This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AR0150
Opinion of the Committee of the Regions on ‘Reform of the EU State aid rules on services of general economic interest’
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali”
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali”
ĠU C 259, 2.9.2011, p. 40–47
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
2.9.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 259/40 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali”
2011/C 259/08
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
— |
itenni li r-reviżjoni ta’ dan il-pakkett leġislattiv għandha titfassal bl-akbar konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandha tiggarantixxi l-libertà tal-għażla u tal-amministrazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar id-dispożizzjonijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ finanzjament u ta’ tħaddim tal-prerogattivi tagħhom fil-qasam tas-servizz pubbliku, skont id-dispożizzonijiet tal-leġislazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali; |
— |
madankollu, jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-flessibbiltà kbira li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom b'konformità mat-Trattat ta’ Lisbona tirrikjedi bażi legali fil-qafas tal-leġislazzjoni sekondarja li, fuq il-bażi ta’ għadd ta’ definizzjonijiet, tiggarantixxi lill-awtoritajiet territorjali l-aktar applikazzjoni flessibbli tal-liġi tal-kompetizzjoni rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali; |
— |
huwa kontra l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni tal-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz ta’ interess ġenerali min-naħa tal-Kummissjoni; |
— |
iqis li jeħtieġ ukoll li jitqiesu kriterji oġġettivi oħrajn li a priori jinnewtralizzaw kull riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, bħall-kompetenza territorjali limitata ta’ ċerti operaturi rregolati permezz ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, il-kompetenza tas-suġġett limitata ta’ ċerti operaturi, pubbliċi jew privati, li jinħolqu speċifikament biex jipprovdu servizz pubbliku partikolari f'territorju partikolari u li ma jwettqu l-ebda attività kummerċjali fis-suq, in-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ ċerti intrapriżi soċjali; |
— |
jipproponi lill-Kummissjoni li l-livell limitu speċifikament għall-każ ta’ kumpens għal servizz pubbliku jogħla għal EUR 800 000 fis-sena, biex b'hekk jiġu esklużi mill-ambitu tal-kontrolli tal-għajuna mill-Istat is-servizzi kollha fil-livell lokali, b'mod partikolari dawk imsejsa fuq in-nisġa assoċjattiva lokali u fuq mikrointrapriżi soċjali stabbiliti fil-livell lokali. |
Relatur ġenerali |
Karl-Heinz LAMBERTZ (BE/PSE), Ministru President tal-Komunità tal-lingwa Ġermaniża tal-Belġju |
Dokument ta’ referenza |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali COM(2011) 146 finali |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
1. |
jinsab sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi dibattitu mal-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-pakkett leġislattiv dwar l-għajnuna mill-Istat f'forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku, abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ valutazzjoni tagħha li ġie stabbilit wara konsultazzjoni wiesgħa tal-Istati Membri u ta’ bosta partijiet interessati; |
2. |
iqis li din ir-reviżjoni tirrappreżenta inizjattiva politika importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għaċ-ċittadini għax l-għan tagħha għandu jkun li tiddefinixxi regoli ġodda, ċari u proporzjonati dwar il-konformità tal-metodi ta’ finanzjament tas-servizzi pubbliċi mas-suq intern u, b'hekk, iġġib magħha s-sigurtà u l-prevedibbiltà meħtieġa sabiex jiġu żviluppati s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni u sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet essenzjali taċ-ċittadini Ewropej; |
3. |
jinnota b'interess li r-reviżjoni ta’ dan il-pakkett leġislattiv jidħol fil-qafas tal-għanijiet aktar ġenerali tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi u tas-suq intern, u b'mod partikolari fil-qafas tal-proposta nru 25 tal-“Att dwar Suq Uniku” (1), li tikkonsisti fl-adozzjoni, minn hawn u tmiem l-2011, ta’ komunikazzjoni flimkien ma’ sensiela ta’ miżuri dwar is-servizzi pubbliċi, u li tenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw implimentazzjoni aktar sempliċi, u fil-livell adatt, tas-servizzi pubbliċi, li ser ikollhom jirrispettaw regoli ċari ta’ finanzjament u jkunu tal-aqwa kwalità u tabilħaqq aċċessibbli għal kulħadd; |
4. |
itenni li r-reviżjoni ta’ dan il-pakkett leġislattiv għandha titfassal bl-akbar konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandha tiggarantixxi l-libertà tal-għażla u tal-amministrazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar id-dispożizzjonijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ finanzjament u ta’ tħaddim tal-prerogattivi tagħhom fil-qasam tas-servizz pubbliku, skont id-dispożizzonijiet tal-leġislazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali; |
5. |
isostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom leġittimità partikolari biex jieħdu sehem attiv f'dan il-proċess ta’ reviżjoni tal-pakkett leġislattiv daqskemm joperaw qrib iċ-ċittadin u daqskemm huma involuti ta’ kuljum fit-tfassil, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-provvista tas-servizzi pubbliċi, bi tweġiba għall-bżonnijiet essenzjali, dejjem aktar jinbidlu u dejjem aktar diversifikati, li jesprimu ċ-ċittadini fit-territorji fejn jgħixu, fil-qasam tal-impjiegi, id-djar, it-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kura tat-tfal iż-żgħar kif ukoll tal-anzjani li jkunu tilfu l-awtonomija tagħhom, il-kultura, l-isport, il-passatempi, eċċ.; |
6. |
jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-rwol kruċjali li jaqdu s-servizzi pubbliċi fil-valuri komuni tal-Unjoni, b'konformità mal-Artikolu 14 tat-TFUE. Huwa essenzjali li l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, ikunu jistgħu jiggarantixxu liċ-ċittadini tagħhom servizzi ta’ interess ġenerali b'kundizzjonijiet raġonevoli. Dawn is-servizzi jsaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali, itejbu l-benesseri taċ-ċittadini, jiżguraw funzjoni ta’ ridistribuzzjoni, ta’ ġlieda kontra l-inugwaljanzi u ta’ ġustizzja soċjali u jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tal-Unjoni b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020; f'dan ir-rigward, il-politika Ewropea dwar is-servizzi pubbliċi tiddependi wkoll mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 tat-TFUE; |
7. |
għalhekk ifakkar li l-iżvilupp tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ kwalità għandu jkun prijorità kostanti u orizzontali tal-Kummissjoni; iqis ukoll li l-Kummissjoni jmissha poġġiet enfasi espliċita fuq is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020, peress li huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti; barra minn hekk, jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma xtaqitx tagħmilhom waħda mit-12-il prijorità l-aktar importanti biex jitnieda mill-ġdid is-suq uniku meta fil-fatt hija tagħraf ir-rwol kruċjali tagħhom biex iċ-ċittadini ma jitilfux l-interess fis-suq uniku; |
8. |
japprova l-fehma tal-Kummissjoni meta ssostni li r-riforma attwali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandu jkollha l-ambizjoni li ssaħħaħ il-kontribut ta’ dawn is-servizzi għall-irkupru ekonomiku fl-UE, u għar-restawr tan-nisġa soċjali; |
9. |
ifakkar li llum aktar minn qatt qabel, iċ-ċittadini għandhom bżonn servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ kwalità u aċċessibbli biex jingħelbu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi; għalhekk iqis li t-twettiq tal-programmi ta’ riforma u tal-ġlieda kontra d-defiċits pubbliċi mill-Istati Membri m'għandux iwassal għal restrizzjoni tal-firxa u tal-kwalità tas-servizzi fornuti jew finanzjati fil-qafas tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali; |
10. |
jappella sabiex jiġu adottati dispożizzjonijiet aktar ibbilanċjati u aktar adatti għan-natura tas-servizz pubbliku, għad-dimensjoni lokali, transkonfinali jew Komunitarja tiegħu, għad-diversità tal-metodi ta’ organizzazzjoni tiegħu u tan-nisġa tal-atturi tiegħu, proporzjonati għal-livell effettiv tar-riskju li jkun hemm impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u li jkun hemm distorsjoni reali tal-kompetizzjoni fis-suq intern; |
Ir-reviżjoni tal-pakkett leġislattiv dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tikkunsidra l-innovazzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tas-servizzi pubbliċi
11. |
jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tas-servizzi pubbliċi bħala valuri komuni tal-Unjoni, u b'mod partikolari: livell għoli f'termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti kif ukoll id-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-forniment, il-kummissjonament u l-organizzazzjoni [tas-servizzi pubbliċi]; |
12. |
jenfasizza li l-Artikolu 14 tat-TFUE, li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali tat-Trattat, jagħti bażi legali ġdida lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu, permezz ta’ regolamenti, il-prinċipji u l-kundizzjonijiet, speċjalment dawk ekonomiċi u finanzjarji, li permezz tagħhom is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti partikolari tagħhom; |
13. |
ifakkar lill-Kummissjoni li għandha l-monopolju tad-dritt li tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jimplimentaw il-progress demokratiku ewlieni tat-Trattat ta’ Lisbona inkluż fl-Artikolu 14 tat-TFUE, u li, jekk ma tagħmilx użu minn dan id-dritt, ir-responsabbiltà fil-livell politiku hija kollha tagħha; |
14. |
jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni b'hekk tobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex, abbażi ta’ kawżi konkreti, tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jistħoqqilhom jiġu ċċarati min-naħa tal-leġislatur, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-ispirtu tat-Trattat ta’ Lisbona; |
15. |
ifakkar li l-Protokoll nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali jagħraf kemm in-natura speċifika u d-diversità tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll il-kompetenza prijoritarja tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-provvista, l-eżekuzzjoni, il-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi; |
