Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0198

    Kawża T-198/11 P: Appell ippreżentat fit- 30 ta’ Marzu 2011 minn Guido Strack kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal- 20 ta’ Jannar 2011 fil-Kawża F-121/07 — Strack vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 211, 16.7.2011, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 211/25


    Appell ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2011 minn Guido Strack kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-20 ta’ Jannar 2011 fil-Kawża F-121/07 — Strack vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-198/11 P)

    2011/C 211/55

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellant: Guido Strack (Köln, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

    Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Jannar 2011 fil-Kawża F-121/07;

    tannulla parzjalment id-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-17 ta’ Settembru 2009 fil-Kawża F-121/07 sa fejn dan id-digriet jiċħad it-talba tal-appellant għall-għoti ta’ sentenza fil-kontumaċja;

    tannulla d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha l-Kawża F-121/07, li inizjalment kienet assenjata lill-Ewwel Awla, ġiet sussegwentement assenjata lit-Tieni Awla;

    tannulla d-deċiżjoni meħuda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Kawża F-121/07 u li permezz tagħha l-ittra tal-appellant tat-2 ta’ April 2009 u t-talba mressqa mill-appellant f’din l-ittra sabiex jitħalla jestendi t-talbiet tiegħu la ġew ikkunsidrati u lanqas irreġistrati;

    tiddeċiedi skont it-talbiet tal-appellant imressqa fir-rikors fil-Kawża F-121/07 u fl-ittra tal-appellant fil-kuntest ta’ dik il-kawża tat-2 ta’ April 2009, u tikkundanna lill-konvenuta fil-Kawża F-121/07 skont dawn it-talbiet u skont it-talbiet addizzjonali tal-appellant;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

    barra minn hekk, b’riferiment għall-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-appellanti jitlob kumpens għal dewmien indebitu fl-ammont ta’ EUR 2 500 jew f’ammont stabbilit skont id-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tnejn u għoxrin aggravju.

    Permezz ta’ dawn l-aggravji, huwa jallega fost l-oħrajn: in-nuqqas ta’ kompetenza tal-kulleġġ ġudikanti li adotta d-deċiżjoni appellata; ir-rifjut illegali li tingħata sentenza fil-kontumaċja; l-illegalità tal-prorogi tat-termini mogħtija lill-Kummissjoni; in-nuqqas li jitħalla jressaq talbiet addizzjonali; in-nuqqas li l-kawża tingħaqad ma’ kawżi oħra bejn il-partijiet, kif mitlub; il-preżentazzjoni żbaljata tal-fatti fir-rapport għas-seduta ppreparat minn qabel u fis-sentenza appellata; preġudizzju min-naħa tal-Imħallef Relatur; ksur tar-regoli tat-Tribunal dwar is-sistema lingwistika u diskriminazzjoni fil-konfront tal-appellant fuq il-bażi tal-lingwa kif ukoll in-nuqqas li jiġu tradotti dokumenti proċedurali.

    Barra minn hekk, l-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żbalji ta’ liġi u naqas milli jimmotiva s-sentenza tiegħu b’mod suffiċjenti. Dan b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Artikoli 11, 25, 26, 26a u 90 et seq. tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 6, 8 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, tal-Artikoli 8, 41, 42, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 6 et seq. tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (1) u tal-Artikoli 11 et seq. tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 (2).


    (1)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

    (2)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-kopri tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).


    Top