Wählen Sie die experimentellen Funktionen, die Sie testen möchten.

Dieses Dokument ist ein Auszug aus dem EUR-Lex-Portal.

Dokument 52011XG1209(01)

    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Għeluq ta' lakuni fis-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san

    ĠU C 359, 9.12.2011, S. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 359/5


    Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Għeluq ta' lakuni fis-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san

    2011/C 359/05

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Azzjoni mill-Unjoni, li għandha tikkumplimenta l-linji ta' politika nazzjonali, għandha tkun immirata lejn it-titjib tas-saħħa pubblika, il-prevenzjoni tal-mard u t-tneħħija tal-kawżi ta' perikolu għas-saħħa fiżika u mentali. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom irawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-isfera tas-saħħa pubblika.

    IFAKKAR:

    Fid-Dikjarazzjoni Politika ta' Rio dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa adottata fil-21 ta' Ottubru 2011 fil-Konferenza Dinjija dwar id-determinanti soċjali tas-saħħa li saret f'Rio de Janeiro;

    fid-dikjarazzjoni Politika tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll ta' Mard li ma jitteħidx adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-19 ta' Settembru 2011 (1);

    fil-Konvenzjoni Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u l-linji gwida għall-implimentazzjoni tagħha;

    fir-Rapport annwali tal-2011 tal-Pjattaforma tal-UE għal azzjoni dwar id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa (2);

    fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2010 dwar ekwità u saħħa fil-linji ta' politika kollha; Solidarjetà fis-saħħa (3);

    fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010 dwar “Approċċi innovattivi għall-mard kroniku fis-saħħa pubblika u fis-sistemi tal-kura tas-saħħa” (4);

    fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (5);

    fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2009 dwar l-alkoħol u s-saħħa (6);

    fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar ambjenti bla tipjip (7);

    fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2009 dwar “Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE” (8);

    fir-Rapport Finali tal-Kummissjoni dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa l-“Għeluq tal-lakuna f'ġenerazzjoni: l-ekwità fis-saħħa permezz ta' azzjoni dwar id-determinanti soċjali tas-saħħa”, CSDH (2008);

    fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Dinjija għas-Saħħa (WHA62.14) dwar it-tnaqqis tal-inekwitajiet permezz ta' azzjoni dwar il-fatturi determinanti soċjali tas-saħħa, fir-Riżoluzzjoni (WHA 61.18) dwar il-monitoraġġ tal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) relatati mas-saħħa, li t-tnejn ġew adottati, fost l-oħrajn, mill-Istati Membri tal-UE;

    fir-Riżoluzzjoni EUR/RC61/R1 “Il-politika Ewropea l-ġdida għas-saħħa – Saħħa 2020: Viżjoni, valuri, direzzjonijiet prinċipali u approċċi” adottata fil-laqgħa tal-Kumitat Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa fl-14 ta' Settembru 2011;

    fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (9);

    fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar l-attwazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar kwistjonijiet relatati man-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obesità (10);

    fil-White Paper tal-Kummissjoni “Flimkien għas-Saħħa: Approċċ strateġiku għall-UE 2008-2013” (11);

    fil-Green Paper “Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell tal-UE” (12);

    fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2006 dwar is-Saħħa fil-linji ta' politika kollha (13).

    JIRRIKONOXXI LI:

    1.

    Id-daqs tal-lakuni fis-saħħa fl-UE huwa inkonsistenti mal-valuri fundamentali tal-UE bħas-solidarjetà, l-ekwità u l-universalità.

    2.

    Il-lakuni fis-saħħa huma mifhuma bħala d-differenzi fil-popolazzjoni fir-rigward tal-mortalità prematura, il-morbożità u d-diżabbiltà bejn l-Istati Membri u fl-Istati Membri, kif ukoll bejn ir-reġjuni tal-UE. Dawn ikunu ġejjin parzjalment mill-imġiba predominanti ta' stili ta' ħajja dannużi għas-saħħa (jiġifieri, użu ta' tabakk, dannu relatat mal-alkoħol, dieta dannuża għas-saħħa u nuqqas ta' attività fiżika) li ħafna drabi huma marbuta ma' determinanti soċjali (14)  (15).

