Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0651

    Kawża T-651/11: Rikors ippreżentat fis- 16 ta’ Diċembru 2011 — Syriatel Mobile Telecom vs Il-Kunsill

    ĠU C 39, 11.2.2012, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.2.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 39/20


    Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2011 — Syriatel Mobile Telecom vs Il-Kunsill

    (Kawża T-651/11)

    (2012/C 39/39)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Syriatel Mobile Telecom (Joint Stock Company) (Damasku, is-Sirja) (rappreżentant: J. Pujol, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiddikjara l-azzjoni tar-rikorrenti ammissibbli u fondata;

    konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni 2011/628/PESK, kif ukoll ir-Regolament Nru 950/2011 (UE) u l-atti sussegwenti ta’ eżekuzzjoni, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tad-Deċiżjoni 2011/628/PESK (1) minħabba t-tħassir tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK (2) permezz tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK (3).

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tar-Regolament Nru 950/2011 (4) minħabba t-tħassir tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), fl-Artikolu 215 TFUE u fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, billi l-motivazzjoni mogħtija ma tissodisfax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB, l-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri kkontestati jirrestrinġu b’mod inġustifikat u mhux proporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ proprjetà tagħha, previsti fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali tal-KEDB u fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u d-dritt għar-rispett tar-reputazzjoni tagħha, previst fl-Artikoli 8 u 10(2) tal-KEDB.

    (6)

    Is-sitt motiv ibbażat fuq l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea sa fejn il-miżuri adottati jwasslu sabiex il-funzjonament normali tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni jiġi distort u għaldaqstant jaffetwaw ħażin il-kompetizzjoni bejn l-operaturi Ewropej u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK, tat-23 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 247, p. 17).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11).

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 950/2011, tat-23 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 247, p. 3).


    Top