Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1005

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali” COM(2010) 487 finali

    ĠU C 248, 25.8.2011, p. 144–148 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 248/144


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali”

    COM(2010) 487 finali

    2011/C 248/25

    Relatur: is-Sur Eugen Mircea BURADA

    Nhar l-24 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali

    COM(2010)487 finali.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastrutturi u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Mejju 2011.

    Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 142 voti favur, vot 1 kontra u 9 astensjonijiet.

    Motto

    L-Ewropa għandha tkun attur dinji u fl-ebda każ m’għandha tkun sottokuntrattur tal-globalizzazzjoni (1)

    PREAMBOLU

    Fil-qalba tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura, iċ-ċinema Ewropea għandha rwol importanti fit-trawwim tal-identitajiet Ewropej.

    Din il-frażi li tidher fil-bidu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija dikjarazzjoni ta’ intenzjoni b’saħħitha, li tenfasizza mill-ewwel id-dimensjoni reali tas-suġġett filwaqt li tiġbed l-attenzjoni għall-importanza kbira tiegħu biex tintlaħaq b’suċċess il-mira tal-Unjoni Ewropea, kif immaġinata u stabbilita mill-fundaturi tagħha. Il-kultura bil-komponenti kollha tagħha, u b’mod partikolari, fil-każ inkwistjoni, iċ-ċinema, hija l-mezz prinċipali ta’ promozzjoni tal-komunikazzjoni, tas-solidarjetà, tad-demokrazija u fuq kollox tal-koeżjoni Ewropea. Iċ-ċinema, li hi l-veru Holy Grail (Sangral) tal-ħajja, għandha tiġi protetta u kkunsidrata b’interess politiku u strateġiku kbir. Iċ-ċinema diġitali toffri opportunità, mhux ta’ min jitlifha, li ċ-ċinema Ewropea tingħata r-rwol prinċipali ta’ komunikatur traxxendentali tal-ideat, kif ukoll ċans uniku għall-Unjoni Ewropea, li għalhekk għandu jinħataf, biex din tattrezza ruħha bl-istrumenti meħtieġa biex tiġi garantita l-koeżjoni fl-UE permezz tat-trawwim tal-identitajiet Ewropej. Fir-realtà, huma biss l-arti inġenerali u l-arti ċinematografika b’mod partikolari li jistgħu jwettqu din l-ambizzjoni. F’termini ekonomiċi, dan il-proċess kollu jeħtieġ BAĠIT, jiġifieri sforz finanzjarju kbir, li mingħajru l-ġejjieni tal-Unjoni, verament torri ta’ Babel b’27 valenza, ikun fil-periklu li jiġi kompromess mill-karatteristiċi tal-identitajiet tal-Istati Membri differenti tagħha.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Dan is-suġġett li qed nittrattaw jikkostitwixxi kwistjoni kumplessa, sensittiva u serja, iżda fl-istess ħin hija wkoll, u fuq kollox, politika:

    KUMPLESSA, minħabba l-pluralità kulturali tal-identitajiet Ewropej;

    SENSITTIVA, minħabba li kull Stat Membru, kburi bir-rikkezzi u bil-varjetà tal-patrimonju ċinematografiku nazzjonali tiegħu, se jikkunsidra din il-fażi ġdida b’kawtela kbira, jew saħansitra b’xettiċiżmu;

    SERJA, minħabba n-nuqqas ta’ strateġija reali fil-livell Ewropew u ta’ previżjoni tar-riżultati, liema nuqqas jista’ fil-futur jipperikola l-isforzi ta’ tisħiħ tal-UE permezz tat-trawwim u tal-armonizzazzjoni tal-identitajiet Ewropej;

    POLITIKA: iċ-ċinema, simbolu kulturali per eċċellenza, bdiet bħala mezz ta’ divertiment, u biż-żmien kisbet importanza ġdida u ta’ natura varja: bħala appoġġ morali, bħala strument ta’ komunikazzjoni, bħala impronta storika u sottili, bħala strument ta’ propoganda, eċċ.

