Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XX0928(01)

    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009

    ĠU C 284, 28.9.2011, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 284/1


    Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009

    2011/C 284/01

    IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

    Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 28 (2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2),

    ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

    1.   INTRODUZZJONI

    1.

    Fis-16 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għat- trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (minn hawn ’il quddiem “il-Proposta”).

    1.1.   Konsultazzjoni mal-KEPD

    2.

    Il-Proposta ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD fit-3 ta’ Jannar 2011. Il-KEPD jifhem din il-komunikazzjoni fis-sens bħala talba biex jagħti parir lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Komunità, kif previst fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament (KE) Nru 45/2001”). Preċedentement (3), qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-possibbiltà mill-Kummissjoni biex jipprovdi kummenti informali. Il-KEPD jilqa’ t-trasparenza tal-proċess, li għenet biex it-test jitjieb mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta fi stadju bikri. Xi wħud minn dawk il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-Proposta. Il-KEPD jilqa’ referenza espliċita għall-konsultazzjoni preżenti fil-preambolu tal-Proposta.

    1.2.   Is-SEPA u l-qafas legali

    3.

    Minn meta twaqqfet il-Komunità Ekonomika Ewropea kien hemm ċaqliq progressiv lejn suq finanzjarju Ewropew iżjed integrat. Fil-qasam tal-pagamenti, l-iktar passi evidenti kienu t-tnedija tal-euro bħala munita komuni fl-1999 u d-dħul fiċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fl-2002.

    4.

    Madankollu, sal-lum, il-pagamenti bl-euro ta’ valur baxx mhux fi flus kontanti (sa EUR 50 000) għadhom jiġu trattati u pproċessati f’ħafna modi differenti madwar l-UE. Bħala riżultat, il-ħlasijiet biex isiru pagamenti transkonfinali fl-UE huma, bħala medja, ogħla meta mqabbla ma’ dawk għal pagamenti domestiċi. Regolament Ewropew dwar pagamenti transkonfinali f’euro (ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001) stabbilixxa, fost affarijiet oħra, li l-ħlasijiet għall-pagamenti ma jistgħux jibqgħu jkunu ogħla għall-pagamenti transkonfinali bl-euro fl-UE milli għall-pagamenti korrispondenti domestiċi bl-euro. Bħala reazzjoni għal dan ir-Regolament, fl-2002, l-industrija bankarja Ewropea ħolqot il-Kunsill Ewropew għall-Pagamenti (“EPC”), li kkostitwixxa l-korp ta’ koordinazzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għall-kwistjonijiet ta’ ħlas, u nediet il-proġett taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (“SEPA”). Fl-2009, ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 issostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 2560/2001 u estenda l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-imposti għall-pagamenti ta’ debiti diretti, li sar disponibbli fuq bażi transkonfinali minn Novembru 2009.

    5.

    Barra minn hekk, id-Direttiva 2007/64/KE (id-“Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas”) timmira li tarmonizza l-liġijiet nazzjonali relatati mal-pagamenti fl-Unjoni Ewropea. L-għan huwa li tistabbilixxi kundizzjonijiet standardizzati u drittijiet għas-servizzi ta’ ħlasijiet u li tagħmel il-pagamenti transkonfinali faċli, effiċjenti u sikuri daqs il-pagamenti “nazzjonali” fi ħdan Stat Membru. Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas timmira wkoll li ttejjeb il-kompetizzjoni billi tiftaħ is-swieq ta’ pagamenti għal parteċipanti ġodda.

    6.

    SEPA għandha l-għan li tistabbilixxi suq uniku għal pagamenti bl-euro bl-imnut billi tegħleb l-ostakli tekniċi, legali u tas-suq li jirriżultaw mill-perjodu ta’ qabel l-introduzzjoni tal-munita unika. Ladarba s-SEPA tkun tlestiet, mhux se jkun hemm differenza bejn pagamenti bl-euro nazzjonali u dawk transkonfinali: dawn se jkunu kollha domestiċi. Is-SEPA tkopri mhux biss iż-żona tal-euro, iżda l-Unjoni Ewropea (UE) kollha kif ukoll l-Islanda, il-Liechtenstein, Monako, in-Norveġja u l-Isvizzera. Dan ifisser li l-komunitajiet barra miż-żona euro jistgħu jadottaw l-istandards u l-prattiki tas-SEPA għall-pagamenti bl-euro tagħhom.