16. |
madankollu, jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-flessibbiltà kbira li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom b'konformità mat-Trattat ta’ Lisbona tirrikjedi bażi legali fil-qafas tal-leġislazzjoni sekondarja li, fuq il-bażi ta’ għadd ta’ definizzjonijiet, tiggarantixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-aktar applikazzjoni flessibbli tal-liġi tal-kompetizzjoni rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali; |
17. |
ifakkar li, b'konformità mad-dispożizzjonijet tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, l-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi huma soġġetti, b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għar-regoli dwar il-projbizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-kompiti speċifiċi mogħtija lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali; |
18. |
isostni li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kumpens għall-ispejjeż netti involuti fl-eżekuzzjoni tas-servizzi pubbliċi mill-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni tagħhom jiffurmaw kundizzjoni ekonomika u finanzjarja neċessarja għat-twettiq tajjeb tal-kompiti speċifiċi li jingħatawlhom mill-awtoritajiet pubbliċi, aktar u aktar f'dan il-perjodu ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja meta s-servizzi pubbliċi qed jaqdu rwol essenzjal ta’ stabbilizzatur awtomatiku u ta’ protezzjoni tal-aktar ċittadini Ewropej vulnerabbli u b'hekk qed jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-impatt soċjali tal-kriżi; |
L-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi, l-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz pubbliku u l-produttività tas-servizzi pubbliċi fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u baġitarja
19. |
jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn dejjem qagħdu attenti sabiex iwieġbu għall-bżonnijiet taċ-ċittadini fil-livell lokali u għall-iżvilupp ta’ dawn il-bżonnijiet matul iż-żmien u, għal dan il-għan, fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum jagħmlu ħilithom biex jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-fondi pubbliċi sabiex jiggarantixxu l-kwalità, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà u l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi fit-territorju li huma responsabbli għalih; ifakkar ukoll li l-kriżi attwali saħħet din l-esiġenza ta’ effiċjenza li taqa' taħt l-ogħla responsabbiltà politika tagħhom fir-rigward taċ-ċittadini u tal-elettorat; |
20. |
f'dan il-kuntest, jixtieq jenfasizza li l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, permezz tal-mutwalizzazzjoni tal-mezzi, għandu potenzjal qawwi ta’ tkabbir għall-effiċjenza tar-riżorsi pubbliċi u l-modernizzazzjoni tas-servizzi bi tweġiba għall-bżonnijiet il-ġodda taċ-ċittadini fit-territorji; |
21. |
huwa kontra l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni tal-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali min-naħa tal-Kummissjoni; fil-fehma tal-KtR, la l-Artikolu 106 u lanqas deċiżjoni jew direttiva unilaterali tal-Kummissjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għal inizjattiva leġislattiva bħal din; |
22. |
jiddikjara li l-miżura dwar l-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz pubbliku għandha tkun parti minn qafas aktar ġenerali ta’ valutazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi li għandha tintegra indikaturi purament kwalitattivi (l-aċċessibbiltà, il-kontinwità ta’ servizz, id-dewmien fit-tweġibiet, is-sodisfazzjon tal-utenti) u mhux biss ekonomiċi, u li waħidha ma tistax tiġġustifika tnaqqis fil-firxa tas-servizz fornut; |
23. |
isostni biċ-ċar li l-mandat tal-Kummissjoni, bħala awtorità Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni, ma tikkonċerna bl-ebda mod la l-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ kontribut effettiv tas-servizzi pubbliċi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, għat-tkabbir u għall-impjiegi, kunsiderazzjonijiet li jmorru ferm lil hinn mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull kumpens żejjed li għandu mnejn jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern; |
24. |
ifakkar li dan il-mandat esklużiv tal-Kummissjoni, li hija teżerċita taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, għandu biss l-għan li jissorvelja l-konformità tal-kumpens għal servizz pubbliku li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fil-Kawża Altmark u li b'hekk jaqa' taħt is-sistema ta’ projbizzjoni u ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat; |
It-tkomplija tal-proċess imniedi għall-kjarifika tal-kunċetti ewlenin li jwasslu sabiex kumpens għal servizz pubbliku jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat
25. |
jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li l-eżerċizzju ta’ kjarifika tal-kunċetti ewlenin fil-qasam tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-servizzi pubbliċi, li tnieda bosta snin ilu, jitkompla u jiġi uffiċjalizzat, b'mod informali peress li ma jorbotx lill-Kummissjoni, permezz tal-pubblikazzjoni tad-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal relatati mal-mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss (2), mal-Gwida għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (3) u mal-ħolqien ta’ sistema ta’ informazzjoni interattiva dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (4); jitlob lill-Kummissjoni tagħmel formali l-kjarifika tal-kunċetti ewlenin li mhumiex definiti fit-Trattat permezz ta’ proposta għal regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew ibbażata fuq l-Artikolu 14 tat-TFUE u mhux permezz ta’ komunikazzjoni interpretattiva li tinvolvi biss lill-Kummissjoni; |
26. |
jinsab imħasseb dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ definizzjonijiet fil-qasam tas-servizzi pubbliċi kkonsolidati fil-leġislazzjoni tas-suq intern qed iwassal lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-livell tan-negozjati fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) tinkludi minn qabel is-servizzi kollha fin-negozjati mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-ebda speċifiċità tas-servizzi li jaqgħu taħt interess ġenerali; |
27. |
jissuġġerixxi li s-sistema ta’ informazzjoni interattiva dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali tipprevedi wkoll simulatur interattiv li permezz tiegħu l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jivverifikaw il-kategorizzazzjoni tal-għajnuna; |
28. |
iqis li waħda mir-raġunijiet għaliex id-Deċiżjoni tal-2005 tal-Kummissjoni ma tantx ġiet applikata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, barra l-ispejjeż ta’ transazzjoni li ġġib magħha, hija d-diffikultà ta’ traspożizzjoni tar-realtajiet territorjali fil-kunċetti Komunitarji inklużi f'din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk ftit li xejn operattivi ta’ “attività ta’ natura ekonomika”, “impriża”, “impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju”, “vantaġġ ekonomiku”, “mandat”, “impriża medja, amministrata sew u mgħammra b'mod adegwat b'mezzi ta’ trasport” jew “qligħ raġonevoli”; |
29. |
jenfasizza li din id-diffikultà reali ta’ interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tkompli tiżdied minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tagħhom għal tip partikolari ta’ servizz pubbliku mhijiex uniformi iżda tiddependi direttament mill-għażliet ta’ organizzazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt li jvarjaw minn awtorità lokali u reġjonali għall-oħra, inkluż fl-istess Stat Membru; |
30. |
jitlob lill-Kumissjoni sabiex, x'ħin tippreżenta l-abbozz ta’ deċiżjoni riveduta tagħha, tippreżenta reġistru indikattiv Ewropew u mhux vinkolanti tas-servizzi pubbliċi li huma definiti bħala tali mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jipproponi li dan ir-reġistru, li jista' jitfassal b'kollaborazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandu, skont l-għażliet ta’ organizzazzjoni, jispeċifika n-natura ekonomika jew mhux ekonomika tal-attività tagħhom, u li jiġi aġġornat fuq bażi annwali b'mod li juri b'mod konkret lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif għandhom jinftiehmu dawn il-kunċetti, ir-raġunijiet oġġettivi li jwasslu għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala attività ta’ natura ekonomika jew mhux ekonomika u l-iżvilupp ta’ din il-klassifikazzjoni matul iż-żmien; |
31. |
jitlob lill-Kummissjoni sabiex testendi dan l-eżerċizzju ta’ kjarifika għall-valuri komuni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi bħalma huma definiti fit-Trattat ta’ Lisbona, u b'mod partikolari livell għoli f'termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti, kif ukoll il-valur komuni tal-Unjoni ta’ aċċess universali applikat fil-qasam tas-servizzi pubbliċi ta’ natura soċjali; f'dan il-kuntest, jiddispjaċih għall-viżjoni restrittiva żviluppata mill-Kummissjoni f'deċiżjonijiet riċenti fil-qasam tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat allokata lill-organizzazzjonijiet responsabbli mid-djar soċjali f'numru dejjem jikber ta’ Stati Membri, u b'mod partikolari fil-każijiet E 2/2005 u N 642/2009 dwar id-djar soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fihom il-Kummissjoni reġgħet qanqlet il-prinċipju tad-diversità soċjali fid-djar soċjali billi rrikorriet għall-kriterju uniku tad-dħul baxx ħafna; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fil-qafas tar-rikors li qiegħed jiġi ppreżentat attwalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; |
32. |
f'dan ir-rigward, isostni li hija r-resposabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiddefinixxu l-kompiti partikolari allokati lis-servizzi pubbliċi ta’ natura soċjali kif ukoll in-natura u l-kontenut tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li ġejjin minn dawn il-funzjonijiet, u li għaldaqstant il-Kummissjoni m'għandhiex il-kompetenza biex tintervjeni fil-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ dawn is-servizzi soċjali lill-familji benefiċjarji u fl-identifikazzjoni tal-kategoriji ta’ familji li l-bżonnijiet soċjali essenzjali tagħhom mhumiex sodisfatti bis-sempliċi forzi tas-suq; |
33. |
jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fir-riflessjoni tagħha u fil-proposti tagħha għal reviżjoni, tintegra l-forom kollha li jista' jieħu l-kumpens għal servizz pubbliku, b'kunsiderazzjoni tal-poter diskrezzjonarju kbir li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi, inkluż il-kumpens f'forma ta’ għajnuna għall-investiment fit-tul meħtieġ għall-finanzjament tal-infrastruttura lokali ta’ servizz pubbliku (sptarijiet, djar soċjali, ċentri ta’ akkoljenza, ċentri kulturali, eċċ.), sabiex ma tillimitax ir-raġunament tagħha rigward il-kompatibbiltà għas-sempliċi sussidji annwali għall-użu, li jistgħu jintirtu minn sena għall-oħra f'każ ta’ kumpens żejjed u sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ apprezzament tan-nuqqas ta’ kumpens żejjed f'każ ta’ għajnuna għall-investiment fit-tul, b'mod partikolari l-infrastruttura tal-bini u l-proprjetà; |
Il-kwistjoni tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-kumpens żejjed eventwali għandha tinżamm separata minn dik tal-għażla tal-proċedura applikabbli għas-selezzjoni tal-operatur mill-awtorità pubblika inkarigata mill-organizzazzjoni
34. |
jitlob lill-Kummissjoni tifred il-kwistjoni tal-prevenzjoni, il-kontroll u r-rimborż tal-kumpens żejjed eventwali li jaqa' taħt il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u tar-rispett tal-garanzija ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni mill-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kuntrattar u ta’ selezzjoni mill-awtorità pubblika tal-intrapriżi li jistgħu jiġu inkarigati mill-ġestjoni tas-servizz pubbliku u li, skont l-għażla ta’ organizzazzjoni tal-awtorità pubblika, jew jaqgħu taħt il-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, trattament ugwali u trasparenza mnaqqxa fit-Trattat, pereżempju fil-każ ta’ konċessjonijiet ta’ servizz jew għoti ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali, jew inkella jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku; |
35. |
itenni li l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għas-selezzjoni tal-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizz pubbliku huwa biss waħda minn diversi għażliet ta’ organizzazzjoni, li tikkonsisti f'att ta’ akkwist pubbliku ta’ provvista esterna ta’ servizz pubbliku bil-ħlas, u mhux mod esklużiv kif tiġi evitata l-kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat; |
36. |
jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika b'mod ċar li l-eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, b'konformità mar-regoli tal-Unjoni, dejjem teskludi kumpens żejjed skont ir-regolament dwar l-għajnuna mill-Istat; fl-istess waqt, jistqarr li f'ċerti ċirkostanzi sejħa għall-offerti ma tqisx l-evoluzzjoni fit-tul tal-ispejjeż netti tal-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni tas-servizzi, għax il-prezz huwa l-frott ta’ ġlieda għall-poter u ta’ sitwazzjoni tas-suq f'mument. Skont l-istrateġiji tal-penetrazzjoni ta’ ċerti swieq min-naħa tal-operaturi, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-prezz għal kull sejħa għall-offerti jistgħu wkoll jwasslu għal nuqqas ta’ kumpens strutturali li maż-żmien jista' jpoġġi fid-dubju l-prinċipji tal-kontinwità finanzjarja tas-servizz pubbliku u tal-aċċessibbiltà tariffarja tiegħu; |
37. |
josserva li, barra l-ispejjeż żejda ta’ transazzjoni li s-sejħa għall-offerti tinvolvi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, ċerti servizzi pubbliċi mhumiex adattati għar-riġidità tagħha minħabba raġunijiet ta’ tibdil fis-servizz, kontinwità finanzjarja jew ħtieġa ta’ interess ġenerali tal-kontroll tal-intrapriżi permezz ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni fil-każ li jkun hemm asimetrija ta’ informazzjoni bejn l-utent u l-fornitur ta’ servizz, speċjalment biex jitħarsu l-persuni vulnerabbli meta jħabbtu wiċċhom man-neċessità li jissodisfaw bżonnijiet soċjali bażiċi bħas-saħħa, id-djar jew ix-xogħol, għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, jew sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ interess transkonfinali għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi pubbliċi lokali u soċjali; |
38. |
f'dan ir-rigward, jipproponi lill-Kummissjoni li r-reviżjoni tal-pakkett leġislattiv ikun akkumpanjat minn proposta għal komunikazzjoni interpretattiva, f'forma ta’ “sett ta’ għodod” maħsub għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li tispeċifika l-leġislazzjoni applikabbli għad-dispożizzjonijiet differenti ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi pubbliċi: eżekuzzjoni diretta, eżekuzzjoni b'kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-mutwalizzazzjoni tal-mezzi, eżekuzzjoni diretta minn entità interna, akkwist pubbliku ta’ provvista ta’ servizz pubbliku minn operatur estern bil-ħlas, trasferiment tar-riskju marbut mal-operazzjoni lil operatur estern bil-ħlas jew mingħajr ħlas, għoti ta’ drittijiet esklużivi jew drittijiet speċjali f'forma ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni jew inkella appoġġ finanzjaru mogħti għal xi proġett ta’ interess ġenerali li jkun ġej minn inizjattiva ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ; |
39. |
jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemplifikat u ċċarat il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni diretta tas-servizzi u reċentement ukoll dawk relatati mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni tipproponi emenda għal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku sabiex tiġi definita l-ġestjoni diretta adattata għar-realtà tal-awtonomija lokali u l-esiġenza tal-effiċjenza tar-riżorsi pubbliċi fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u baġitarja; |
40. |
ifakkar li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-każ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha potenzjal kbir ta’ effiċjenza ekonomika, l-aħjar użu tar-riżorsi pubbliċi u l-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi bi tweġiba għall-iżvilupp tal-bżonnijiet essenzjali taċ-ċittadini fit-territorji; |
41. |
jitlob lill-Kummissjoni sabiex, b'konformità mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u bejn l-organizzazzjonijiet tal-liġi pubblika titqies bħala deċiżjoni organizzattiva interna ta’ Stat Membru, li mhijiex soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku; |
Tweġiba differenzjata u proporzjonata għall-impatt effettiv fuq il-kummerċ intra-Komunitarju
42. |
jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rieda tagħha li tnaqqas il-piż amministrattiv u baġitarju li jaqa' fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni tas-servizz pubbliku fir-rigward tal-kontrolli regolari ta’ kumpens żejjed, li bħalissa jikkundizzjonaw l-eżenzjoni ta’ notifika u l-kompatibbiltà a priori tal-kumpens għas-servizz pubbliku; |
43. |
jappoġġja l-metodu propost mill-Kummissjoni, b'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit mit-Trattat, li jiddiversifika l-metodi ta’ kontroll tal-kumpens żejjed eventwali, li jagħti risposta aktar adattata għan-natura esklużivament lokali ta’ ċerti servizzi pubbliċi lokali, b'mod partikolari s-servizzi pubbliċi soċjali li, fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, m'għandhom l-ebda impatt jew inkella għandhom riskju baxx ħafna ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, u li jiffoka fuq is-servizzi pubbliċi b'dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali li għandhom impatt aktar sinifikanti fuq is-suq intern minħabba li huma regolati permezz ta’ direttivi settorjali ta’ liberalizzazzjoni jew minħabba l-mod kif inhuma strutturati l-operaturi tagħhom fil-livell Komunitarju jew transkonfinali; |
44. |
f'dan ir-rigward, iqis li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn: 1) is-sitwazzjonijiet fejn il-kumpens għal servizz pubbliku de minimis ma jaffettwax il-kummerċ intra-Komunitarju u b'hekk ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat; 2) il-kumpens li jingħata għal servizzi pubbliċi b'dimensjoni lokali lil hinn mil-livell limitu de minimis iżda li, minħabba karatteristiki proprji ta’ organizzazzjoni u fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, ma jaffettwax il-kummerċ intra-Komunitarju b'mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni; 3) il-kumpens li jingħata għas-servizzi pubbliċi l-oħrajn b'dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali, li huma rregolati permezz ta’ direttivi jew regolamenti settorjali jew li għandhom intrapriżi strutturati fil-livell sopranazzjonali; |
45. |
iqis li jeħtieġ ukoll li jitqiesu kriterji oġġettivi oħrajn li a priori jinnewtralizzaw kull riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ta’ sussidjar reċiproku, bħall-kompetenza territorjali limitata ta’ ċerti operaturi rregolati permezz ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, il-kompetenza tas-suġġett limitata ta’ ċerti operaturi, pubbliċi jew privati, li jinħolqu speċifikament biex jipprovdu servizz pubbliku partikolari f'territorju partikolari u li ma jwettqu l-ebda attività kummerċjali fis-suq, in-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ ċerti intrapriżi soċjali li jerġgħu jinvestu r-riżultati eventwali tagħhom fil-finanzjament tas-servizz pubbliku li huma inkarigati minnu, bi tnaqqis tal-kumpens futur. Dawn il-karatteristiki oġġettivi, marbutin man-natura partikolari tal-operatur u l-pedament lokali tiegħu, jinnewtralizzaw kull riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju; |
46. |
jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fil-qasam tal-kontrolli regolari ta’ kumpens żejjed li bħalissa jikkundizzjonaw l-eżenzjoni ta’ notifika tal-kumpens żejjed għal servizz pubbliku u l-prevenzjoni ta’ dan il-kumpens żejjed eventwali, id-deċiżjoni ssir aktar flessibbli, sabiex ir-responsabbiltà li jiġu definiti l-metodi konkreti ta’ prevenzjoni u r-ritmu tal-kontrolli tingħata lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u li, b'kumpens ta’ dan, ir-rimedji f'każ ta’ kumpens żejjed ippruvat jiġu ssemplifikati għall-intrapriżi; |
47. |
jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċità tas-servizzi pubbliċi lokali u soċjali organizzati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq skala relattivament żgħira u magħluqa u li ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri; jitlob li f'dawn il-każijiet jiġu previsti proċeduri u regoli semplifikati għall-eżenzjoni mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li titqies in-natura lokali u limitata ta’ dawn is-servizzi pubbliċi; partikolarment fir-reġjuni l-aktar iżolati u mbiegħda bħar-reġjuni ultraperiferiċi, il-gżejjer u r-reġjuni tal-muntanja; madankollu, iqis li l-verifika ta’ din in-natura lokali u ċirkoskritta ma tistax tiddependi biss mill-kriterju tal-popolazzjoni iżda trid issir abbażi ta’ għadd ta’ indikaturi li jqisu b'mod partikolari s-sitwazzjoni ġeografika ta’ awtorità u tal-firxa tal-utenti potenzjali tas-servizzi pubbliċi kkonċernati; |
48. |
jinnota li l-ewwel żewġ kriterji tal-Kawża Altmark, jiġifieri l-obbligu li jiġi definit b'mod ċar il-kompitu ta’ servizz pubbliku li l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa inkarigat minnu u li jiġu stabbiliti minn qabel u b'mod oġġettiv u trasparenti l-parametri li abbażi tagħhom jitkejlu l-ħlasijiet ta’ kumpens, iqiegħdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-obbligu li jagħmlu sforz biex ikunu espliċiti dwar il-kompiti ta’ servizz pubbliku; jinnota li l-eżiġenzi relatati mal-mandat m'għandhomx joħolqu obbligi mhux mixtieqa fir-rigward tat-tassazzjoni tal-valur tal-bejgħ; għaldaqstant jitlob li l-kriterji jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva Ewropea dwar il-VAT; |
49. |
iqis li dan l-isforz jista' biss jikkonribwixxi għal aktar trasparenza u aktar responsabbiltà demokratika fil-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi kemm-il darba jkun proporzjonat u raġonevoli, ma jġibx miegħu piż amministrattiv kbir wisq għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-intrapriżi u ma jkunx ta’ ħsara għall-prinċipju li s-servizzi pubbliċi jkunu jistgħu jiġu adattati għall-iżvilupp tal-bżonnijiet kollettivi. Jipproponi lill-Kümmissjoni li, b'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza tat-Trattat u fil-kuntest tal-bżonn li s-servizzi pubbliċi jsiru aktar ċari għaċ-ċittadini, tikkundizzjona kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kumpens għal servizz pubbliku għall-eżistenza ta’ “kuntratt ta’ servizz pubbliku” minflok il-“mandat” fis-seħħ bħalissa li ma tantx hu espliċitu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għaċ-ċittadini; |
Proposti kostruttivi u bilanċjati sabiex, b'konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà stabbiliti mit-Trattat, jiġi ggarantit l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni biċ-ċertezza legali kollha għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-intrapriżi inkarigati minnhom u għaċ-ċittadini li jibbenefikaw minnhom
50. |
jixtieq iwassal lill-Kummissjoni proposti konkreti, kostruttivi u bilanċjati maħsuba biex jissemplifikaw u jiċċaraw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ bħalissa, biex jiggarantixxu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikawhom b'mod effettiv għal finijiet ta’ ċertezza legali u prevedibbiltà legali, liema proposti huma msejsa fuq il-prinċipji tal-proporzjonalità u t-trasparenza tat-Trattat; |
51. |
jipproponi lill-Kummissjoni li l-livell limitu tar-Regolament de minimis (5) ta’ EUR 200 000 għal tliet snin, li fejn ma jintlaħaqx għajnuna pubblika ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat, jogħla speċifikament għall-każ ta’ kumpens għal servizz pubbliku għal EUR 800 000 (6) fis-sena, biex b'hekk jiġu esklużi mill-ambitu tal-kontrolli tal-għajuna mill-Istat is-servizzi kollha fil-livell lokali, b'mod partikolari dawk imsejsa fuq in-nisġa assoċjattiva lokali u fuq mikrointrapriżi soċjali stabbiliti fil-livell lokali speċjalment fil-qasam tal-iżvilupp soċjali lokali, bħall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni, l-animazzjoni lokali, l-iżvilupp ta’ attivitajiet kulturali, sportivi jew soċjali u edukattivi, eċċ. Din il-proposta hija msejsa fuq in-nuqqas ta’ riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ dan it-tip ta’ servizzi pubbliċi fil-livell lokali u fuq l-impossibbiltà materjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jissottomettu dan it-tip ta’ atturi lokali għas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat minħabba d-densità partikolari tan-nisġa tiegħu; |
52. |
jipproponi lill-Kummissjoni li l-kumpens li jaqbeż it-EUR 800 000 fis-sena mogħti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali lil intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi b'dimensjoni lokali, inklużi s-servizzi pubbliċi ta’ natura soċjali, jiddependi minn deċiżjoni ġdida semplifikata ta’ kontabbiltà a priori skont is-sistema tal-għajnuna mill-Istat li, fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, hija msejsa fuq ir-riskju baxx ħafna ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Ir-riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ huwa baxx ħafna kemm minħabba n-natura purament lokali tas-servizz pubbliku, minħabba l-metodu ta’ organizzazzjoni settorjali u b'mod partikolari minħabba l-karatteristiki speċifiċi tal-operaturi tiegħu relatati ma’ dan il-metodu, f'termini ta’ pedament lokali u ta’ nuqqas ta’ dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali; |
53. |
