Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG0902(01)

    Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-ROM sal-2020 – Konklużjonijiet tal-Kunsill

    ĠU C 258, 2.9.2011, p. 6–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.9.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 258/6


    Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni (1) tar-ROM (2) sal-2020

    Konklużjonijiet tal-Kunsill

    2011/C 258/04

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    WAQT LI JFAKKAR:

    1.

    li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni minn minoranzi, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

    2.

    il-fatt li l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza hija impenn espliċitu tal-Unjoni Ewropea kif imniżżel, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    3.

    li l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b'mod speċifiku jagħti s-setgħa lill-Kunsill biex jieħu azzjoni adatta għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; il-Kunsill eżerċita dawn is-setgħat meta adotta d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

    4.

    fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew (Diċembru 2007 (3) u ta' Ġunju 2008 (4)); fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Inklużjoni tar-Rom (Diċembru 2008 (5)); il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Inklużjoni tar-Rom u l-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom annessi magħhom (Ġunju 2009 (6)); fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Avvanzar tal-Inklużjoni tar-Rom (Ġunju 2010 (7)); fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li jadottaw l-Istrateġija Ewropa 2020 (Ġunju 2010) (8) u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (Frar 2011) (9);

    5.

    fir-Riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar is-Sitwazzjoni tan-nisa Rom fl-Unjoni Ewropea (Ġunju 2006); dwar is-Sitwazzjoni soċjali tar-Rom u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE (Marzu 2009); dwar is-Sitwazzjoni tan-nies Rom fl-Ewropa (Settembru 2010); u dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom (Marzu 2011);

    6.

    fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom fl-Ewropa (10), u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha “Ir-Rom fl-Ewropa: L-Implimentazzjoni tal-Istrumenti u l-Linji ta' Politika tal-Unjoni Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom – Rapport ta' Progress” (11);

    7.

    fis-Summits Ewropej dwar ir-Rom li saru fi Brussell fis-16 ta' Settembru 2008 u f'Córdoba fit-8 ta' April 2010;

    8.

    fl-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom fl-Ewropa (Diċembru 2010);

    9.

    fir-Regolament (UE) Nru 437/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 rigward il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-interventi għall-akkomodazzjoni favur komunitajiet emarġinati (12);

    JENFASIZZA LI:

    10.

    minkejja sforzi fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali biex tiġi avvanzata l-inklużjoni tar-Rom, ħafna Rom għadhom jiffaċċjaw faqar kbir, esklużjoni soċjali profonda, ostakoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, u diskriminazzjoni, li ħafna drabi tfisser aċċess limitat għal edukazzjoni, impjiegi u servizzi ta' kwalità, livelli ta' dħul baxx, kondizzjonijiet ta' akkomodazzjoni soċjali ta' standard baxx, problemi ta' saħħa u aspettattiva ta' għomor iqsar. Din is-sitwazzjoni ma taffettwax biss lir-Rom, iżda għandha wkoll prezz ekonomiku għas-soċjetà b'mod ġenerali, inkluż permezz tal-ħela ta' kapital uman u t-telf fil-produttività;

    11.

    id-daqs u s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-popolazzjoni Rom huma differenti f'kull Stat Membru; għaldaqstant l-approċċi nazzjonali għall-inklużjoni tar-Rom għandhom jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi fil-post, inkluż permezz tal-adozzjoni jew tat-tkomplija tas-segwitu ta' linji ta' politika li jindirizzaw lill-gruppi emarġinati u żvantaġġati, bħar-Rom, f'kuntest usa';

    12.

    l-involviment attiv u l-parteċipazzjoni tar-Rom stess huwa essenzjali għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta' għejxien tagħhom u għall-avvanzar tal-inklużjoni tagħhom;

    13.

    il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari permezz tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni, f'konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri, hija essenzjali biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-komunitajiet emarġinati inkluż ir-Rom;

    14.

    it-titjib tas-sitwazzjoni tar-Rom mhix biss prijorità soċjali urġenti, iżda tista' wkoll issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku fil-perijodu twil; linji ta' politika għall-inklużjoni ta' suċċess ser jikkontribwixxu għall-isforzi tal-Istati Membri biex jiksbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, partikolarment il-miri ewlenin fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali;