    1.2   Il-Kumitat jirrakkomanda lill dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u li huma kkonċernati dwar il-futur ta’ dan il-proġett uniku fid-dinja biex jaġixxu bi prudenza u jevitaw li jaqgħu fin-nassa tal-paraguni kulturali negattivi ttimbrati fi mħuħ in-nies, riflessi fi frażijiet bħal “iċ-ċinema Amerikana hija suprema”, “l-ispettaturi jippreferu l-produzzjonijiet Amerikani”, eċċ. Il-kompetizzjoni għandha tkun doża ta’ adrenalina injettata fiċ-ċinema diġitali Ewropea. L-ispettaturi jogħġobhom il-fatt li wieħed jikkomunika magħhom, isaħħarhom, jikkonvinċihom, joffrilhom spettaklu, jistedinhom fi swali fejn jidħlu bl-opinjonijiet personali tagħhom u minn fejn joħorġu b’ideat trażmessi lilhom fuq l-iskrin. Huma affarijiet bħal dawn li jwasslu għas-suċċess. Għaldaqstant, huwa rrakkomandat li jsiru l-isforzi kollha li hemm bżonn (fiduċja, determinazzjoni, ambizzjoni Ewropea) biex jinstabu l-mezzi u l-fondi meħtieġa bl-għan preċiż li jiġi żgurat is-suċċess ta’ dan l-strument politiku u kulturali – li mingħajr dubju huwa wieħed mill-pilastri għas-suċċess fil-kisba tal-mira tal-integrazzjoni Ewropea.

    1.3   Minħabba li din ir-rivoluzzjoni diġitali reali taċ-ċinema Ewropea se twassal għal bidliet fil-programmi, fl-istandards u fir-regolamenti, se tiġi rrivoluzzjonata b’mod partikolari r-rutina trankwilla ta’ diversi partijiet interessati ta’ dan is-settur billi din se timponi fuqhom qafas ta’ xogħol ġdid, ritmu ta’ ħajja ġdid u fuq kollox baġit ikbar. Hija tikkostitwixxi sfida ġdida li madankollu hija akkumpanjata mir-risjku li jisparixxu numru ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, kif inhu spjegat tajjeb ħafna fid-dokument tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jistieden u jappoġġja kull intervent utli min-naħa tal-Unjoni Ewropea, u jqis li bilfors jeħtieġ isir sforz biex jinżammu miftuħin is-swali ż-żgħar taż-żoni rurali, bħalma jinżammu dawk fil-bliet il-kbar, peress li huma tant importanti għall-koeżjoni soċjali kif ukoll għas-settur speċjalizzat taċ-ċinema tal-films “art-house”.

    1.4   Iċ-ċinema diġitali – pass ġgantesk tal-innovazzjoni, fattur obbligatorju għall-ġejjieni tal-Unjoni, komponent ewlieni tal-kultura Ewropea, pont sod bejn il-popli u l-kulturi tal-Unjoni billi permezz tagħha dawn ikunu jistgħu jiltaqgħu, isiru jafu lil xulxin aħjar, jiskopru lil xulxin, u forsi, jekk ikun il-każ, jirrealizzaw li jistgħu jgħixu flimkien, billi jħarsu lejn xulxin b’mod intelliġenti, b’rispett, u għaliex le b’ammirazzjoni – toħloq ambjent iktar konvivjali, iktar kompetittiv u inqas stravaganti.

    1.5   Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien, fil-livell Ewropew, ta’ qafas legali ċar u stabbli li jippermetti li l-Istati Membri jagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex jattiraw lura l-miljuni ta’ spettaturi li abbandunaw is-swali taċ-ċinema. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut aspett primordjali: illum il-ġurnata, li wieħed imur iċ-ċinema jara film sar lussu filwaqt li l-fatt li wieħed jara DVD permezz ta’ tagħmir ċinematografiku domestiku (bi skrin plażma, li huwa indispensabbli) sar xi ħaġa ta’ kuljum.

    1.6   Għandna nittrattaw din il-kwistjoni billi nżommu f’moħħna li l-ICT – it-teknoloġiji l-ġodda, l-informazzjoni f’ħin reali u l-komunikazzjoni diretta mingħajr ostakli lingwistiċi – huma estremament vantaġġużi biex jiġu diffużi mingħajr ostakoli u bi prezzijiet baxxi d-diversi valuri kulturali u kreattivi tal-Ewropa. Fl-istess ħin, huma joffru aċċessibilità kbira għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew fis-smigħ.

