Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0551

    Kawża T-551/10: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ Novembru 2010 — Fri-El Acerra vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 30, 29.1.2011, p. 52–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 30/52


    Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2010 — Fri-El Acerra vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-551/10)

    ()

    2011/C 30/92

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Fri-El Acerra Srl (Acerra, Napoli, Italja) (rappreżentanti: M. Todino u P. Fattori, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla integralment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-15 ta’ Settembru 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 8/2009, li permezz tagħha hija ddikjarat inkompatibbli mas-suq intern il-miżura ta’ għajnuna li r-Repubblika Taljana ipprevediet li timplementa favur Fri-El Acerra s.r.l.;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    F’din il-kawża, ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna mogħtija lilha mill-awtoritajiet Taljani, li tirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ installazzjoni ta’ bijomassa f’Acerra.

    (1)   L-ewwel motiv: Applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(3) TFUE, applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat reġjonali u distorsjoni tal-ġurisprudenza dwar l-effett ta’ inċentiv.

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżit formali u kronoloġiku tal-punt 38 tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat reġjonali 2007-2013, meta attribwixxietlu effett ta’ preżunzjoni assoluta fir-rigward tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna, u naqset milli tikkunsidra n-natura sostanzjali ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, il-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni formalistika ta’ dan ir-rekwiżit, b’mod kuntrarju għal dak stabbilit fil-ġurisprudenza dwar l-effett ta’ inċentiv, u naqset milli tevalwa suffiċjentement id-dokumenti pprovduti mill-partijiet.

    (2)   It-tieni motiv: Ksur tal-prinċipji ġenerali tas-sistema legali Komunitarja u b’mod partikolari ksur tal-prinċipji ta’ tempus regit actum u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żabljat bħala applikabbli ir-rekwiżit formali previst mil-linji gwida 2007, ippubblikati fl-2006, għal fatti li ġraw qabel il-pubblikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar. Din l-applikazzjoni tmur kontra l-prinċipji fundamentali tas-sistema legali Komunitarja, fosthom il-prinċipju ta’ tempus regit actum, li jissanzjona n-nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjoni legali fiż-żmien, u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    (3)   It-tielet motiv: Żball manifest tal-evalwazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni għamlet distorsjoni tal-fatti, billi evalwat b’mod żbaljat ir-rekwiżit tat-tkabbir tax-xogħol u kif ukoll il-kontribut tal-enerġija għaż-żona industrijali ta’ Acerra, u billi kkonkludiet b’mod żbaljat li l-proġett jinvolvi biss kontribut marġinali għall-politika tal-enerġija u għall-iżvilupp reġjonali.

    Dan il-motiv huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjonijiet li l-konvenuta:

    evalwat b’mod formalistiku, u b’mod kuntrarju għall-prassi tagħha stess, ir-rekwiżit tat-tkabbir tax-xogħol, billi neħħietu mill-kuntest tat-tip ta’ suq u mill-kuntest ekonomiku li fih jaqa’ l-proġett ta’ għajnuna;

    barra minn hekk ma evalwatx suffiċjentement il-kontribut dirett li l-enerġija elettrika prodotta minn Fri-El tipprovdi għaż-żona industrijali ta’ Acerra, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tal-enerġija u l-effett indirett ta’ inċentiv għall-istabbiliment industrijali u għall-iżvilupp reġjonali;

    ma kkunsidratx il-kontribut ta’ Fri-El Acerra għall-politika tal-enerġija reġjonali, li tipprevedi bħala għan li sal-2013 tintlaħaq kwantità partikolari ta’ enerġija elettrika prodotta minn sorsi rinovabbli.

    (4)   Ir-raba’ motiv: Żball manifest tal-evalwazzjoni, inkwantu l-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat l-inkompatibbiltà tal-għajnuna fis-sens tal-linji gwida fil-qasam tal-ambjent.

    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni sostniet b’mod żbaljat li l-awtoritajiet Taljani u Fri-El Acerra ma pproduċewx dokumentazzjoni xierqa. Barra minn hekk, hija ma applikatx ir-rekwiżit tal-inċentiv hekk kif previst fil-linji gwida, li jipprevedu test ta’ natura sostanzjali u mhux biss formali.


    Top