EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XC0323(01)

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

ĠU C 91, 23.3.2011, p. 15–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 91/15


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 91/05

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ΠΑΤΑΤΑ ΝΑΞΟΥ” (PATATA NAXOU)

Nru tal-KE: EL-PGI-0005-0708-27.06.2008

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Πατάτα Νάξου” (Patata Naxou)

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Il-Greċja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

Il-“Patata Naxou” hija tuberu li jittiekel tal-ispeċi Solanum tuberosum, li jiġi kkonsmat mill-bniedem mingħajr ma jkun jeħtieġ ipproċessar minn qabel (patata li tittiekel). Id-daqs tat-tuberu jvarja minn 35 sa 65 millimetru, u l-forma tiegħu hija tonda jew tawwalija. Il-qoxra għandha dehra lixxa u b'konsistenza uniformi, ta' kulur isfar. Kull tuberu jkun fih madwar għaxar tikek fil-wiċċ, il-qalba tiegħu huwa ta' kulur karatteristiku abjad li jagħti fl-isfar.

Barra minn hekk, il-“Patata Naxou” hija kkaratterizzata mid-daqs uniformi, miċ-ċarezza fid-dehra tagħha, mill-assenza ta' taħsir u ta' mard, mill-perċentwal ta' materjal xott (> 18 %) u mil-livell baxx ta' zokkor (< 1 %), u minħabba l-kultivazzjoni tagħha fir-rebbiegħa li tippermetti qligħ prekoċi ħafna tat-tuberi.

Il-varjetajiet tal-patata kkultivata fiż-żona ġeografika ta' Naxos huma Liseta, Spunta, Marfona, Vivaldi u Alaska.

Bħalissa fil-ġżira ta' Naxos jeżistu żewġ staġuni għaż-żrigħ: għall-kultivazzjoni tar-rebbiegħa, iż-żrigħ isir minn nofs Frar sal-bidu tax-xahar ta' Marzu, u għall-kultivazzjoni tal-ħarifa, mill-bidu tax-xahar ta' Awwissu sal-bidu tax-xahar ta' Settembru. Il-patata tar-rebbiegħa tibda tinqala' fl-aħħar tax-xahar ta' Mejju u tibqa' tinqala' sal-ewwel għaxart ijiem tax-xahar ta' Lulju.

3.3.   Materja prima:

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji tal-produzzjoni li jsiru fiż-żona ġeografika definita huma ż-żrigħ, il-kultivazzjoni, il-qligħ u l-maturazzjoni tat-tuberi.

Dawn l-istadji għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika definita minħabba li l-produtturi lokali tal-patata kisbu esperjenza li tiggarantixxi l-qligħ bikri filwaqt li l-parametri ambjentali lokali jiġu sfruttati kemm jista' jkun (iż-żmien taż-żrigħ skont l-inżul tax-xita); iżda barra minn hekk, wara l-estrazzjoni tat-tuberi, dawn il-produtturi japplikaw teknika speċifika li tikkonsisti fil-kisi tal-prodott bit-tiben sabiex il-qoxra teħxien u għalhekk issir iktar reżistenti għat-trasport, u fl-istess ħin id-diversi feriti superfiċjali jerġgħu jingħalqu.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

F'konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Kommunitarja u nazzjonali.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Il-“Patata Naxou” tiġi prodotta fil-ġżira ta' Naxos. B'erja ta' 428 km2, din il-ġżira hija l-ikbar waħda fil-provinċja taċ-Ċikladi tar-reġjun fin-Nofsinhar tal-Baħar Eġew. It-total tal-erja tal-kultivazzjoni tal-patata jvarja skont l-istaġun tal-kultivazzjoni. Fil-ħarifa bejn 150 u 170 ettaru filwaqt li fir-rebbiegħa jista' jlaħħaq it-300 ettaru.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

