This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011XC0408(02)
Publication of an application pursuant to Article 6(2) of Council Regulation (EC) No 510/2006 on the protection of geographical indications and designations of origin for agricultural products and foodstuffs
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
ĠU C 109, 8.4.2011, p. 6–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
8.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 109/6 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2011/C 109/03
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“HOLSTEINER KATENSCHINKEN”/“HOLSTEINER SCHINKEN”/“HOLSTEINER KATENRAUCHSCHINKEN”/“HOLSTEINER KNOCHENSCHINKEN”
Nru tal-KE: DE-PGI-0005-0713-14.07.2008
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Holsteiner Katenschinken”/“Holsteiner Schinken”/“Holsteiner Katenrauchschinken”/“Holsteiner Knochenschinken”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
Il-Ġermanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. It-tip ta’ prodott:
Il-kategorija 1.2 |
Prodotti abbażi tal-laħam |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:
Il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”/“Holsteiner Schinken”/“Holsteiner Katenrauchschinken”/“Holsteiner Knochenschinken” (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”) isir mill-perżut mil-laħam tal-majjal li jkun għad fadallu l-għadma tal-koxxa warranija ta’ fejn denb il-bhima u l-fibula. Il-perżut jinqata’ f’dawriet tondi b’qatgħa msejħa l-qatgħa tonda ta’ Ħamburg (“Hamburger Rundschnitt”), jitmellaħ bl-idejn u jingħadda minn proċess ta’ affumikar bil-mod fil-kesħa bil-fagu. Il-proċess kollu tal-produzzjoni, minn meta jasal il-laħam sa ma l-perżut jimmatura kollu, isir fiż-żona ġeografika identifikata u jieħu mill-inqas erba’ xhur. Wara li jintemm il-proċess tal-maturazzjoni, il-perżut ikun ta’ lewn aħmar skur u jkollu xi ftit strixxi ta’ grass fih. Huwa jkollu togħma tajba u riħa tfuħ ta’ duħħan naturali, l-iktar tal-fagu. It-togħma tax-xaħam tfakkrek kemm kemm fil-ġewż. Meta tmissu, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” huwa lixx u robust (sod).
Il-prieżet lesti jiżnu minn madwar 7,5 kilogrammi sa 19-il kilogramm, skont ir-razza ta’ ħanżir li tintuża. Il-kontenut massimu tal-ilma huwa ta’ 68 %.
L-ingredjenti bażiċi li jintużaw huma l-laħam tal-majjal, id-duħħan, il-melħ, is-salnitru, il-melħ tan-nitritu għat-tmelliħ u l-ħwawar. Barra minn hekk, għall-proċess tal-affumikar bil-mod fil-kesħa jintuża biss il-fagu.
Il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jinbiegħ sħiħ bħala biċċa waħda, jewinkella jinqata’ biċċiet, skont xi jkun irid ix-xerrej. Barra minn hekk, xi qatgħat tal-perżut (il-falda l-irqiqa, it-tarf (il-“butt end”), il-falda l-ħoxna u l-qatgħat dawra dawra) jitqiegħdu f’pakketti li minnhom titneħħa l-arja kollha biex jimmaturaw u mbagħad jinbiegħu wara li jkunu mmaturaw għal kollox.
3.3. Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
Għall-produzzjoni tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jintużaw il-koxox tal-majjali ta’ kwalunkwe oriġini.
3.4. L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
—
3.5. L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:
Il-proċess kollu tal-produzzjoni, minn meta tasal il-materja prima sa ma l-perżut jimmatura kollu, irid isir fiż-żona ġeografika identifikata.
3.6. Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:
—
3.7. Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:
Il-prodott (bħala biċċa sħiħa, maqtugħ biċċiet jew maqtugħ dawra dawra) irid ikollu l-isem “Holsteiner Katenschinken” jidher fuq il-pakkett. L-għaqda għall-ħarsien tal-produtturi tal-perżut ta’ Schleswig-Holstein, imsejħa “Schutzgemeinschaft Schleswig-Holsteinischer Schinkenhersteller e.V.” tagħti lill-membri tagħha emblema tal-għaqda. Il-membri mbagħad jistgħu jużaw din l-emblema fuq il-pakketti tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” li jkun qed jinbiegħ bħala biċċa sħiħa, maqtugħ biċċiet jew maqtugħ dawra dawra. Il-kumpaniji li mhumiex imsieħba fl-għaqda wkoll jistgħu jipproduċu u jqiegħdu fis-suq il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”, dejjem jekk huma jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet mogħtija fl-ispeċifikazzjoni.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Iż-żona ġeografika tinkludi r-reġjun kollu ta’ Schleswig-Holstein.
5. Ir-rabta maż-żona ġeografika:
5.1. L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:
Hemm tradizzjoni twila marbuta mal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein. Fil-fatt, dan il-perżut jifforma parti stabbilita sew mill-kultura ta’ dan ir-reġjun.