    1.7   Madankollu, ma tista’ tintlaħaq l-ebda stabbiltà jew sostenibbiltà jekk l-Unjoni Ewropea ma tipprovdix il-mezzi finanzjarji li huma indispensabbli biex dan il-proġett multikulturali uniku fid-dinja jiġi implimentat u appoġġjat adegwatament. Mingħajr dubju ta’ xejn, il-ġestjoni ħażina ta’ dan il-programm tinvolvi spejjeż kbar għas-swali ż-żgħar taċ-ċinema, għal ċerti kategoriji ta’ professjonisti fis-settur u b’mod partikolari għall-ispettaturi, li huma l-mira prinċipali tagħna. Filwaqt li nżommu f’rasna li ma jistax ikun hemm approċċ uniku ta’ appoġġ pubbliku għal kull pajjiż u reġjun fl-Ewropa, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament suffiċjenti għad-diġitalizzazzjoni ta’ swali żgħar taċ-ċinema, b’mod speċjali f’żoni rurali kif ukoll fil-bliet il-kbar. Għandhom jintużaw il-fondi strutturali, għandu jiġi żgurat kofinanzjament nazzjonali adegwat, u għandha tingħata prijorità għall-fatt li l-Fond ta’ Garanzija ta’ Produzzjoni tal-MEDIA jsir aktar aċċessibbli għall-eżibituri. Madankollu, ma jistax ikun hemm għajnuna pubblika mhux differenzjata, li tkun valida għall-pajjiżi kollha u għar-reġjuni kollha tal-Ewropa, u kull pajjiż jew reġjun għandu jkollu l-libertà li jistabbilixxi sistema li tkun vantaġġuża għas-swieq attwali.

    1.8   Huwa rrakkomandat li tinħataf din l-okkażjoni tat-tranżizzjoni għat-teknoloġija diġitali, li żgur se sseħħ fis-snin li ġejjin, biex jiġu ddiġitalizzati l-arkivji ċinematografiċi, kemm jekk huma dokumentarji, immaġni mill-arkivji jew films klassiċi, biex il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni ma jkunux imċaħħdin minn din il-minjiera tad-deheb li tikkostitwixxi ċ-ċinema Ewropea u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawn il-produzzjonijiet.

    1.9   Din il-komunikazzjoni tiffoka mill-qrib fuq id-diġitalizzazzjoni tas-swali iktar milli fuq iċ-ċinema Ewropea u l-politika awdjoviżiva f’dinja diġitali. Id-diġitalizzazzjoni hija proċess kumpless, ħafna ikbar mis-sempliċi sostituzzjoni tat-tagħmir. Approċċ iktar integrat, li ma jikkunsidrax biss l-aspetti teknoloġiċi u industrijali iżda wkoll it-tħassib u l-objettivi kulturali – il-kreazzjoni – se jkun meħtieġ biex iċ-ċinema Ewropea ssir element strateġiku ewlieni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. L-aċċess għaċ-ċinema diġitali, bħala rikreazzjoni jew informazzjoni, għandu jkun parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Iċ-ċinema diġitali hija ċinema li tuża t-teknoloġija diġitali għad-distribuzzjoni u l-projezzjoni tal-films fis-sala. It-teknoloġija diġitali tinkludi: ir-reġistrazzjoni diġitali, il-postproduzzjoni diġitali, it-twettiq ta’ master diġitali (DCDM – Digital Cinema Distribution Master jew Master ta’ Distribuzzjoni għaċ-Ċinema Diġitali), il-projezzjoni diġitali tal-films (DCI), li tista’ titwettaq fuq żewġ livelli ta’ riżoluzzjoni: 2K u 4K. Is-sistema taċ-ċinema diġitali għandha tiżgura lealtà massima lejn l-istampa u l-ħoss.

    2.2   Id-distribuzzjoni tal-films f’format diġitali tippermetti li d-distributuri tal-films jiffrankaw ħafna flus. 80 minuta distribwiti fuq pellikola klassika jiswew bejn 1 500 u 2 500 dollaru. Dawn iċ-ċifri, multiplikati b’miljuni ta’ kopji, jammontaw għal somma astronomika. F’format diġitali, b’massimu ta’ 250 Mb fis-sekonda, film standard jista’ jiġi ssejvjat fuq ħardisk li jieħu biss 300 Gb bi prezz ferm baxx, apparti l-fatt li oġġett f’format diġitali faċilment jiġi mmaniġġjat, issejvjat u trasportat, u barra minn hekk jista’ jerġa’ jintuża (sors: Wikipedia).