A.   Klima: Il-fatturi klimatiċi msemmija hawn taħt huma meqjusa bħala l-fatturi li speċifikament iwasslu għall-klassifikazzjoni tal-kwalità tal-prodott:

Il-fatturi klimatiċi li jinfluwenzaw il-kwalità tal-“Patata Naxou” huma l-livelli baxxi tal-umdità u tat-temperatura għolja, li jimpedixxu t-taħsir mill-Phytophthora sp., li hija responsabbli għall-biċċa l-kbira tat-telf fil-kultivazzjoni tal-patata. Fil-fatt, il-possibbiltà ta' dan it-taħsir tikber f'umdità relattiva li tkun ogħla minn 90 % u inqas minn 27 °C. Għalhekk, il-kundizzjonijiet klimatiċi ta' Naxos jikkontribwixxu b'mod deċisiv sabiex jiġi evitat it-taħsir l-iktar serju kontra l-kultivazzjoni tal-patata, u anke minħabba li fatturi patoġeniċi oħra li huma rari f'din iż-żona ġeografika, ifisser l-użu mill-inqas ta' prodotti fitosanitarji.

Barra minn hekk, it-temperatura għolja flimkien mal-livell għoli ta' esponiment għax-xemx fil-gżira ta' Naxos jippermettu li ċ-ċiklu veġetattiv tal-iżvilupp tal-patata jitwal għas-sena kollha u li t-tuberi jimmaturaw b'mod eċċellenti. Fl-aħħar nett, id-differenza bejn it-temperaturi ta' billejl u dawk ta' binhar jgħinu fit-tkabbir tat-tuberi.

B.   Ħamrija: Is-sottostrat ġeoloġiku ta' Naxos huwa ffurmat minn blat kristallin, l-iktar granit, gness, irħam u skistu fil-katina tal-iġbla muntanjużi tal-gżira u fis-sediment terzjarju, l-iktar ħamrija magħmula minn tafal u tajn magħqud, ġebel ramli u konglomerati fil-pjanuri u fuq il-littoral.

Il-ħamrija tal-ġżira hija kkaratterizzata minn profondità sinifikanti u minn kompożizzjoni ta' ramel u tafal b'dehra ta' granuli, ma fihiex sodju u mingħajr l-ebda riskju ta' erożjoni. Fiha biżżejjed kwantità ta' fosfru u potassju; il-livell ta' manjeżju huwa medju u dak tal-materjal organiku huwa baxx. Il-kompożizzjoni ramlija u taflija tal-ħamrija tippermetti li l-ilma jgħaddi faċilment minnha u li t-tuberi jiżviluppaw normalment b'mod uniformi u regolari.

C.   Fatturi umani: il-prattiki tal-kultivazzjoni huma partikolarment adattati għall-kundizzjonijiet lokali, minħabba li flimkien mal-vantaġġi msemmija hawn fuq, huma jisfruttaw għall-massimu l-inżul tax-xita staġjonali. L-istaġun tax-xita, minn Novembru sa Frar, jaħbat mal-perjodu tal-iżvilupp tat-tuberi tal-kultivazzjoni tal-ħarifa u mat-tnibbit tal-kultivazzjoni tar-rebbiegħa. Dan l-adattament perfett għall-kundizzjonijiet klimatiċi lokali huwa wkoll il-kawża ewlenija ta' waħda mill-karatterisitiċi prinċipali tal-kultivazzjoni tal-patata f'Naxos, jiġifieri l-fatt li hija patata prekoċi.