L-iżvilupp storiku tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jidher mill-ħidma flimkien ta’ diversi fatturi. Fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, dawn il-fatturi jikkaratterizzaw il-proċess speċjali tal-produzzjoni tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” u l-kwalità għolja tiegħu li tiġi minn dan il-proċess:
— |
Il-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjun ta’ Schleswig-Holstein wasslu biex fih kibru foresti li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin mis-siġar tal-ballut u tal-fagu. Il-frott tagħhom, jiġifieri l-ġandar u l-ġewż tal-fagu, kienu jintużaw bħala għalf biex il-ħnieżer jismnu. Qabel, it-tismin tal-ħnieżer u l-forestrija kienu elementi ewlenin tal-agrikoltura fir-reġjun. |
— |
Il-fagu ma kienx jintuża biss fil-bini tad-djar, iżda, minħabba li jinħaraq bil-mod, kien jintuża wkoll bħala ħatab għall-ħġejjeġ fid-djar. Minħabba li fi Schleswig-Holstein kien hemm ħafna injam u minħabba t-tip ta’ ekonomija li kien hemm f’dan ir-reġjun, fih ġiet żviluppata tip ta’ dar partikulari, magħrufa bħala “Hallenhaus”, li ma kienx fiha ċumnija. Il-perżut u prodotti oħra bbażati fuq il-laħam kienu jiġu affumikati bid-duħħan tal-ħġejjeġ. Dak iż-żmien dan kien wieħed mill-ftit metodi ta’ konservazzjoni li kienu jeżistu. Sa miż-żmien meta l-ewwel nies bdew jgħixu fir-reġjun sal-Medju Evu u sa żmien l-era industrijali, din it-tip ta’ dar baqgħet l-iktar waħda użata fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, u l-waħda bl-ikbar firxa territorjali fih. |
— |
Id-dar tat-tip “Hallenhaus”, li kienet il-mudell għall-kmamar tal-affumikar imsejħa “Räucherkaten”, hija marbuta bis-sħiħ mat-tradizzjoni u mal-iżvilupp tal-proċess tal-affumikar fil-kesħa tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” u l-konsumaturi wkoll jorbtuha b’mod pożittiv ma’ din l-ispeċjalità. |
— |
Minħabba l-livell għoli tal-umdità li jkun hemm il-ħin kollu fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein, it-tnixxif tal-perżut bl-arja mhux – u qatt ma kien – possibbli fih, minħabba li l-moffa tifforma malajr. Minħabba f’hekk, ġie żviluppat dan it-tip ta’ affumikar speċjali għall-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”. |
— |
It-tmelliħ, li huwa l-istadju ta’ qabel l-affumikar, seta’ jsir biss minħabba li, minn kmieni, f’dan ir-reġjun kellhom il-melħ. Dan kien jinkiseb mill-ilma baħar jew billi kienu jaħarqu pjanti li kellhom livell għoli ta’ mluħa. Id-domanda dejjem tikber għall-melħ setgħet tiġi ssodisfata billi kienu jintużaw ir-rotot tan-negozju msejħin “Ochsenweg” u “Salzstrasse”. |
— |
Meta bdiet l-era industrijali f’nofs is-seklu 19 u kien hemm domanda dejjem ikbar għal-laħam, l-affumikar tal-perżut fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein ma baqax isir biss biex jinqdew il-ħtiġijiet tal-familji fir-reġjun, iżda beda jsir fuq skala industrijali. |
— |
Il-proċess tradizzjonali tal-affumikar fir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein għandu l-għeruq tiegħu fid-drawwiet tar-reġjun. Tradizzjonalment, il-qtil tal-ħnieżer u l-affumikar tal-prieżet kienu xogħlijiet li kienu jsiru fil-perjodi ta’ kesħa ta’ matul is-sena. |
5.2. L-ispeċifiċità tal-prodott:
Il-perżut nej użat biex jiġi prodott il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” jitmellaħ biss bl-idejn. Dan huwa proċess tat-tmelliħ niexef. Il-perżut jitħalla jimmatura għal tliet sa tmien ġimgħat fil-kmamar tat-tmelliħ f’temperatura baxxa u kostanti u matul dan il-perjodu jerġa’ jitmellaħ kull ġimgħa bl-idejn. It-taħlita tat-tmelliħ tiddaħħal fil-perżut fuq l-imwejjed tat-tmelliħ fil-kmamar tat-tmelliħ u mbagħad il-perżut jitqiegħed fi skutelli tat-tmelliħ jew fuq l-ixkafef sabiex jimmatura. Matul il-perjodu tat-tmelliħ, il-melħ u l-ħwawar jidħlu minn fuq barra tal-perżut għal ġo fih.
Wara t-tmelliħ, il-perżut jintmaxat jew jissaffa u jitħalla għal darb’oħra jimmatura f’post għall-kesħa b’temperatura kkontrollata. Il-perżut jimmatura matul dan il-proċess.
