ nuqqas ta’ leġittimità u kontroll demokratiku fuq dawk il-politiki kif ukoll ksur tal-prinċipju tal-universalità tal-baġit tal-UE u l-impatt negattiv li din it-tendenza taf timplika fir-rigward tal-prinċipju ta’ solidarjetà;

xi.

jittieħdu l-passi neċessarji kollha għal reviżjoni tal-MFF sabiex jiġu pprovduti r-riżorsi neċessarji żejda ħalli jiġu implimentati s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna u prijoritajiet ta’ politika oħrajn relatati mat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll inizjattivi oħrajn, b'mod partikulari taħt l-Intestatura 1a “Kompetittività, Tkabbir u Impjiegi” u l-Intestatura 4 “Relazzjonijiet Esterni”, li jipprovdu valur miżjud tal-UE u jippermettu li l-UE tissodisfa l-impenji tagħha u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha;

xii.

tittieħed nota tal-fatt li mingħajr din ir-reviżjoni l-Parlament mhu se jkun jista' jadotta l-ebda proposta għal aġenziji ġodda u l-ebda inizjattiva ulterjuri tal-Kunsill sakemm ma jkunux akkumpanjati bi proposti għal riżorsi ġodda;

xiii.

jiġu segwiti sforzi biex tiġi pprovduta aktar flessibilità kif indikat fir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq dwar il-funzjonament tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba;

xiv.

tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-flessibilità biex jinħolqu riżervi u marġni li jippermettu li l-UE tirreaġixxi għall-bżonnijiet attwali u futuri, kemm fi ħdan il-qafas finanzjarju, fl-intestuturi u bejniethom kif ukoll fin-negozjati dwar l-istabbiliment u t-twaqqif tiegħu;

xv.

tittieħed nota tal-fatt li l-Parlament insista dwar livell iktar b'saħħtu u ogħla ta’ flessibilità u l-ħolqien ta’ riżervi suffiċjenti għal kull kategorija, kif ukoll ammonti ogħla disponibbli permezz tal-Istrument ta’ Flessibilità u dwar simplifikazzjoni tal-proċedura biex ir-riżorsi jiġu ttrasferiti bejn l-intestaturi varji tal-MFF;

xvi.

tittieħed nota li l-Parlament mhu lest jidħol fl-ebda negozjati dwar kwlaunkwe proposta li mill-inqas ma tkunx tinkludi l-levell attwali ta’ flessibilità fuq ir-reviżjonijiet tal-qafas finanzjarju ta’ massimu ta’ 0.03 % tad-DGN tal-UE (imsemmi fl-Artikolu 8(3) tal-proposta għal Regolament MFF);

xvii.

ikun hemm fehim li approċċ purament tekniku fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam baġitarju huwa insuffiċjenti u li, sabiex il-Parlament ikun jista' jagħti l-kunsens tiegħu, id-dħul bla dewmien f'negozjati politiċi u reali f'livell għoli kif xieraq, u jekk hemm bżonn fl-ogħla livell, huwa indispensabbli;

xviii.

minħabba l-konsegwenzi baġitarji b'firxa wiesgħa possibbli tiegħu, għandu jkun hemm aktar riflessjoni fir-rigward tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja qabel l-adozzjoni tar-regolament MFF; jiġi aċċettat li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jkunu involuti fid-deċiżjonijiet rigward l-impatt li dan il-mekkaniżmu jaf ikollu fuq il-baġit tal-UE; jintlaħaq ftehim li kwalunkwe ħtieġa baġitarja marbuta ma’ dan il-mekkaniżmu għandha tkun iffinanzjata permezz ta’ reviżjoni ad-hoc tal-MFF sabiex jiġi żgurat li jiġi garantit involviment suffiċjenti u fil-ħin tal-awtorità baġitarja;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2009)0115.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2009)0067.

(4)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.


Top