    7.

    Il-Proposta tapplika għal trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti. It-trasferiment ta’ kreditu huwa pagament mibdi minn min iħallas, li jibgħat struzzjoni lill-bank tiegħu jew tagħha. Għaldaqstant, il-bank jitfa’ l-fondi fil-bank ta’ min jitħallas. Dan jista’ jseħħ permezz ta’ diversi intermedjarji. Fil-każ ta’ debiti diretti, min iħallas jawtorizza minn qabel lil min jitħallas biex jiġbor il-fondi mill-kont bankarju tiegħu jew tagħha. Għalhekk, min iħallas jipprovdi “mandat” lill-bank tiegħu jew tagħha biex jittrasferixxi l-fondi fil-kont ta’ min jitħallas. Id-debiti diretti jintużaw ta’ spiss għal pagamenti rikorrenti, bħal kontijiet ta’ utilità, iżda jistgħu jintużaw ukoll għal pagamenti ta’ darba. F’dan il-każ, min iħallas jawtorizza pagament individwali.

    1.3.   Is-SEPA u s-sistema tal-protezzjoni tad-data tal-UE

    8.

    L-introduzzjoni u l-iżvilupp tas-SEPA jinvolvu diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-dejta: l-ismijiet, in-numri tal-kontijiet bankarji, il-kontenut tal-kuntratti jeħtieġ li jiġu skambjati direttament bejn min iħallas u min jitħallas u indirettament permezz tal-fornituri rispettivi tagħhom tas-servizz ta’ ħlas sabiex jiġi ggarantit tħaddim bla xkiel tat-trasferimenti. B’dan il-għan, il-Proposta tinkludi wkoll Artikolu dwar l-“Interoperabbiltà” li jappoġġa l-ħolqien ta’ regoli standard għat-transazzjonijiet nazzjonali u transkonfinali, u jiddikjara b’mod espliċitu li l-ebda ostaklu tekniku ma għandu jfixkel l-ipproċessar tat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti. L-operaturi ekonomiċi varji involuti fl-attivitajiet koperti mill-Proposta huma soġġetti għal-liġijiet nazzjonali differenti li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE.

    9.

    Il-KEPD jenfasizza li l-iskambju u l-ipproċessar tad-dejta personali relatata ma’ min iħallas u min jitħallas u mal-fornituri varji tas-servizzi ta’ ħlas għandhom jirrispettaw il-prinċipji tan-neċessità, proporzjonalità u limitazzjoni tal-għan. It-trasferiment tad-dejta permezz tal-intermedjarji varji għandu jirrispetta wkoll il-prinċipji ta’ kunfidenzjalità u sigurtà tal-ipproċessar, skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE.

    10.

    Il-Proposta tintroduċi wkoll rwol ġdid għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jissorveljaw il-konformità mar-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw tali konformità. Filwaqt li dan ir-rwol huwa fundamentali sabiex jiggarantixxi implimentazzjoni effettiva tas-SEPA, huwa jista’ jinvolvi wkoll poteri wiesgħin sabiex l-awtoritajiet ikomplu jipproċessaw id-dejta personali tal-individwi. F’dan il-qasam ukoll, l-aċċess mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għal dejta personali għandu jirrispetta l-prinċipji tan-neċessità, proporzjonalità u limitazzjoni tal-għan.

    11.

    Għalkemm il-Proposta ma għandhiex tintroduċi dispożizzjonijiet dettaljati wisq fuq ir-rispett tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta, li huwa ggarantit mill-applikabbiltà għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tal-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE, il-KEPD jissuġġerixxi xi titjib fit-test bil-għan li dan jiġi ċċarat.

    2.   KUMMENTI SPEĊIFIĊI

    2.1.   Premessa 26

    12.

    Il-KEPD jilqa’ l-fatt li fil-Premessa 26 tal-Proposta tissemma’ d-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, sabiex jirrifletti l-fatt li d-diversi liġijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva huma r-referenzi xierqa u jenfasizza li kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-dejta għandha ssir skont ir-regoli ta’ implimentazzjoni, it-test tal-premessa jista’ jiġi mmodifikat kif ġej: “Kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali mwettaq skont dan ir-Regolament għandu jkun konformi mal-liġijiet nazzjonali rilevanti li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE”.