Prattika oħra li ssir biss fost il-produtturi ta' Naxos hija l-maturazzjoni fl-għelieqi, tat-tuberi li jinżammu mgħottijin wara li jinqalgħu. Speċifikament, wara l-estrazzjoni tat-tuberi, wara l-ewwel għażla sabiex jitwarrbu l-elementi estranji u t-tuberi mħassrin, il-produtturi tal-patata tar-reġjun japplikaw teknika li tikkonsisti fl-għata tat-tuberi li jkunu għadhom fl-għalqa b'kisja ta' tiben u mbagħad b'kisja oħra ta' pjanti tal-patata sabiex jipproteġuhom mix-xemx. Matul dan iż-żmien, il-“Patata Naxou” timmatura, tibbies u l-qoxra tagħha teħxien u b'hekk issir iktar reżistenti fit-trasport, filwaqt li l-feriti superfiċjali jerġgħu jingħalqu. Din il-prattika tippermetti wkoll li jitnaqqas ir-riskju ta' żieda fil-livell tat-tuberi bil-glikoakalojdi matul il-manipolazzjonijiet ta' wara.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-“Patata Naxou” kisbet reputazzjoni partikolari fis-suq. Hija magħrufa bħala prodott bi speċifikazzjonijiet li jippreżentaw livell għoli ta' kwalità u ta' stabbiltà. Din ir-reputazzjoni tmur lura sa minn mindu oriġina l-Istat Grieg modern u ilha magħrufa għal kważi żewġ sekli. Dan huwa prodott ta' importanza kbira għas-soċjetà lokali u jidentifika ruħhu mal-ġżira ta' Naxos. Il-“Patata Naxou” attwalment tissemma fil-gwidi turistiċi, fil-gazzetti Griegi u anke barra mill-pajjiż fir-riċetti ta' koki famużi.

Barra minn hekk, il-prekoċità tal-kultivazzjoni tal-“Patata Naxou” fir-rebbiegħa hija karatteristika li tagħti lill-prodott valuri partikolari fis-suq.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott.:

Ir-rabta tal-prodott mar-reġjun hija bbażata fuq ir-reputazzjoni li għandu. Id-differenza fil-kwalità tal-“Patata Naxou” hija r-riżultat ta' għadd ta' karatteristiċi ġeoloġiċi u klimatiċi partikolari għal Naxos flimkien mal-prattiki tal-kultivazzjoni li huma adattati għall-kundizzjonijiet lokali. Din id-differenza tat reputazzjoni partikolari lill-“Patata Naxou” fil-qasam Grieg, u xhieda ta' dan huma r-referenzi li saru għaliha sa mill-ewwel nofs tas-seklu XIX, meta l-patata ġiet introdotta fil-Greċja.

Il-“Patata Naxou” kisbet ir-reputazzjoni tagħha fl-1841 meta ġiet offruta bħala speċjalità lokali lir-re Othon li kien fuq żjara fil-gżira. Wara, fl-1874, ġiet deskritta minn Dugit bħala waħda mill-prodotti agrikoli eċċezzjonali ta' Naxos. Wara ħafna snin, fl-1911, fl-ewwel ċensiment rurali arkivjat tal-Greċja, ġew irreġistrati 111,9 ettaru ta' kultivazzjoni tal-patata f'Naxos. Fl-1926 ir-reputazzjoni tal-“Patata Naxou” tant kienet mifruxa li l-muniċipalità tal-Glinado għażlet lill-pjanta tal-patata bħala l-emblema tas-siġill tal-lokal.

Il-kwalità eċċellenti tal-patata prodotta f'Naxos wasslet biex fl-1953, l-Istat Grieg iwwaqqaf fuq il-gżira ċ-Ċentru nazzjonali tal-produzzjoni taz-żerriegħa tal-patata, u fl-1959 il-“Patata Naxou” tqiegħdet fil-lista tal-prodotti li l-Istat kellu jipproteġi. Wara din il-fażi, il-“Patata Naxou” saret waħda mill-prodotti lokali tal-ġżira li jispikkaw fil-gwidi turistiċi Griegi u barranin.