iqis li l-karatteristiki oġġettivi li ġejjin għandhom jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tad-deċiżjoni semplifikata għax, fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, jiggarantixxu riskju baxx ħafna ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju: il-kumpens jingħata minn awtorità lokali u/jew reġjonali, minn grupp ta’ awtoritajiet lokali u/jew reġjonali jew minn kwalunkwe entità inkarigata f'dan ir-rigward minn awtorità lokali u/jew reġjonali; il-kumpens jingħata għall-eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku b'dimensjoni reġjonali jew lokali, li jkun limitat għal territorju partikolari u li jkun jikkorispondi għall-bżonnijiet speċifiċi tal-abitanti ta’ dan it-territorju; il-kumpens jingħata lil intrapriżi li, de jure jew de facto, għandhom kompetenza territorjali limitata ghat-territorju ta’ eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku jew li ma jeżerċitawx attivitajiet oħrajn ta’ natura kummerċjali, maħluqin speċifikament biex jissodisfaw il-bżonnijiet essenzjali jew li jerġgħu jallokaw ir-riżultati eventwali tat-tħaddim tas-servizz pubbliku fil-finanzjament tas-servizz pubbliku bit-tnaqqis ta’ kumpens futur; |
54. |
jipproponi li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tat-Trattat, id-deċiżjoni semplifikata ta’ kompatibbiltà a priori tal-kumpens għal servizz pubbliku b'dimensjoni lokali u/jew reġjonali tinkariga lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-kumpens sabiex jieħdu l-miżuri utli maħsuba biex jipprevjenu, jikkontrollaw u jinnewtralizzaw kull sitwazzjoni ta’ kumpens żejjed eventwali, bil-kunsiderazzjoni tal-fatt li huwa fl-interess dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprevjenu kull sitwazzjoni ta’ kumpens żejjed eventwali. B'kumpens ta’ dan, ir-rimedji f'każ ta’ kumpens żejjed ippruvat għandhom jiġu ssemplifikati; |
55. |
jipproponi li għas-servizzi pubbliċi b'dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali, li huma rregolati permezz ta’ direttivi jew regolamenti Komunitarji, bħar-Regolament dwar l-obbligi tas-servizzi pubbliċi tat-trasport fuq l-art (7), kif ukoll għas-servizzi pubbliċi l-oħrajn li mhumiex irregolati permezz tal-leġislazzjoni Komunitarja iżda li l-karatteristiki tagħhom ma jissodisfawx dawk definiti fid-deċiżjoni semplifikata l-ġdida, speċjalment minħabba l-mod kif l-operaturi huma strutturati fil-livell Komunitarju jew f'dak transkonfinali, il-kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-kumpens għal servizz pubbliku, inklużi l-livell tal-ispejjeż netti tal-eżekuzzjoni tiegħu, l-effiċjenza tal-operaturi u l-qafas eventwali li jirregola l-qligħ raġonevoli, ikunu soġġetti għal approċċ settorjali u mhux orizzontali, adattat għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull servizz pubbliku, u jiġu deċiżi b'kodeċiżjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Sa ma jiġu riveduti d-direttivi jew regolamenti eżistenti u jiġu adottati direttivi jew regolamenti settorjali ġodda, il-qafas Komunitarju fis-seħħ bħalissa għandu jibqa' fis-seħħ filwaqt li jikkunsidra s-semplifikazzjonijiet proposti f'termini ta’ kumpens għal servizz pubbliku de minimis u ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà a priori tas-servizzi pubbliċi b'dimensjoni lokali; |
56. |
jipproponi lill-Kummissjoni li, b'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza stabbilit mit-Trattat u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 106(2) tat-TFUE, l-applikazzjoni ta’ dawn it-tliet dispożizzjonijiet tkun ikkundizzjonata, minn naħa waħda, għall-eżistenza ta’ “kuntratt ta’ servizz pubbliku” (8), jiġifieri ta’ kull att uffiċjali: 1) li jagħraf li l-kompitu mwettaq mill-operatur huwa wieħed ta’ interess ġenerali u li dan il-kompitu jaqa' taħt l-ambitu tal-Artikoli 14 u 106(2) tat-TFUE u tal-Artikolu 2 tal-Protokoll nru 26; 2) li jispeċifika n-natura tal-obbligi partikolari relatati ma’ dan kif ukoll it-territorju kkonċernat; u 3) li jistabbilixxi l-parametri għall-kejl tal-kumpens għal servizz pubbliku mogħti, u min-naħa l-oħra, għall-pubblikazzjoni ta’ dan il-“kuntratt ta’ servizz pubbliku” fil-ĠU tal-UE f'reġistru speċifiku maħluq għal dan il-għan. |
Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Mercedes BRESSO
(1) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Att dwar is-Suq Uniku. Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin. COM(2010) 608 finali.
(2) “Mistoqsijiet li spiss isiru dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 842/2005 tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE dwar Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħtija lil ċerti impriżi inkarigati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna Statali fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku.” Anness għall-Komunikazzjoni dwar “Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid” COM (2007) 725 finali SEC (2007) 1514.
(3) SEC (2010) 1545, 07.12.2010.
(4) http://ec.europa.eu/services_general_interest/index_en.htm
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis.
(6) Dawn jikkorrispondu għal-ispejjeż netti medji ta’ eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali mingħajr qligħ raġonevoli ta’ assoċjazzjoni magħmula minn 20 sa 25 impjegat.
(7) Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70.
(8) Skont it-tifsira tar-Regolament KE nru 1370/2007 msemmi hawn fuq.