    2.2.   L-Artikoli 6, 8, 9 u 10: setgħat tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali

    13.

    L-Artikolu 6 tal-Proposta jintroduċi projbizzjoni tal-introduzzjoni ta’ ħlasijiet għal skambji multilaterali (4) għal kull transazzjoni ta’ debitu dirett jew rimunerazzjoni oħra b’għan jew effett ekwivalenti. Barra minn hekk, għal transazzjonijiet ta’ debitu dirett li ma jistgħux jiġu eżegwiti kif suppost minn fornitur tas-servizz ta’ ħlas (operazzjonijiet miċħuda, rifjutati, ritornati jew mogħtija lura, ’l hekk imsejħa “transazzjonijiet-R”), jista’ japplika ħlas għal skambju multilaterali diment li jkunu ġew rispettati għadd ta’ kundizzjonijiet.

    14.

    L-Artikolu 8 tal-Proposta jintroduċi obbligi għal min iħallas bl-użu ta’ trasferiment ta’ kreditu u min jitħallas bl-użu ta’ debiti diretti. Min iħallas ma jistax jirrifjuta li jagħmel trasferiment ta’ kreditu fil-kontijiet ta’ pagament permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jinsabu fi Stat Membru ieħor u li jistgħu jintlaħqu (5) skont ir-rekwiżit tal-Artikolu 3. Min jitħallas li jirċievi fondi fil-kont ta’ pagament tiegħu jew tagħha mnn kontijiet oħra permezz ta’ fornituri tas-servizz ta’ ħlas li jinsabu fl-istess Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jirċievi debiti diretti mill-kontijiet ta’ pagament permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jinsabu fi Stat Membru ieħor.

    15.

    L-Artikolu 9 tal-Proposta jeħtieġ li l-Istati Membri jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli biex jiżguraw konformità mar-Regolament. Dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom, u għandhom jissorveljaw il-konformità u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw tali konformità. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) jipprevedi li, meta aktar minn awtorità waħda tkun kompetenti għal kwistjonijiet koperti mir-regolament fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet jikkooperaw mill-qrib sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv. L-Artikolu 10 jintroduċi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur tar-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    16.

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-Artikoli, l-awtoritajiet nazzjonali sejrin ikollhom is-setgħa li jissorveljaw ksur possibbli tal-obbligi kollha inklużi fil-Proposta, u japplikaw penali, inklużi penali marbuta mal-obbligu tal-Artikoli 6 u 8. Din is-setgħa għandha impatt potenzjalment wiesa’ fuq il-privatezza tal-individwi mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta: l-awtoritajiet jista’ jkollhom aċċess ġeneralizzat għal informazzjoni dwar kwalunkwe trasferiment (kemm jekk permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett) ta’ fondi bejn individwi sabiex jivverifikaw jekk ħlasijiet ta’ skambji multilaterali ġewx imposti illegalment jew kienx hemm oppożizzjoni għal kwalunkwe ċaħda, għall-kuntrarju tal-obbligi fl-Artikoli 6 u 8. Tali setgħa tinvolvi l-ipproċessar ta’ dejta personali (ismijiet tal-persuni naturali involuti, in-numri tal-kontijiet bankarji tagħhom u l-ammonti tal-fondi li għandhom jidħlu jew jiġu ttrasferiti).

    17.

    Għalkemm kull ipproċessar bħal dan tad-dejta personali għandu jkun konformi mar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE, il-KEPD jixtieq jenfasizza li l-obbligu ta’ monitoraġġ għandu diġà jiġi vvalutat fil-Proposta fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità u n-neċessità stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE (Artikolu 6(1)(c)). F’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta jiġu kkunsidrati l-Artikoli 6 u 8, il-KEPD huwa tal-fehma li jkun aktar proporzjonali kieku tiġi introdotta sistema li permezz tagħha l-ipproċessar tad-dejta mill-awtoritajiet kompetenti jiġi attivat biss fuq bażi ta’ każ b’każ. Dan ikun ifisser li l-intervent tal-awtorità – u għalhekk l-ipproċessar tad-dejta personali ta’ ċertu individwu li jħallas/jitħallas – ikun attivat prinċipalment meta jkun hemm raġuni speċifika, bħal fil-każ ta’ meta jiġi ppreżentat ilment kontra l-ksur tal-Artikoli 6 jew 8 minn min iħallas jew min jitħallas, jew fil-kuntest ta’ inkjesta mmirata li tinfetaħ fuq l-inizjattiva tal-persuna stess, possibbilment fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta minn parti terza.