    2.3   Id-diffużjoni f’format diġitali (iċ-ċinema diġitali) ma tistax teżisti mingħajr il-produzzjoni tal-films, liema produzzjoni għadha lura f’dak li jirrigwarda s-sostituzzjoni, b’sistema diġitali, tal-apparat li bih jinġibdu l-films. Jeħtieġ li jsir sforz finanzjarju speċifiku għall-irkupru tad-dewmien akkumulat, kif ukoll biex isir progress malajr fir-rigward tal-kompetizzjoni.

    Illum il-ġurnata ninsabu f’sitwazzjoni pjuttost paradossali, fis-sens li qed nippruvaw noħolqu netwerk taċ-ċinema diġitali filwaqt li l-maġġoranza tal-produtturi tal-films għadhom jużaw il-pellikola bħala mezz għax-xandir tal-films tagħhom.

    L-istess ħaġa tiġri fil-qasam tal-films 3D, fejn fil-maġġoranza tad-drabi d-distributuri jew l-operaturi jiċċarġjaw liċ-ċittadini Ewropej ftit euro iktar fuq kull biljett biex jaraw imitazzjoni fqira u nieqsa mill-kwalitajiet meħtieġa skont l-istandards tad-diġitalizzazzjoni. Ladarba l-master diġitali ma jiġix iffilmjat b’mod diġitali, ma jistax ikun hemm projezzjoni ġenwinament diġitali. Pereżempju, il-film Avatar ġie ffilmjat bit-teknoloġija 3D, u dan jispjega wkoll għalfejn attira miljuni ta’ spettaturi.

    3.   Il-prerekwiżiti

    3.1   Il-komunikazzjoni tikkunsidra bosta kunċetti ewlenin li jippromovu żona kulturali Ewropea komuni, li jibdew mill-prinċipju li l-proċess tad-diġitalizzazzjoni għandu jseħħ kif deskritt u għandu jkollu l-appoġġ finanzjarju indispensabbli.

    3.1.1   L-AĠENDA EWROPEA GĦALL-KULTURA hija involuta fl-ogħla livell fir-rigward tal-promozzjoni taċ-ċinema Ewropea bħala katalista għat-trawwim tal-identitajiet Ewropej u għat-tqarrib tal-kulturi differenti tal-Unjoni.

    3.1.2   L-ISTRATEĠIJA DIĠITALI GĦALL-EWROPA hija waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fi ħdan suq diġitali uniku.

    3.1.3   Is-suq uniku huwa l-fulkru li, minkejja d-diffikultajiet kollha, jiżgura l-moviment ħieles, permezz tal-fruntieri interni tal-Unjoni, tal-kontenut kulturali, tar-relazzjonijiet soċjali u tas-servizzi kummerċjali, billi jippermetti li ċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tal-era diġitali bis-saħħa tal-ħolqien ta’ suq diġitali uniku.

    3.1.4   Il-Konvenzjoni tal-UNESCO, irratifikata mill-Unjoni Ewropea fl-2006, tipproponi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u hija estremament utli biex jiġu identifikati l-azzjonijiet indispensabbli; ambizzjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tikkonkretizza fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tas-swali taċ-ċinema.

    3.1.5   Il-Green Paper “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”. Minbarra l-kontribuzzjoni diretta tagħhom lill-PDG, l-industriji kreattivi u kulturali huma wkoll katalisti importanti tal-innovazzjoni ekonomika u soċjali f’ħafna setturi oħrajn.

    3.1.6   Il-programm MEDIA 2007 huwa programm vast li jinkludi wkoll komponent ta’ taħriġ għall-professjonisti fl-industrija awdjoviżiva Ewropea. L-għan tiegħu huwa li jgħin lill-persuni li jaħdmu f’dan is-settur jadattaw ruħhom għad-dimensjoni Ewropea u internazzjonali tas-suq awdjoviżiv, billi jippromovi t-taħriġ kontinwu u l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda.

    3.1.7   Il-finanzjament għad-diġitalizzazzjoni tas-swali taċ-ċinema, b’mod partikolari dawk fiż-żoni rurali, huwa nieqes u jeħtieġ li dan jiġi pprovdut permezz tal-fondi strutturali, kofinanzjament nazzjonali adegwat u billi l-Fond ta’ Garanzija ta’ Produzzjoni tal-MEDIA jsir aktar aċċessibbli għall-eżibituri.