    3.

    Wara l-ewwel deċennju tal-millenju l-ġdid għad fadal lakuni fis-saħħa fl-UE, li xi wħud minnhom jistgħu jiġu rrinforzati minn ċirkostanzi ekonomiċi avversi kif ukoll l-isfida demografika ta' popolazzjoni tal-UE li dejjem qed tixjieħ.

    4.

    In-nuqqas ta' saħħa tajba għandha wkoll impatt uman, kif ukoll kost soċjali, ekonomiku u finanzjarju.

    5.

    Ir-rinfurzar tal-linji ta' politika dwar is-saħħa, u b'mod partikolari l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard, għandhom jiffavorixxu s-sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa u l-iżvilupp ta' mġiba favur is-saħħa fil-popolazzjoni (biex jitnaqqas l-“illitteriżmu dwar is-saħħa” u ċ-ċittadini jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet sani).

    6.

    Għandu jintuża approċċ “Saħħa fil-linji ta' politika kollha” b'fokus fuq l-ekwità f'oqsma ta' politika speċifiċi u attivitajiet ikkoordinati li għandhom l-akbar impatt fuq is-saħħa u li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-lakuni persistenti fis-saħħa. Dan jista' jinkludi l-linji ta' politika dwar is-saħħa, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent, l-agrikoltura, l-ekonomija, l-impjiegi u dawk soċjali.

    7.

    Evalwazzjoni u valutazzjoni mtejba jistgħu jgħinu biex jiġi ddeterminat jekk l-istrateġiji u l-linji ta' politika humiex effettivi biex jiġu indirizzati l-inekwitajiet fis-saħħa u l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-popolazzjonijiet. Għaldaqstant huma jistgħu jsostnu lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji effettivi tas-saħħa pubblika u infrastruttura adatta.

    JESPRIMI L-IMPENN TIEGĦU BIEX:

    8.

    Jippromwovi strateġiji biex jiġu indirizzati d-determinanti tas-saħħa bl-użu ta' intervent li jkopri l-popolazzjoni kollha kkumplimentat b'azzjonijiet li jiffukaw fuq gruppi vulnerabbli sabiex jitnaqqsu l-lakuni fis-saħħa, speċjalment dawk li ġejjin minn imġiba ta' stili ta' ħajja dannużi għas-saħħa li jistgħu jkunu evitati.

    9.

    Iħaffef il-progress fil-ġlieda kontra mġiba ta' stili ta' ħajja dannużi għas-saħħa, bħall-użu tat-tabakk, dannu relatat mal-alkoħol, dieta dannuża għas-saħħa u nuqqas ta' attività fiżika, li jwasslu għal inċidenza akbar ta' mard kroniku li ma jitteħidx, bħall-kanċer, il-mard respiratorju, il-mard kardjovaskulari, id-dijabete u l-mard mentali, li huma rikonoxxuti bħala kawżi importanti ta' mortalità prematura, morbożità u disabbiltà fl-Unjoni Ewropea.

    JILQA':

    10.

    L-inizjattivi li ttieħdu fil-livell tal-UE li jikkontribwixxu biex jingħalqu l-lakuni fis-saħħa permezz tal-indirizzar tal-imġiba għal stili ta' ħajja, il-Programm tas-Saħħa tal-UE, l-Azzjoni Konġunta (Azzjoni ta' Ekwità) dwar l-inugwaljanzi fis-saħħa (16) u l-ħidma tal-grupp ta' esperti tal-UE dwar id-Determinanti Soċjali u l-Inugwaljanzi fis-Saħħa.

    11.