Qabel ma l-perżut jiddendel fil-kamra tal-affumikar, jitħalla jinxef fil-wiċċ. Il-proċess tal-affumikar jista’ jieħu diversi ġimgħat. Huwa jsir kemm fil-kmamar tal-affumikar tradizzjonali, kif ukoll fi kmamar tal-affumikar moderni. It-togħma tipika tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” ġejja mill-użu tradizzjonali tal-injam tal-fagu bħala ħatab. Dan l-injam jinħaraq bil-mod fil-forma ta’ bċejjeċ minn zkuk imqattgħin jew laqx, u jibqa’ jnemnem u jdaħħan bil-mod għal ħin twil.
Wara li jintemm il-proċess tal-maturazzjoni, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” ikun ta’ lewn aħmar skur u jkollu xi ftit strixxi ta’ grass fih. Huwa jkollu togħma tajba u riħa tfuħ ta’ duħħan naturali. It-togħma tax-xaħam tfakkrek kemm kemm fil-ġewż. Meta tmissu, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” huwa lixx u sod.
5.3. Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP):
Il-fatturi speċjali tar-reġjun ta’ Schlewsig-Holstein imsemmija hawn fuq – il-kundizzjonijiet klimatiċi, it-tip ta’ dar speċjali bil-ħġejjeġ, id-disponibbiltà tal-materja prima meħtieġa u l-iżvilupp ekonomiku – għenu t-tradizzjoni twila tal-produzzjoni tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” bil-proċess speċjali ta’ affumikar fil-kesħa bid-duħħan tal-fagu u wasslu biex dan il-prodott ikollu tifsira speċjali fil-kultura ta’ dan ir-reġjun. B’hekk, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” sar speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun, b’reputazzjoni msejsa l-aktar fuq ir-rabta tiegħu mill-qrib maż-żona minn fejn joriġina.
Il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” huwa speċjalità tipika ta’ dan ir-reġjun li għandu tradizzjoni twila u li huwa magħruf sewwa, anke lil hinn mill-fruntieri tar-reġjun. Barra minn hekk, huwa għandu reputazzjoni tajba, l-aktar fir-reġjun stess.
Dan il-perżut ilu jgawdi fama tajba għal mijiet ta’ snin. L-eqdem dokument bil-miktub li fih jissemma huwa dokument tal-1608 li jitkellem dwar il-konsenja ta’ perżut mir-reġjun lir-re Daniż Kristinu IV, li dak iż-żmien kien imexxi r-reġjun. Fid-dizzjunarju universali ta’ Zedler tal-1742, imsejjaħ “Universallexikon”, diġà kienu ssemmew b’mod speċjali l-kwalità u l-valur għoli tas-suq tal-perżut u tal-bejken mir-reġjun meta mqabblin ma’ dawk tal-prodotti affumikati mir-reġjuni ta’ Westfalen u Pommern u mid-Danimarka.
Fi żmien il-vjaġġi lejn l-Indji tal-Punent fis-seklu 18, il-perżut u l-bejken mir-reġjun kienu fost il-prodotti tal-esportazzjoni l-iktar imfittxija u kienu jingħataw bi skambju għaz-zokkor u r-rum fil-gżejjer tal-Karibew.
Fir-ristoranti lokali, il-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” minn dejjem kien offrut bħala speċjalità reġjonali b’togħma partikolarment tajba. Dan il-perżut ilu għexieren tas-snin jiġi offrut matul is-sena kollha kważi fil-menuwijiet kollha ta’ kull ristorant u lukanda li joffru speċjalitajiet reġjonali, u għan-nies tal-post, huwa l-prodott l-iktar mitlub li jittiekel tradizzjonalment mal-ispraġ prodott fir-reġjun.
Fir-riklami għat-turisti u fir-rapporti ta’ ħafna mezzi tax-xandir, dan il-perżut ukoll jintwera bħala speċjalità mfittxa ferm. Li wieħed iżur kamra tal-affumikar li fiha jiġi prodott il-perżut affumikat hija ħaġa stabbilita fil-programmi tat-turisti li jiġu waqt mawriet b’tal-linja u ta’ ħafna turisti li jkunu fil-post għal ġurnata waħda biss. Il-ħafna festi tal-perżut marbutin ma’ xi staġun partikulari jgħinu biex tikber il-fama tal-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken”.
Barra minn hekk, ir-reġjun ta’ Schleswig-Holstein ilu għexieren ta’ snin jippreżenta l-perżut tat-tip “Holsteiner Katenschinken” bħala wieħed mill-ispeċjalitajiet inkredibbli u tipiċi tar-reġjun fil-fiera tal-agrikoltura u tal-konsumaturi msejħa “Il-ġimgħa internazzjonali tal-ħxejjex” li ssir f’Berlin.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
L-ispeċifikazzjoni sħiħa hija ppubblikata:
fit-taqsima 7a-aa tal-volum 51 tal-“Markenblatt” tal-21 ta’ Diċembru 2007, p. 23771
http://publikationen.dpma.de/DPMApublikationen/dld_gd_file.do?id=221
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.