    4.   Analiżi tas-sitwazzjoni

    4.1   Ir-rivoluzzjoni diġitali tqajjem kwistjonijiet politiċi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej:

    il-kompetittività u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej;

    il-pluraliżmu u d-diversità lingwistika u kulturali.

    Mingħajr dubju ta’ xejn dawn il-problemi għandhom jiġu analizzati u solvuti b’mod uniformi u ugwali mill-atturi kollha tal-UE.

    4.2   Għandu jiġi osservat li fil-livell tal-għajnuniet mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, sal-lum l-appoġġ finanzjarju kien riżervat għall-ħolqien u l-produzzjonijiet ċinematografiċi, għażla li fl-opinjoni tagħna hija ammirevoli u assolutament indispensabbli għall-promozzjoni tal-kultura ċinematografika fl-Istati Membri differenti, bil-kundizzjoni li jaqilbu għall-produzzjoni diġitali.

    4.3   Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita għajnuna finanzjarja supplimentari kemm biex isir kopji ta’ referenza (masters) kif ukoll biex jiġu installati skrins diġitali, biex b’hekk numru ikbar ta’ spettaturi jkunu jistgħu jaraw dawn il-films, bil-kundizzjoni li jiġi ffinanzjat iċ-ċaqliq tal-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-bidla fit-teknoloġija.

    4.4   It-test iqajjem il-kwistjoni tal-involviment fuq skala kbira tad-distributuri u l-operaturi tas-swali, liema involviment huwa indispensabbli biex tiġi garantita ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u biex tiġi żgurata d-diversità taċ-ċinema Ewropea. Il-fatt li d-distributuri jkunu wkoll il-produtturi tal-film m’għandux ikun problema, sakemm il-prezz tal-biljett tad-dħul ma jkunx eċċessiv. Għandu jiġi sfruttat l-interess kummerċjali tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċinema diġitali nazzjonali jew Ewropea.

    4.5   Fir-rebbiegħa tal-2008, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri nedew inizjattiva fit-tul billi ħolqu grupp ta’ esperti dwar iċ-ċinema diġitali. Id-diskussjonijiet taw prominenza lill-ħtieġa ta’ alternattiva għall-mudell VPF (Virtual Print Fee) eżistenti, billi fost l-oħrajn enfasizzaw li biex tiġi żgurata d-diġitalizzazzjoni jeħtieġ li tingħata għajnuna pubblika nazzjonali u li jingħata appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea.

    4.6   L-“investituri indermedjarji” jiffinanzjaw bil-quddiem it-tagħmir diġitali kollu għas-swali taċ-ċinema. Id-distributur għandu l-obbligu li, mill-ewwel projezzjoni, jirrimborża l-finanzjament – it-taxxa VPF – liema flus jintużaw biex jinxtara t-tagħmir diġitali.

    4.7   Għalkemm il-komunikazzjoni tipprovdi xi eżempji ta’ finanzjament li jwassluna biex naħsbu li d-diġitalizzazzjoni miexja fit-triq it-tajba, xorta għad m’għandniex stampa ċara tal-progress tagħha, tal-effiċjenza tagħha, tal-istabbiltà tat-tagħmir u fuq kollox tal-kobor ta’ dan in-netwerk wiesa’ ta’ swali taċ-ċinema diġitali, wieħed mill-pilastri għat-twettiq tas-suq uniku li għandu l-għan li jiggarantixxi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

    4.8   Il-konsultazzjoni pubblika li l-Kummissjoni Ewropea bdiet fis-16 ta’ Ottubru 2009 dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali ġġenerat iktar minn 300 tweġiba minn eżibituri, distributuri, produtturi, aġenti tal-bejgħ, aġenziji tal-films, aġenziji professjonisti u kumpaniji tas-servizzi diġitali.

    4.9   Il-Kumitat huwa tal-fehma li jekk irridu nilħqu din il-mira, dan il-proċess kontinwu ta’ sorveljanza għandu jiġi adattat għad-diversità kbira tal-kontenut kulturali Ewropew.