    L-istrateġija tal-UE biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-tnaqqis tad-dannu relatat mal-alkoħol bħala pass importanti lejn approċċ komprensiv biex jiġi affrontat id-dannu relatat mal-alkoħol fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, waqt li jiġi enfasizzat li l-inekwitajiet fis-saħħa bejn gruppi tal-popolazzjoni fl-Istati Membri u l-lakuni fis-saħħa bejn l-Istati Membri ħafna drabi huma marbutin, fost fatturi oħrajn, ma' konsum dannuż tal-alkoħol (17).

    12.

    L-isforzi kontinwi fil-livelli nazzjonali u tal-UE biex jiġi affrontat il-konsum tat-tabakk permezz tal-leġislazzjoni dwar prodotti tat-tabakk (18) u r-reklamar tat-tabakk (19), il-koordinazzjoni mal-Istati Membri, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u kooperazzjoni internazzjonali biex b'hekk jiġi indirizzat wieħed mill-fatturi ta' riskju maġġuri għall-mortalità prematura, il-morbożità u d-diżabbiltà.

    13.

    Il-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet tas-saħħa relatati man-nutrizzjoni, il-piż żejjed u l-obeżità u b'mod partikolari l-fokus irrinfurzat fuq gruppi vulnerabbli fil-prijoritajiet tal-membri tal-“Pjattaforma tal-UE għal Azzjoni dwar id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa” u wkoll il-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar in-Nutrizzjoni u l-Attività Fiżika li fost kwistjonijiet oħrajn jinkludi ħidma dwar il-riformulazzjoni tal-prodotti.

    14.

    Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu (20), li għandha l-għan li żżid in-numru ta' snin ta' għejxien f'saħħithom taċ-ċittadini tal-UE.

    15.

    L-eżitu tal-avvenimenti li ġejjin:

    Il-konferenza fil-livell ta' esperti dwar l-Attivitajiet tal-Istati Membri dwar Kwistjonijiet ta' Nutrizzjoni, Attività Fiżika u Kwistjonijiet ta' Saħħa relatati mat-Tipjip li saret f'Budapest (l-Ungerija) fit-30-31 ta' Mejju 2011;

    Il-laqgħa tal-esperti dwar l-alkoħol 'il-Politika dwar l-Alkoħol fil-Polonja u madwar l-Ewropa: Żvantaġġi Mediċi u Ekonomiċi tal-Użu tal-Alkoħol' li saret f'Poznan (il-Polonja) fil-11 u t-12 ta' Ottubru 2011;

    Il-konferenza ministerjali “Solidarjetà fis-saħħa: Għeluq tal-lakuni fis-saħħa fl-UE” li saret f'Poznan (il-Polonja) fis-7-8 ta' Novembru 2011.

    JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

    16.

    Ikomplu, jintensifikaw u/jew jiżviluppaw linji ta' politika u azzjonijiet li jippromwovu mġiba għal stili ta' ħajja sani u jindirizzaw id-determinanti soċjali sabiex jikkontribwixxu għall-għeluq tal-lakuni fis-saħħa.

    17.

    Jagħmlu allokazzjoni ottimali tar-riżorsi disponibbli speċjalment fir-rigward tal-promozzjoni tas-saħħa u l-attivitajiet ta' prevenzjoni.

    18.

    Jappoġġaw u jikkondividu l-aħjar prattiki eżistenti dwar linji ta' politika u azzjonijiet iddedikati lejn it-tnaqqis tal-lakuni fis-saħħa fl-UE.

    19.

    Isegwu r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip.

    JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

    20.

    Jappoġġaw aktar l-Azzjoni Konġunta (21) sabiex jindirizzaw aħjar il-kwistjonijiet ta' saħħa u ta' ekwità fis-saħħa fil-linji ta' politika u l-istrateġiji.

    21.