    15.

    l-Istati Membri għandhom il-kompetenza primarja għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika li għandhom l-għan li javvanzaw l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom, u l-azzjoni meħuda fil-livell tal-UE għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti u tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-avvanz tal-inklużjoni tar-Rom huwa wkoll preokkupazzjoni u interess komuni tal-Istati Membri u tal-UE, u l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE ġġib valur miżjud sinifikattiv, ittejjeb il-kompetittività, il-produttività u t-tkabbir ekonomiku, kif ukoll il-koeżjoni soċjali;

    16.

    l-aspetti soċjoekonomiċi, u l-aspetti territorjali fejn rilevanti, għandhom iservu bħala l-bażi prinċipali għat-tfassil ta' linji ta' politika għall-inklużjoni tar-Rom f'oqsma ewlenin bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, f'konformità mal-Prinċipju Bażiku Komuni tal-“immirar espliċitu iżda mhux esklussiv” (13) u f'konformità mal-perspettiva tad-drittijiet tal-bniedem. Jistgħu jittieħdu wkoll miżuri speċifiċi bi prevenzjoni jew kumpens għall-iżvantaġġi marbuta mal-oriġini etnika;

    17.

    għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-interessi u d-diffikultajiet tan-nisa u l-bniet Rom, li jiffaċċjaw ir-riskju ta' diskriminazzjoni multipla, u għalhekk jeħtieġ tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru fil-linji ta' politika u l-azzjonijiet kollha għall-avvanz tal-inklużjoni tar-Rom;

    18.

    hemm ħtieġa urġenti li tintemm it-trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali; b'kont meħud ta' dan, jeħtieġ li s-sitwazzjoni tat-tfal Rom tittejjeb mill-aktar età bikrija possibbli sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom. L-edukazzjoni u t-taħriġ, b'attenzjoni speċjali għall-perspettiva tal-ġeneru, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib mal-familji għandhom rwol kruċjali fit-twettiq ta' dan;

    JILQA':

    19.

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom sal-2020 (14), li tistieden lill-Istati Membri biex jadottaw jew jiżviluppaw ulterjorment approċċ komprensiv fir-rigward tal-inklużjoni tar-Rom, u tinkoraġġihom jistabbilixxu għanijiet nazzjonali li jistgħu jinkisbu fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni, kif ukoll biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta' monitoraġġ u jrendu l-fondi eżistenti tal-UE aktar aċċessibbli għall-proġetti għall-inklużjoni tar-Rom, f'konformità mad-daqs u s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-popolazzjoni Rom li tgħix fit-territorji tagħhom u b'kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti;

    JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:

    20.

    biex itejbu s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-Rom billi jfittxu li jkollhom approċċ integrattiv fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, b'kont meħud, fejn ikun il-każ, tal-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Rom, kif ukoll billi jiżguraw aċċess ugwali għal servizzi ta' kwalità, u biex japplikaw approċċ integrat għal dawn il-linji ta' politika u jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi u r-riżorsi disponibbli;

    21.

    biex jistabbilixxu jew ikomplu jaħdmu favur l-għanijiet tagħhom, f'konformità mal-linji ta' politika tal-Istati Membri, fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni bil-ħsieb li jitneħħew il-lakuni bejn il-komunitajiet emarġinati tar-Rom u l-popolazzjoni ġenerali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess indaqs fil-prattika. L-għanijiet jistgħu jiffokaw fuq l-oqsma ta' prijorità li ġejjin, b'attenzjoni partikolari għad-dimensjoni dwar il-ġeneru:

    (a)

    aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, inklużi l-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija, kif ukoll l-edukazzjoni primarja, sekondarja u superjuri, b'referenza partikolari għat-tneħħija tas-segregazzjoni possibbli fl-iskejjel, il-prevenzjoni ta' tluq kmieni mill-iskola u l-iżgurar ta' tranżizzjonijiet b'suċċess mill-iskola għall-impjieg;

    (b)

    aċċess għall-impjiegi, b'referenza partikolari għall-aċċess nondiskriminatorju għas-suq tax-xogħol, kif ukoll linji ta' politika tas-suq tax-xogħol attivi, programmi tas-suq tax-xogħol, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għall-adulti, u appoġġ għal min jaħdem għal rasu;