    18.

    L-effikaċja tal-kontroll fuq il-konformità sejra tkun iggarantita billi jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu li jippermetti lil kwerelant biex jippreżenta ilment jew lil parti terzi biex tippreżenta informazzjoni u min-naħa tagħhom jiksbu malajr reazzjoni mill-awtorità, possibbilment ordni biex il-parti l-oħra tobdi l-obbligi tal-Artikoli 6 u 8. Fil-fatt, il-Proposta fl-Artikolu 11 diġà tintroduċi regoli dwar proċeduri ta’ ilmenti u rimedji adegwati u effettivi barra mill-qorti għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn utenti tas-servizzi ta’ ħlas u l-fornituri tas-servizz ta’ ħlas tagħhom (li jkopri l-każ tal-Artikolu 6). Sabiex jinkoraġġixxi l-konformità mal-obbligi tal-Artikolu 8 mingħajr ma jintroduċi aċċess wiesa’ ġeneralizzat għad-dejta personali mill-awtoritajiet nazzjonali, il-KEPD jissuġġerixxi li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 11 tkopri wkoll kwistjonijiet bejn min iħallas u min jitħallas.

    19.

    Il-KEPD jinnota wkoll li l-attivitajiet ta’ monitoraġġ jistgħu jinvolvu trasferimenti ta’ dejta personali bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ Stati Membri differenti fil-kuntest tal-“kooperazzjoni mill-qrib” imsemmija fl-Artikolu 9(3). Minħabba s-setgħat wiesgħin attribwiti għall-awtoritajiet nazzjonali għal skopijiet ta’ monitoraġġ tal-konformità mar-Regolament (u anke f’każ li l-limiti relatati mal-Artikoli 6 u 8 issuġġeriti hawn fuq ikunu ġew introdotti), il-KEPD jissuġġerixxi li t-test isemmi b’mod espliċitu li kwalunkwe trasferiment ta’ dejta personali bejniethom għandu jirrispetta l-prinċipji rilevanti tal-protezzjoni tad-dejta. B’mod partikolari, tali trasferimenti ma għandhomx jitwettqu f’lottijiet, iżda biss fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi fejn diġà hemm suspett prima facie ta’ ksur possibbli tar-Regolament. Għalhekk, is-sentenza li ġejja tista’ tiġi miżjuda mal-Artikolu 9(3): “Trasferimenti ta’ dejta personali bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta’ kooperazzjoni mill-qrib bħal din għandhom isseħħu biss fuq bażi ta’ każ, b’każ meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ ksur tar-Regolament u b’rispett tal-prinċipji ta’ neċessità, proporzjonalità u limitu tal-għan”.

    2.3.   Anness

    20.

    L-Anness għall-Proposta jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu rispettati għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti skont l-Artikolu 5 tal-Proposta. L-għan tal-introduzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa li jkun hemm formati armonizzati ta’ identifikazzjoni u komunikazzjoni sabiex jiggarantixxu l-interoperabbiltà tal-operazzjonijiet tat-trasferiment ta’ kreditu u debitu dirett bejn l-Istati Membri.

    21.

    F’dan il-kuntest, l-ipproċessar tad-dejta personali mill-intermedjarji (il-fornituri tas-servizzi ta’ ħlas) iseħħ f’diversi okkażjonijiet (6):

    (a)

    L-Artikolu 2(b): għal trasferimenti ta’ kreditu, id-dejta li għandha tiġi trasferita minn min iħallas lill-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas tiegħu u trasferita tul il-katina tal-ħlas lil min jitħallas hija: l-isem ta’ min iħallas u/jew l-IBAN tal-kont ta’ min iħallas, l-ammont tal-kreditu, l-isem u l-IBAN ta’ min jitħallas u possibbilment l-informazzjoni dwar il-ħlas;

    (b)

    L-Artikolu 3(b): għal debitu dirett, id-dejta li għandha tiġi trasferita minn min jitħallas lill-fornitur tas-servizz ta’ ħlas tiegħu u mbagħad mingħand dan tal-aħħar lill-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas għal kull transazzjoni hija l-informazzjoni relatata (7) obbligatorja;

    (c)

    L-Artikolu 3(g): għal debitu dirett, id-dejta li għandha tiġi trasferita minn min jitħallas lill-fornitur tas-servizz ta’ ħlas tiegħu u ttrasferita tul il-katina tal-ħlas lil min iħallas hija: l-isem ta’ min jitħallas u l-IBAN tal-kont ta’ min jitħallas, l-isem ta’ min iħallas u l-IBAN tal-kont tal-pagament tiegħu.