    Iżommu u jsaħħu, kif opportun, dawk l-azzjonijiet u l-linji ta' politika li juru li huma effettivi fit-tnaqqis tal-lakuni fis-saħħa, kif ukoll joħolqu oħrajn ġodda kif u meta meħtieġ inkluż: il-valutazzjoni ta' indikaturi tas-saħħa u tal-imġiba biex jimmonitorjaw il-progress mill-interventi ffokati fuq l-imġiba għal stili ta' ħajja u d-determinati tas-saħħa msemmijin aktar 'il fuq; miżuri għall-prevenzjoni tal-mard u għall-promozzjoni tas-saħħa; il-promozzjoni ta' għażliet sani.

    22.

    Jippromwovu l-implimentazzjoni effettiva tal-approċċ “Saħħa fil-linji ta' politika kollha” f'fokus fuq l-ekwità, biex jinkoraġġixxu u jikkoordinaw is-setturi rilevanti kollha fit-twettiq tas-sehem tagħhom għat-tnaqqis tal-lakuni fis-saħħa fl-UE.

    23.

    Isaħħu l-kooperazzjoni u jagħmlu użu aħjar ta' netwerks eżistenti u ta' istituzzjonijiet tas-saħħa pubblika u oħrajn relatati eżistenti, li jinvestigaw, jimmonitorjaw u jirriċerkaw l-impatt tad-determinati tas-saħħa, biex b'hekk jappoġġaw il-miżuri t'hawn fuq.

    24.

    Jiżviluppaw approċċi biex jivverifikaw l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa sabiex jindirizzaw aħjar il-kwistjonijiet ta' saħħa u ta' ekwità fis-saħħa fil-linji ta' politika u l-istrateġiji.

    25.

    Jirrinforzaw u jkomplu l-azzjoni biex jappoġġaw imġiba għal stili ta' ħajja sani inklużi:

    Il-promozzjoni ta' kontroll effettiv tat-tabakk fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali f'konformità ma' leġislazzjoni rilevanti tal-UE u l-Konvenzjoni Qafas tal-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u l-linji gwida tagħha, u jikkunsidraw it-tisħiħ tagħha.

    L-appoġġ tarr-riformulazzjoni kwantitattiva u/jew kwalitattiva tal-ikel biex jitnaqqas il-kontenut totali tax-xaħam, tax-xaħmijiet saturati, tax-xaħmijiet trans, tal-melħ, taz-zokkor u/jew tal-valur enerġetiku.

    Il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tas-sett ta' rakkomandazzjonijiet tal-WHO dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel u ta' xorb mhux alkoħoliku lit-tfal u l-adulti fir-rigward ta' ikel li għandu kontenut għoli ta' xaħmijiet saturati, aċidi grassi trans, zokkor liberu jew melħ. F'dan ir-rigward jinkoraġġixxu wkoll aktar ftehimiet volontarji u effettivi mal-industrija tal-ikel fil-qafas tal-“Pjattaforma tal-UE għal azzjoni dwar id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa” msemmija aktar 'il fuq.

    L-implimentazzjoni ta' linji ta' politika u programmi effettivi dwar l-alkoħol biex jiġi indirizzat id-dannu relatat mal-alkoħol, inklużi l-espożizzjoni għal reklamar dwar l-alkoħol, l-informazzjoni, l-edukazzjoni bikrija u interventi biex jiġi skoraġġut il-konsum dannuż tal-alkoħol.

    L-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta' politika ambjentali urbana u soċjali li twassal għall-attività fiżika għal kulħadd, filwaqt li jiġi vvalutat u jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta' gruppi differenti fil-popolazzjoni.

    26.

    Jesploraw modi biex jottimizzaw l-użu tal-programmi finanzjarji tal-UE b'fokus fuq l-ekwità, inkluż, fost oħrajn, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fondi Strutturali, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-lakuni fis-saħħa u l-inekwitajiet fl-UE fil-livelli adatti kollha, mingħajr preġudizzju għall-qafas finanzjarju futur.

    JAPPELLA LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

    27.

