EUR-Lex Πρόσβαση στο δίκαιο της Ευρωπαϊκής Ένωσης

Επιστροφή στην αρχική σελίδα του EUR-Lex

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 52011XC0729(05)

Avviż ta’ bidu ta' reviżjoni parzjali interim tal-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

ĠU C 223, 29.7.2011, σ. 16 έως 18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 223/16


Avviż ta’ bidu ta' reviżjoni parzjali interim tal-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ aċidu tartariku li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

2011/C 223/09

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba ntbagħtet mill-produtturi tal-Unjoni li ġejjin: Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana SpA, Distillerie Mazzari SpA, Caviro Distillerie S.r.l. u Comercial Quimica Sarasa s.l. (“l-applikanti”).

Ir-reviżjoni hija limitata fl-ambitu għall-eżaminazzjoni ta' dumping sa fejn huma kkonċernati żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, jiġifieri Biochemical Engineering Co., Ltd, Changzhou City, u Ninghai Organic Chemical Factory, Ninghai.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa l-aċidu tartariku, eskluż l-aċidu tartariku D-(-)- b'rotazzjoni ottika negattiva ta' mill-anqas 12,0-il grad, imkejjel f'soluzzjoni ta' ilma skont il-metodu deskritt fil-Farmakopea Ewropea, li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju definittiv tal-anti-dumping impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 130/2006 (2) fuq importazzjonijiet tal-aċidu tartariku li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2008 (3). Dawn il-miżuri baqgħu fis-seħħ minħabba reviżjoni kontinwa tal-iskadenza (4).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija bbażata fuq evidenza prima facie, ippreżentata mill-applikanti, li turi li, safejn għandhom x'jaqsmu ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, iċ-ċirkustanzi li fuqhom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema.

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li, safejn għandhom x'jaqsmu ż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati, it-tkomplija tal-impożizzjoni tal-miżuri fil-livell attwali tagħha ma għadhiex biżżejjed biex tpatti għall-ħsara tad-dumping. B'mod partikolari, l-applikanti qed jallegaw li ż-żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi jipparteċipaw f'ċerti programmi riċenti governattivi li minnhom jieħdu benefiċċji li konsegwenza ta' hekk qed ifixklu l-bażi attwali tal-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom u jiddubita jekk il-kumpaniji għadhomx jistgħu jingħataw it-Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (“MET”). Tqabbil tal-valur normali tal-esportazzjoni tal-produtturi, jew fuq bażi ta' valur normali kostrutt fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew fuq il-prezzijiet domestiċi f'pajjiż analogu, f'dan il-każ l-Arġentina, bil-prezzijiet tagħhom tal-esportazzjoni lill-Unjoni jindika li l-marġni tad-dumping tidher li hija ogħla mil-livell attwali tal-miżuri.

Għalhekk, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet imsejsa fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex biżżejjed biex tpatti għad-dumping.

5.   Proċedura biex ikun determinat id-dumping

Wara li ġie ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tniedi reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tevalwa l-ħtieġa għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emendar tal-miżuri eżistenti fir-rigward tal-produtturi esportaturi.

(a)   Il-kwestjonarji

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi msemmija hawn fuq u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Din l-informazzjoni flimkien mal-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i).

(b)   Ġbir ta' informazzjoni u seduti ta’ smigħ

Il-partijiet kollha interessati, b'dan, qed jiġu mistiedna jesprimu fehmiethom, iressqu tagħrif barra mit-tweġibiet li taw fil-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u din l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn iressqu talba li turi li għandhom raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii).

(c)   Trattament ta’ ekonomija tas-suq/trattament individwali

Fl-eventwalità li l-produtturi esportaturi jipprovdu biżżejjed evidenza li turi li huma joperaw f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandha titressaq talba ssostanzjata kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(b) ta' dan l-avviż. Il-Kummissjoni se tibgħat formola tat-talba lill-produtturi esportaturi kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Din il-formula tat-talba tista’ tintuża wkoll mill-produtturi esportaturi biex jitolbu trattament individwali, jiġifieri li huma jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(d)   L-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

F’każ li l-produtturi esportaturi ma jingħatawx trattament ta' ekonomija tas-suq, iżda jissodisfaw ir-rekwiżiti biex ikollhom dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, għandu jintuża pajjiż adattat b'ekonomija tas-suq sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tippreviedi li terġa' tuża lill-Arġentina għal dan il-għan kif sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna biex jikkummentaw dwar kemm hija xierqa din l-għażla fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(c) ta' dan l-avviż.

Barra minn hekk, fl-eventwalità li l-produtturi esportaturi jingħataw trattament ta' ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista', jekk ikun meħtieġ, tuża sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f'pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa, eż. bl-għan li tbiddel kull spiża jew element ta' prezz li mhuwiex affidabbli fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huwa meħtieġ biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk ma tkunx disponibbli d-dejta affidabbli meħtieġa fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tikkunsidra li tuża lill-Arġentina għal dan il-għan ukoll.

6.   Limiti ta’ żmien

(a)   Limiti ġenerali ta' żmien

(i)   Għal partijiet li jridu jippreżentaw rwieħhom, biex iressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kwalunkwe tagħrif ieħor.

Il-partijiet kollha interessati, biex l-ilmenti tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-parti fil-limitu ta' żmien imsemmi qabel.

(ii)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

(b)   Żmien speċifiku biex jintbagħtu talbiet għal trattament ta' ekonomija tas-suq u/jew trattament individwali

Il-talbiet sostanzjati kif xieraq tal-produtturi esportaturi għal trattament ta' ekonomija tas-suq, kif imsemmi fil-punt 5(c) ta' dan l-avviż, għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(c)   Limitu speċifiku ta' żmien għall-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu jikkummentaw dwar kemm hija xierqa l-għażla tal-Arġentina li, kif imsemmi fil-punt 5(d), hija prevista bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq biex ikun stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   L-istruzzjonijiet kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom huwa mitlub trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristrett (5)”.

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali dwaru fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jiġi injorat.

Għal din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni se tuża' sistema elettronika ta' mmaniġġjar tad-dokumenti. Il-partijiet interessati huma mitluba jagħmlu s-sottomossjonijiet u t-talbiet tagħhom kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz ta' posta elettronika , u dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numri tat-telefown u l-fax tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura u ċertfikazzjonijiet iffirmati li jakkumpanjaw ir-risposti tal-kwestjonarju jew kwalunkwe aġġornament tiegħu, għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tistax tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tinforma mill-ewwel lill-Kummissjoni. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence/

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22920480

Posta elettronika: TRADE-AD-TARTARIC-DUMPING@ec.europa.eu

8.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu ta' żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, l-informazzjoni titwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u jintużaw il-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Ipproċessar ta' dejta personali

Huwa nnutat li kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (6).

11.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn partijiet terzi għal seduta. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-parti interessata jkunu qegħdin jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda ssir. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha titressaq talba għal smigħ fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-paġna web tad-DĠ għall-Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 23, 27.1.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 48, 22.2.2008, p. 1.

(4)  ĠU C 24, 26.1.2011, p. 14.

(5)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


Επάνω