    (c)

    aċċess għall-kura tas-saħħa, b'referenza partikolari għall-kura tas-saħħa ta' kwalità inkluża l-kura tas-saħħa preventiva u l-edukazzjoni fis-saħħa; u

    (d)

    aċċess għall-akkomodazzjoni, b'referenza partikolari għall-akkomodazzjoni soċjali u l-ħtieġa tal-promozzjoni tad-desegregazzjoni tal-akkomodazzjoni u b'użu sħiħ tal-finanzjament li reċentement sar disponibbli fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (15);

    22.

    biex iħejju, jaġġornaw jew jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-inklużjoni tar-Rom, jew settijiet integrati ta' miżuri ta' politika fil-linji ta' politika tagħhom ta' inklużjoni soċjali usa', għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Rom, sa tmiem l-2011, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom, kif ukoll biex iqisu l-ħtieġa li javvanzaw l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020;

    23.

    biex jimmonitorjaw u jevalwaw b'mod adatt l-impatt tal-istrateġiji ta' inklużjoni tar-Rom jew is-settijiet integrati ta' miżuri msemmijin fil-paragrafu 22;

    24.

    biex jiżguraw, fejn ikun il-każ, li l-fondi disponibbli tal-UE jintużaw f'konformità mal-linji ta' politika nazzjonali, reġjonali u lokali għall-inklużjoni tar-Rom;

    25.

    biex jidentifikaw u jimplimentaw miżuri meħtieġa għat-titjib tal-aċċess għall-fondi tal-UE u jiżguraw l-użu effettiv tagħhom għall-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom, inkluż, pereżempju, il-modifika tal-programmi operattivi, użu akbar tal-assistenza teknika u t-titjib tal-prevedibbiltà tal-finanzjament billi jżidu t-tul ta' żmien tal-proġetti u jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi;

    26.

    biex jippromwovu d-desegregazzjoni fil-linji ta' politika kollha u biex jevitaw li jipproduċu s-segregazzjoni, sabiex din il-problema tingħeleb għaż-żmien fit-tul;

    27.

    biex jaħtru Punt ta' Kuntatt Nazzjonali jew jużaw korp li jeżisti diġà sabiex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-inklużjoni tar-Rom, strateġiji jew settijiet integrati ta' miżuri msemmijin fil-paragrafu 22 u biex irawmu l-iskambju tal-aħjar prattiki u diskussjonijiet dwar approċċi bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tal-linji ta' politika dwar l-inklużjoni tar-Rom;

    28.

    biex jippromwovu l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili Rom u tal-partijiet interessati l-oħrajn kollha, inkluż fil-livelli reġjonali u lokali, f'linji ta' politika għall-avvanz tal-inklużjoni tar-Rom;

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

    29.

    biex tkompli l-ħidma tat-Task Force dwar ir-Rom, sabiex l-inklużjoni tar-Rom tiġi integrata fil-linji ta' politika tal-UE u jiġi vvalutat ir-rwol tal-fondi tal-UE fl-isforzi biex javvanzaw l-inklużjoni tar-Rom, kemm fl-UE kif ukoll fil-kuntest tal-politika dwar it-tkabbir, biex b'hekk trawwem ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki u tikkontribwixxi għad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-użu aktar effettiv tagħhom;

    30.

    biex twettaq monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li hija strument qawwi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika;

    31.

    biex tivvaluta kif adatt is-suċċess tal-linji ta' politika tal-Istati Membri dwar l-inklużjoni tar-Rom f'konformità mal-approċċi rispettivi tagħhom, u fil-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni eżistenti bħall-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni;

    JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI U L-ISTATI MEMBRI, f'kooperazzjoni mill-qrib, u f'konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom:

    32.

    biex jikkunsidraw l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra s-segregazzjoni u l-faqar estrem, kif ukoll il-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għall-komunitajiet emarġinati, inkluż ir-Rom, fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha, inkluż fil-kuntest tal-fondi tal-UE, u abbażi ta' kriterji ċari u verifikabbli;

    33.