    4.10   Matul is-snin, iċ-ċinema kellha tiffaċċja ħafna sfidi: il-films muti, is-sistema Technicolor, is-sistema tad-Dolby Sound, eċċ. L-isfida l-kbira tal-epoka attwali hija r-rivoluzzjoni diġitali.

    4.11   Il-Kumitat jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni toħloq ukoll sfidi tekniċi u finanzjarji kbar relatati mal-ħżin, mal-preservazzjoni fit-tul u mal-aċċess, liema sfidi mhumiex diskussi fil-komunikazzjoni. Ma jeżisti l-ebda pjan fit-tul għall-ħżin diġitali, u l-ebda metodu li l-effiċjenza tiegħu hija evidenzjata għall-ħżin tal-kontenut diġitali fit-tul biex ikunu jista’ jintuża iktar tard. Midja li tiġi ssejvjata b’mod diġitali ddum isservi inqas minn dik issejvjata fuq film, l-ispejjeż iġġenerati huma ferm ogħla u l-kontenut diġitali jesperjenza tkabbir ġeometriku. Fl-istess ħin, hemm ukoll il-kwistjonijiet tal-aċċess, tal-oriġinalità u tal-awtentiċità.

    4.12   Il-Kumitat jirrakkomanda li dawn l-isfidi jiġu indirizzati billi tiġi organizzata kooperazzjoni fil-livell settorjali, li fiha jieħdu sehem il-partijiet interessati kollha biex b’hekk jiġu stabbiliti sistemi ta’ ħżin u ta’ arkivjar adegwati, jiġu definiti standards komuni u jittieħdu deċiżjonijiet dwar finanzjament stabbli u affidabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar qafas koerenti ta’ ħżin u arkivjar diġitali jirrigwardaw b’mod partikolari l-aċċess ġarantit għal perjodu ta’ 100 sena, il-miżuri biex jiġu evitati perjodi twal ta’ nuqqasijiet jew diffikultajiet finanzjarji, il-kapaċità li jiġu prodotti kopji biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet futuri tad-distribuzzjoni, il-kwistjoni dwar kwalità tal-immaġni u tal-ħoss li tkun tajba daqs l-oriġinal jew aħjar, kif ukoll il-protezzjoni mid-dipendenza fir-rigward ta’ pjattaformi teknoloġiċi instabbli.

    4.13   L-istess komunikazzjoni tinsisti fuq vantaġġ li toffri d-distribuzzjoni diġitali: dak li tiżgura s-sopravivenza tal-arkivji ċinematografiċi u, sussegwentement, dak tad-distribuzzjoni fuq skala kbira tal-films klassiċi li inkella jintesew minħabba teknoloġija li m’għadhiex tintuża.

    4.14   Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni tippermetti li jitnaqqsu b’mod konsiderevoli l-ispejjeż fil-fażijiet tal-produzzjoni u tal-postproduzzjoni. Għalhekk, master diġitali (DSM, Digital Source Master) jista’ jintuża f’oqsma differenti: fiċ-ċinema, fil-“videos on demand” (VOD), fid-DVDs, fit-televiżjoni diġitali.

    4.15   Id-distribuzzjoni diġitali toffri wkoll possibilità oħra ta’ importanza ewlenija: hija tnaqqas l-ostakoli kkawżati minn fruntieri fiżiċi, kulturali iżda fuq kollox minn dawk lingwistiċi sempliċement billi tippreżenta l-film oriġinali tradott fil-lingwa tal-pajjiż li fih se jintwera. Barra minn hekk, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed jiżdiedu d-DVDs b’sottotitoli f’lingwi differenti.

    4.16   Din il-proċedura diġitali tippermetti wkoll li d-direttur ta’ film jikkontrolla sal-aħħar mument il-kwalità tal-master diġitali (immaġni, effetti speċjali, dawl, mużika, effetti tal-ħoss, eċċ.)

    4.17   Il-Kumitat jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jħeġġu lill-Istati Membri jappoġġjaw il-produzzjoni ċinematografika tagħhom biex japprofittaw minn din il-possibilità offruta mid-distribuzzjoni diġitali u biex jidħlu għall-isfida li jiggarantixxu, permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom f’din ir-rivoluzzjoni diġitali, futur ċert għal ċinema diġitali li permezz tagħha d-diversità multikulturali titqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini tal-UE.