Il-“Patata Naxou” illum il-ġurnata hija magħrufa fil-Greċja kollha, u xhieda ta' dan huwa l-għadd kbir ta' drabi li tissemma fl-artikli u r-reċensjonijiet fil-ġurnali. Hija tissemma wkoll fil-gwidi turistiċi u fir-reċensjonijet speċjalizzati tal-gastronomija. Dan huwa prodott li jidher fir-riċetti ta' koki Griegi famużi u magħruf fost il-kritiċi tal-gastronomija. Din il-patata tidher ukoll fil-menus tal-aqwa ristoranti. Barra minn hekk, kull sena l-awtoritajiet lokali ta' Naxos jorganizzaw festi tal-patata, li jkomplu jikkonfermaw ir-reputazzjoni u l-importanza storika tagħha għas-soċjetà lokali.

Il-“Patata Naxou” tiddistingwi ruħha minħabba l-prekoċità tal-kultivazzjoni tagħha fir-rebbiegħa. Speċifikament, il-prattiki tal-kultivazzjoni huma importanti ħafna minħabba li l-kultivazzjoni (iż-żrigħ) issir fl-istaġuni tal-kultivazzjoni meta wieħed jista' jisfrutta bl-aħjar mod l-inżul tax-xita staġjonali u d-disponibbiltà tar-riżorsi tal-ilma. Il-prekoċità tal-kultivazzjoni tar-rebbbiegħa tal-“Patata Naxou” hija karatteristika li tati valur partikolari lill-prodott fis-suq, u minħabba f'hekk hija mfittxija fil-bidu tas-sajf, meta normalment ikun rari li wieħed isib patata bikrija.

Barra minn hekk, il-produtturi tal-patata ta' Naxos, meta jkunu għadhom fl-għelieqi wara l-qligħ, jagħmlu l-ewwel għażla tal-patata sabiex iwarrbu l-elementi estranji u t-tuberi mħassrin; wara, it-tuberi jinġabru f’gods fl-għalqa u jitgħattew b'kisja tat-tiben u b'kisja oħra tal-pjanti tal-patata sabiex jiġu protetti mix-xemx. B'hekk il-perjodu tal-maturazzjoni fl-għalqa jtejjeb il-konservazzjoni tal-prodott, minħabba li dan jibbies, il-qoxra tal-patata teħxien u għalhekk issir iktar reżistenti għat-trasport, filwaqt li l-feriti superfiċjali jerġgħu jingħalqu. Dan ibaxxi wkoll il-livell ta' glikoakalojdi tossiċi.

Barra minn hekk, il-fatturi klimatiċi li jiffavorixxu l-kultivazzjoni tal-“Patata Naxou” huma l-livelli baxxi tal-umdità u t-temperatura għolja, li jimpedixxu t-taħsir mill-Phytophthora sp., u b'hekk jimminimizzaw it-telf dovut għal din il-patoloġija serja fil-kultivazzjoni tal-patata. Dan kollu, flimkien mal-fatturi patoġeniċi li huma rari fuq il-gżira, ifisser użu mill-inqas ta' prodotti fitosanitarji. Barra minnhekk, it-temperatura għolja flimkien mal-livell għoli ta' esponiment għax-xemx fil-gżira ta' Naxos jippermettu li ċ-ċiklu veġetattiv tal-iżvilupp tal-patata jitwal għas-sena kollha u li t-tuberi jimmaturaw b'mod eċċellenti. Fl-aħħar nett, id-differenza bejn it-termperaturi ta' billejl u dawk ta' binhar jgħinu fit-tkabbir tat-tuberi, u l-kompożizzjoni ramlija u taflija tal-ħamrija tippermetti li l-ilma jgħaddi faċilment minnha u li t-tuberi jiżviluppaw normalment b'mod uniformi u regolari.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.minagric.gr/greek/data/ΠΡΟΔΙΑΓΡΑΦΕΣ%20ΠΡΟΪΟΝΤΟΣ%20YPAAT%2016%20ΦΕΒΡΟΥΑΡΙΟΥ%202010.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


Top