    22.

    Għalkemm kwalunkwe ipproċessar ta’ dejta personali għandu jirrispetta l-liġijiet nazzjonali rilevanti li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE, l-abbozz tal-Proposta jsemmi biss li t-trasferimenti relatata mas-sitwazzjoni a) hawn fuq għandhom jiġu pprovduti “skont l-obbligi stabbiliti fil-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE”. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe interpretazzjoni ħażina, il-KEPD jissuġġerixxi li din ir-referenza għad-direttiva għandha tiġi inkluża wkoll fir-rigward tal-Artikoli 3(b) u 3(g). Inkella, jekk it-test tal-premessa 26 jiġi mibdul skont is-suġġeriment indikat hawn fuq, il-kliem tal-Artikolu 2(b) jista’ jeskludi r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE.

    3.   KONKLUŻJONI

    23.

    Il-KEPD jilqa’ r-referenza speċifika fil-Proposta għad-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, huwa jissuġġerixxi xi modifiki żgħar fit-test sabiex tiġi ċċarata l-applikabbiltà tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar koperti mill-Proposta. B’mod partikolari:

    Premessa 26 għandha tirrifletti l-fatt li l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE huma r-referenzi xierqa u tenfasizza li kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-dejta għandha ssir skont dawk il-liġijiet ta’ implimentazzjoni;

    is-setgħa ta’ monitoraġġ tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward tal-obbligi li jinsabu fl-Artikoli 6 u 8 għandha tkun limitata għal bażi ta’ każ b’każ, meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ ksur tar-Regolament, filwaqt li sabiex jinkoraġġixxi konformità mal-obbligi tal-Artikolu 8, il-mekkaniżmu ta’ rimedju għal-litigazzjoni previst fl-Artikolu 11 għandu jiġi estiż għal kontroversji bejn min iħallas u min jitħallas;

    referenzi għad-Direttiva 95/46/KE fl-Anness għandhom jiġu armonizzati sabiex tiġi evitata kwalunkwe interpretazzjoni ħażina.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2011.

    Giovanni BUTTARELLI

    Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


    (1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31, (minn hawn iżjed ’il quddiem “Id-Direttiva 95/46/KE”).

    (2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (3)  F’Settembru 2010.

    (4)  Ħlas ta’ skambju multilaterali huwa l-ammont imħallas mill-fornitur tas-servizz ta’ ħlas ta’ min jitħallas lill-fornitur ta’ servizz ta’ ħlas ta’ min iħallas fil-kuntest tad-debitu dirett.

    (5)  Dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jiggarantixxi li kwalunkwe fornitur ta’ servizz ta’ ħlas li jkun jista’ jintlaħaq għal transazzjoni ta’ trasferiment ta’ kreditu jew debitu dirett fuq livell nazzjonali għandu jkun jista’ jintlaħaq ukoll għal transazzjonijiet li jinbdew permezz ta’ fornituri ta’ ħlas allokati fi kwalunkwe Stat Membru ieħor (Art. 3 tal-Proposta).

    (6)  It-trasferiment tal-isem u n-numru tal-IBAN iseħħ direttament minn min jitħallas lil min iħallas fil-każ ta’ trasferiment ta’ kreditu u minn min iħallas lil min jitħallas fil-każ ta’ debitu dirett. Fiż-żewġ każijiet, il-legalità tal-ipproċessar hija implikata bil-fatt li s-suġġett tad-dejta rilevanti jittrasmetti d-dejta tiegħu stess b’mod volontarju.

    (7)  Tali informazzjoni tista’ tinkludi l-isem ta’ min iħallas, l-indirizz tiegħu jew tagħha, in-numru tat-telefown tiegħu jew tagħha u kwalunkwe informazzjoni oħra relatata mal-kuntratt li jikkostitwixxi r-raġuni għat-trasferiment tal-fondi.


    Top