    4.18   Il-KESE jinsisti fuq il-potenzjal ta’ impjieg f’dan is-settur u fuq l-ispeċifiċità tal-karigi li joffri. Huwa essenzjali li mil-lum ninvestu fir-riżorsi umani biex niżguraw diffużjoni b’suċċess taċ-ċinema diġitali fl-Ewropa li għandha tiżgura l-kwalità u l-ispeċifiċità futuri tal-industrija ċinematografika Ewropea. Huwa importanti wkoll li kemm jista’ jkun titnaqqas l-ispiża soċjali għat-tranżizzjoni diġitali (pereżempju permezz ta’ taħriġ adegwat u miżuri ta’ sostituzzjoni), bħalma huma l-għoti tas-sensji lill-projezzjonisti u/jew lit-tekniki tal-laboratorji ċinematografiċi.

    4.19   Id-deċiżjoni MEDIA 2007, fl-Artikolu 3(1)(c) tagħha, tipprevedi taħriġ professjonali li jikkunsidra mill-bidu nett it-teknoloġiji diġitali għall-produzzjoni, il-postproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-arkivjar tal-programmi awdjoviżivi Ewropej. Il-programm MEDIA 2007 għandu jiġi rivedut u estiż biex l-eżiġenzi l-ġodda, minbarra dawk diġà definiti, jingħataw prijorità u jiġu ssodisfati.

    4.20   Il-programm MEDIA 2007 jappoġġja wkoll l-aspett l-ieħor taċ-ċinema diġitali, id-distribuzzjoni u d-diffużjoni (l-Artikolu 5).

    4.21   L-għajnuniet mill-Istat, allokati f’konformità mal-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE, jikkostitwixxu sors ieħor ta’ finanzjament. L-eżempji huma pjuttost numerużi, hekk kif wieħed jista’ jifhem mill-kuntest.

    4.22   Standardizzazzjoni: fl-2002, sitt studji Amerikani kbar stabbilixxew sensiela ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi apposta għad-diġitalizzazzjoni: l-Inizjattiva taċ-Ċinema Diġitali (DCI).

    4.23   Dawn l-ispeċifikazzjonijiet DCI ġew ippubblikati fl-2005 mis-Society of Motion Picture and Television Engineers (SMPTE) qabel ma ġew konvertiti fi standards għaċ-ċinema diġitali u adottati bħala standards internazzjonali mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO). Fl-2011, il-Kummissjoni qed tipproponi li tadotta rakkomandazzjoni, mistennija b’ħafna interess, dwar il-promozzjoni ta’ regoli Ewropej speċifiċi għaċ-ċinema diġitali Ewropew.

    4.24   Fl-Ewropa l-persentaġġ tal-produzzjonijiet ċinematografiċi ffilmjati diġitalment u ta’ postproduzzjonijiet li jsiru b’mod diġitali, meta mqabbel ma’ dak tal-Istati Uniti, huwa tassew dgħajjef. F’dan ir-rigward għadna lura ħafna meta nqabblu lilna nfusna ma’ dan il-kompetitur kbir. Eżempju ċar: mill-films diġitali kollha li ġew prodotti fi Franza (30 film fl-2007,50 fl-2008), 35 kienu produzzjonijiet li saru fl-Amerka ta’ Fuq, 10 kienu produzzjonijiet Ewropej u 5 kienu produzzjonijiet indipendenti.

    4.25   Bl-isforzi li qed nagħmlu sabiex jiġu żviluppati s-swali taċ-ċinema diġitali iżda, fl-istess ħin, mingħajr ma nappoġġjaw il-produzzjoni Ewropea tal-films diġitali, inkunu qed noqtlu b’idejna stess il-kreazzjonijiet ċinematografiċi Ewropej, u nkunu qed inċedu quddiem il-produzzjonijiet diġitali barranin.

    4.26   F’każ li dan il-programm Ewropew vast ifalli, iċ-ċinema diġitali tkun tfisser il-falliment tal-idea ta’ koeżjoni Ewropea bbażata fuq il-konfigurazzjoni tal-kontenut multikulturali Ewropew.

    4.27   Moral: Iċ-ċinema diġitali fl-Ewropa trid taqdef ħafna biex tirkupra d-distakk.

    Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  Laqgħa tas-6 ta’ Jannar 2011 bejn il-President Staffan NILSSON u l-Kummissarju Ewropew Michel BARNIER.


    Top