Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0191

    Kawża C-191/11 P: Appell ippreżentat fl- 20 ta’ April 2011 minn Yorma’s AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal- 15 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-213/09 — Yorma’s vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni); parti oħra fil-kawża: Norma Lebensmittelfilialbetrieb GmbH & Co. KG

    ĠU C 211, 16.7.2011, p. 12–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.7.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 211/12


    Appell ippreżentat fl-20 ta’ April 2011 minn Yorma’s AG kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Frar 2011 fil-Kawża T-213/09 — Yorma’s vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni); parti oħra fil-kawża: Norma Lebensmittelfilialbetrieb GmbH & Co. KG

    (Kawża C-191/11 P)

    2011/C 211/23

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Yorma’s AG (rappreżentant: A. Weiß, avukat)

    Partijiet oħra fil-kawża:

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

    Norma Lebensmittelfilialbetrieb GmbH & Co. KG

    Talbiet tal-appellanti

    tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2011 tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-213/09 skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appell preżenti huwa intiż kontra s-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors, ippreżentat mill-appellanti, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-20 ta’ Frar 2010 li tiċħad l-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali “Yorma’s”. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tikkonstata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark verbali Komunitarja preċedenti “NORMA”.

    L-appellanti tinvoka aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/94”).

    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 peress li kkonkludiet li kien hemm ċertu xebh bejn is-servizzi inkwistjoni, jiġifieri, minn naħa, l-akkomodazzjoni temporanja u, min-naħa l-oħra, il-kera ta’ bini. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn is-servizzi la jikkumplimentaw lil xulxin minn perspettiva funzjonali u lanqas ma jikkompetu bejniethom. Il-gruppi ta’ konsumaturi li jużaw tali servizzi huma differenti bħal ma huma wkoll iċ-ċirkwiti ta’ distribuzzjoni.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u wasslet għal konklużjoni żbaljata minn perspettiva kawżali meta eskludiet in-newtralizzazzjoni tax-xebh kunċettwali manifestament ineżistenti bejn iż-żewġ trade marks.

    Meta jiġi konkluż, bħal ma kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, li ma hemmx xebh kunċettwali, lanqas ma jista’ jiġi konkluż li hemm xebh bħala tali fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. It-tifsira kunċettwali ta’ kelma ġġorr piż kbir peress li sinjal li għandu tifsira kunċettwali ddefinita sew huwa iktar faċli li jiġi mmemorizzat minn sinjali oħra li ma għandhom ebda tifsira. Ikun hemm biss lok ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni jekk it-trade mark sussegwenti tuża l-kontenut kunċettwali tat-trade mark preċedenti. Huwa ċar li dan ma japplikax fil-każ ineżami. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-probabbiltà ta’ konfużjoni meħtieġa mill-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat it-tifsira tan-nuqqas ta’ xebh kunċettwali sa fejn interpretat b’mod żbaljat it-tifsira speċifika ta’ dan in-nuqqas ta’ xebh kunċettwali fir-rigward tan-nuqqas ta’ xebh akustiku u figurattiv u ma evalwatx dan kif suppost kellha tagħmel, qabelxejn, peress li l-ittra “s”, bl-apostrofu qabilha, fil-kelma “Yorma’s”, għandha tifsira awtonoma u partikolarment enfatika.

    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat fid-dritt l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta indikat li, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, kien b’mod ġust li l-Bord tal-Appell sostna li l-element verbali kien jiddomina fil-każ inkwistjoni. Din il-konstatazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-enfasi kkulurita tas-sinjal “Y” fuq tliet linji li jfakkru f’noti mużikali. Barra minn hekk, ma ttiħidx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kulur użat għall-“Y” huwa iktar intens u imbuzzat minn dak użat għal kelma “Yorma’s”. Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ittra “Y” hija miktuba b’kitba partikolari (korsiva) filwaqt li l-element verbali “Yorma’s” huwa mfassal b’ittri stampati abitwali.

    Il-Qorti Ġenerali twettaq żball ieħor u tikser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta tikkonstata li t-trade mark ta’ oppożizzjoni Norma tittrażmetti impressjoni viżwali. Huwa ċar li din it-trade mark ma tittrażmetti ebda impressjoni viżwali.

    Il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-impressjoni globali evokata mis-sinjal mitlub għar-reġistrazzjoni tista’ tiġi influwenzata b’mod sostanzjali tikkostitwixxi wkoll żball ta’ liġi u tikser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    Il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi ieħor u tikser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta tikkonkludi li d-differenza akustika bejn l-ewwel ittri “N” u “Y” tal-kliem “Norma” u “Yorma’s” hija inqas sinjifikattiva mill-koinċidenza akustika tal-ittri “o”, “r”, “m” u “a” li huma ittri komuni għal dawn iż-żewġ kelmiet. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, l-ittra “Y”, li tinsab fl-isfond tat-trade mark mitluba, ma hijiex ippronunzjata. Bl-istess mod, l-ittra “s”, b’apostrofu, ma hijiex neċessarjament ippronunzjata. Anki jekk tiġi ppronunzjata, din ma hijiex biżżejjed sabiex tinnewtralizza x-xebh fonetiku li jirriżulta mill-element verbali komuni “orma”.

    Minħabba l-ittri inizjali differenti tagħhom, it-trade marks għandhom ħoss totalment ġdid. Il-“Y” ta’ “Yorma’s” tagħti impressjoni akustika iktar mielsa mill-“N” ta’ “Norma” li tagħti impressjoni akustika iktar ħarxa u monotona. L-“S” li, kuntrarjament għal dak li tikkonstata l-Qorti Ġenerali, hija ippronunzjata dejjem peress li ma tinsabx fit-tieni parti tal-konfigurazzjoni grafika, tagħti lit-trade mark “Yorma” ħoss kunsiderevolment iktar melodjuż u differenti fl-intonazzjoni.


    Top