    Tirrinforza l-azzjonijiet għall-promozzjoni tas-saħħa u t-tnaqqis tal-lakuni fis-saħħa u tiffoka l-attenzjoni fuq il-lakuni fis-saħħa bejn l-Istati Membri u fl-Istati Membri kif ukoll bejn reġjuni u gruppi soċjali differenti tal-UE u tinkludi dan l-aspett fir-rapport li wasal għall-pubblikazzjoni fl-2012 kif imniżżel fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE”.

    28.

    Tikkunsidra l-ħtieġa għall-aħjar użu tad-data eżistenti u ta' data u informazzjoni komparattiva addizzjonali dwar imġiba għal stili ta' ħajja dannużi għas-saħħa, id-determinanti soċjali tas-saħħa u l-mard kroniku li ma jitteħidx. Dan għandu jinkiseb minn sistemi sostenibbli ta' monitoraġġ tas-saħħa li diġa' jinsabu fis-seħħ jew li jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE.

    29.

    Tagħti prijorità lill-appoġġ għall-valutazzjoni tal-kosteffettività tal-attivitajiet u l-linji ta' politika għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard u għad-disseminazzjoni tar-riżultati, u għall-għoti ta' informazzjoni aħjar u bbażata fuq l-evidenza għall-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet fl-Istati Membri biex jiġu indirizzati l-inekwitajiet fis-saħħa.

    30.

    Tipprovdi aktar appoġġ għall-mekkaniżmi eżistenti għall-koordinazzjoni tal-politika u l-iskambju ta' prattika tajba dwar inekwitajiet fis-saħħa bejn l-Istati Membri, bħall-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar is-Saħħa Pubblika fil-Livell Għoli, il-grupp ta' esperti tal-UE dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa u l-Inugwaljanzi fis-Saħħa u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, kif imniżżel fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE” biex tiżgura użu u sinerġija ottimali.


    (1)  Nazzjonijiet Uniti A/RES/66/2 (A/66/L.1).

    (2)  28 ta' Lulju 2011. http://ec.europa.eu/health/nutrition_physical_activity/docs/eu_platform_2011frep_en.pdf

    (3)  9947/10.

    (4)  ĠU C 74, 8.3.2011, p. 4.

    (5)  7110/10 (COM(2010) 2020).

    (6)  ĠU C 302, 12.12.2009, p. 15.

    (7)  ĠU C 296, 5.12.2009, p. 4.

    (8)  14848/09 (COM(2009) 567 finali).

    (9)  11811/07 (COM(2007) 391 finali).

    (10)  15612/07.

    (11)  14689/07 (COM(2007) 630 finali).

    (12)  5899/07 (COM(2007) 27 finali).

    (13)  15487/06 (Presse 330).

    (14)  CSDH (2008). Għeluq tal-lakuna f'ġenerazzjoni: l-ekwità fis-saħħa permezz ta' azzjoni dwar id-determinanti soċjali tas-saħħa. Rapport Finali tal-Kummissjoni dwar id-Determinanti Soċjali tas-Saħħa. Ġinevra, Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

    (15)  Id-'determinati soċjali' huma mifhuma kif definiti mid-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Rio de Janeiro, tal-WHO, tal-21 ta' Ottubru 2011.

    (16)  Id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013) (ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3).

    (17)  pereżempju l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2006, “Strateġija tal-UE li tappoġġja lill-Istati Membri għat-tnaqqis ta' ħsara rrelatata mal-alkoħol” (COM(2006) 625 finali).

    (18)  Id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26).

    (19)  Id-Direttiva 2003/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mar-reklmar u l-patrunaġġ tal-prodotti tat-tabakk (ĠU L 152, 20.6.2003, p. 16).

    (20)  Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Dokument ta' gwida għall-grupp ta' tmexxija tal-proġett pilota ta' sħubija Ewropea għall-innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu, 13.5.2011; SEC(2011) 589 finali.

    (21)  L-Azzjoni Konġunta “Azzjoni ta' Ekwità”: Ftehim ta' għotja għall-azzjoni; numru tal-ftehim 2010 22 03. L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi 2010.


    nach oben