    biex jiżguraw li fil-ġejjieni d-diversi fondi disponibbli tal-UE jaħdmu flimkien b'mod aktar integrat u flessibbli, billi jipprovdu qafas adatt għal azzjonijiet integrati u għat-tul għall-avvanz tal-integrazzjoni tar-Rom;

    34.

    biex itejbu l-implimentazzjoni u jsaħħu l-effettività tal-fondi tal-UE użati favur gruppi emarġinati u żvantaġġati inklużi r-Rom, speċjalment permezz tal-valutazzjoni tar-riżultati;

    35.

    fejn ikun il-każ, biex jidentifikaw il-fatturi soċjoekonomiċi prinċipali li jikkaratterizzaw il-konċentrazzjoni territorjali ta' gruppi emarġinati u żvantaġġati inklużi r-Rom sabiex dawn it-territorji jitqiegħdu fuq mappa, u jużaw linji ta' politika rilevanti bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni;

    36.

    biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati rilevanti sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim reċiproku dwar linji ta' politika bbażati fuq l-evidenza u metodi ta' suċċess, inkluż bl-estensjoni tan-netwerks u t-titjib tal-inizjattivi eżistenti bħan-Netwerk tar-Rom tal-UE u l-avvenimenti ta' livell għoli organizzati mill-Kummissjoni;

    37.

    biex isaħħu r-rwol tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Rom, biex b'hekk jiġu intensifikati l-iskambju tal-aħjar prattiki u d-diskussjonijiet dwar il-linji ta' politika nazzjonali bejn l-Istati Membri u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; biex isaħħu r-rwol tal-Kummissjoni fit-tħejjija u t-t-tmexxija tal-Pjattaforma kif ukoll biex jiżguraw il-kontinwità tagħha; u biex jiżguraw li r-riżultati tagħha jintużaw fl-iżviluppi tal-politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

    38.

    biex jagħmlu użu mill-esperjenza ta' organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa (16) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa kif ukoll ta' inizjattivi internazzjonali bħad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Rom 2005-2015;

    39.

    biex javvanzaw l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Rom billi jiġu ggarantiti d-drittijiet legali tagħhom speċjalment dawk tal-vittmi Rom tat-traffikar tal-bnedmin, billi jintensifikaw il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin bl-użu sħiħ tal-istrumenti disponibbli fil-livell tal-UE, inkluża d-Direttiva 2011/36/UE adottata reċentement (17);

    40.

    biex irawmu bidliet pożittivi fl-attitudnijiet lejn ir-Rom billi jtejbu l-kuxjenza pubblika dwar il-kultura u l-identità tar-Rom u jiġġieldu kontra l-isterjotipi, il-ksenofobija u r-razziżmu;

    41.

    biex jippromwovu l-għoti ta' setgħa, l-involviment attiv u l-parteċipazzjoni neċessarja tar-Rom infushom fil-livelli kollha tal-iżvilupp tal-politika, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta' miżuri, inkluż billi titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, kif ukoll biex jikkonsolidaw il-kapaċità tal-NGOs tar-Rom u jinkoraġġixxu l-involviment aħjar tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati l-oħrajn kollha.


    (1)  Għall-finijiet tal-konklużjonijiet attwali tal-Kunsill, kemm “integrazzjoni” kif ukoll “inklużjoni” jirreferu għal miżuri biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Rom li jgħixu fit-territorji tal-Istati Membri.

    (2)  It-terminu “Rom” jintuża f'konformità mad-definizzjoni li tinsab fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (8727/11, nota 1 f'qiegħ il-paġna).

    (3)  16616/1/07 REV 1.

    (4)  11018/1/08 REV 1.

    (5)  15976/1/08 REV 1.

    (6)  10394/09 + COR 1.

    (7)  10058/10 + COR 1.

    (8)  EUCO 13/1/10 REV 1.

    (9)  6738/11.

    (10)  8439/10.

    (11)  8439/10 ADD 1.

    (12)  ĠU L 132, 29.5.2010, p. 1.

    (13)  Prinċipju Bażiku Komuni 2.

    (14)  8727/11.

    (15)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 12.

    (16)  Ara, b'mod partikolari, “the Strasbourg Declaration on Rom”: https://wcd.coe.int/wcd/ViewDoc.jsp?id=1691607&Site=CM

    (17)  ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.


    Top