This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62010CN0531
Case C-531/10: Action brought on 16 November 2010 — European Commission v Slovak Republic
Kawża C-531/10: Rikors ippreżentat fis- 16 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovakkja
Kawża C-531/10: Rikors ippreżentat fis- 16 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovakkja
ĠU C 30, 29.1.2011, p. 22–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
29.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 30/22 |
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tas-Slovakkja
(Kawża C-531/10)
()
2011/C 30/37
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Zadra u J. Javorský, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovakkja
Talbiet
— |
tiddikjara li, billi l-Ministeru tat-Trasport, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet tar-Repubblika tas-Slovakkja kkonkluda kuntratt għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza li għandu rilevanza transfrontali, u dan mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti, ir-Repubblika tas-Slovakkja naqset mill-obbligi tagħha taħt il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ trasparenza, kif stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE, u msemmija fl-Artikolu 2 tad-direttiva 2004/18/KE (1); |
— |
tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovakkja għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Ministeru tat-Trasport, tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet tar-Repubblika tas-Slovakkja kkonkluda kuntratt għall-provvista ta’ servizzi li għandu rilevanza transfrontali fir-rigward tal-valur tal-kuntratt, tal-kompetenzi mitluba, u tal-fatt li l-fornitur preċedenti tas-servizzi kienet kumpannija ta’ Stat Membru ieħor. Il-kuntratt ġie ffirmat mingħajr ebda pubblikazzjoni minn qabel ta’ sejħa għal offerti. B’dan il-mod, mingħajr ebda dubju, inkiser il-prinċipju ta’ trasparenza, għaliex il-kumpanniji l-oħra, differenti minn dawk li l-Ministeru għażel li jikkuntattja, ma ġewx informati bl-eżistenza ta’ tali appalt u ma kellhomx il-possibiltà li jippreżentaw l-offerta tagħhom. Peress li kiser il-prinċipju ta’ trasparenza, il-Ministeru wkoll mar kontra l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, u dan billi ttratta b’mod differenti lill-grupp ta’ kumpanniji li l-Ministeru kkuntattja fir-rigward tal-kuntratt pubbliku u l-grupp — li minnu jagħmlu parti anki kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom barra mir-Repubblika tas-Slovakkja — li ma ġewx ikkuntattjati, iżda setgħu kellhom interess f’tali appalt pubbliku. Peress li l-għoti tal-appalt ma kienx suġġett għal proċedura miftuħa, il-Ministeru stess irrinunzja għall-vantaġġi li f’dan il-każ setgħu jirriżultaw mill-eżistenza tas-suq intern u li anki permezz tagħhom seta’ jikseb offerta iktar konvenjenti għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza, għar-raġuni li kien ikun hemm numru ikbar ta’ kumpanniji mill-Unjoni Ewropea.
(1) Direttiva tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004, 2004/18/KE, dwar il-kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134 pġ. 114).