Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC1223(01)

    Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Settembru 2010 dwar proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/39.315 – ENI) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 6701) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU C 352, 23.12.2010, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 352/8


    Sommarju ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tad-29 ta’ Settembru 2010

    dwar proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE

    (Każ COMP/39.315 – ENI)

    (notifikata bid-dokument numru C(2010) 6701)

    (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    2010/C 352/10

    Fid-29 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)  (1) Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (2), il-Kummissjoni b'dan qiegħda tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kuntest ewlieni tad-deċiżjoni, inkluża kwalunkwe penali imposta, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni hija disponibbli fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni fl-indirizz li ġej:

    http://ec.europa.eu/competition/elojade/isef/case_details.cfm?proc_code=1_39315

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil ENI SpA (minn hawn ‘il quddiem imsejħa ENI). ENI offriet li timpenja ruħha biex issib rimedju għat-tħassib dwar il-kompetizzjoni li esprimiet il-Kummissjoni f’Dikjarazzjoni ta’ Objettivi, u permezz ta’ din id-Deċiżjoni dawn l-impenji saru vinkolanti.

    2.   PROĊEDURA

    (2)

    Il-każ żviluppa wara li twettqu spezzjonijiet għal għarrieda fil-5 ta’ Mejju 2006 fl-istabbiliment ENI, fis-sussidjarji tagħha u fil-kumpaniji kkontrollati mill-ENI li huma attivi fit-twassil tal-gass fl-Italja u għal ġol-Italja. Fl-20 ta’ April 2007, il-Kummissjoni bdiet proċeduri taħt ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3) u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (4) Fis-6 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (DO) fejn esprimiet it-tħassib tagħha dwar dak li jirrigwarda l-kompetizzjoni (5) Id-DO ġiet notifikata lill-ENI permezz ta’ ittra datata 9 ta’ Marzu 2009. Fl-1 ta’ Ottubru 2009 l-ENI wieġbet u esprimiet nuqqas ta’ qbil mar-riżultati tad-DO. Fis-27 ta' Novembru kien hemm Smigħ Orali. Fl-4 ta’ Frar 2010 l-ENI ressqet l-impenji tagħha lill-Kummissjoni bħala tweġiba għat-tħassib espress fid-DO (6) Fil-5 ta’ Marzu 2010 ġie ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, li jagħti sommarju tat-tħassib tal-Kummissjoni kif ukoll tal-impenji proposti, u jistieden lil partijiet terzi interessati biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-impenji fi żmien xahar wara d-data tal-publikazzjoni (7) Fis-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni infurmat lill-ENI dwar l-osservazzjonijiet li rċeviet minn partijiet terzi interessati wara l-pubblikazzjoni tal-avviż. Fl-10 ta’ Mejju 2010, l-ENI ressqet xi kjarifiki dwar l-osservazzjonijiet ta' partijiet terzi. Fl-24 ta’ Mejju 2010, il-kumpanija ressqet iktar informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru. 1/2003.

    (3)

    Fit-8 ta’ Lulju 2010, ENI bagħtet verżjoni emendata tal-impenji li tikkunsidra t-tweġibiet għall-prova fis-suq (minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-impenji finali).

    (4)

    Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Ristrettivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti taw opinjoni favorevoli fit-9 ta’ Settembru 2010 (8) L-Uffiċjal inkarigat mis-Smigħ ressaq ir-rapport finali tiegħu fit-13 ta' Settembru 2010 (9)

    3.   TĦASSIB LI ĠIE IDENTIFIKAT FID-DIKJARAZZJONI TA' OĠĠEZZJONIJIET

    (5)

    Id-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni li ENI setgħet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fit-termini tal-Artikolu 102 TFUE billi implimentat strateġija ta’ rifjut ta’ forniment sistematika u kostruttiva fuq il-linji ta’ pajpijiet internazzjonali tagħha li jwasslu l-gass fl-Italja, b’mod speċifiku fuq il-pajpijiet tat-TENP (10), Transitgas (11) u tat-TAG (12)

    (6)

    Jista’ jkun li l-istrateġija ta’ rifjut ta’ forniment sistematika u kostruttiva naqqset l-opportunitajiet tal-kompetituri ta’ ENI li jittrasportaw il-gass fl-Italja permezz tan-netwerk internazzjonali tagħha (billi ħażnet il-kapaċità, billi offriet l-istess kapaċità b’mod inqas attraenti u billi b’mod strateġiku illimitat l-investimenti f’iktar kapaċità). Għaldaqstant, l-għeluq tal-aċċess għal-linji ta' pajpijiet użati għall-importazzjoni jirrestrinġi l-kapaċità u l-inċentivi tal-kompetituri biex jiżviluppaw kompetizzjoni effettiva 'l isfel fil-katina tas-swieq ta’ forniment tal-gass fl-Italja. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ENI jista’ jkun li applikat strateġija li deliberatament iżżomm ristretta l-kapaċità ta’ trasport internazzjonali sabiex tillimita l-importazzjoni ta’ gass minn partijiet terzi fl-Italja u tipproteġi l-profitti tagħha 'l isfel fil-katina tas-swieq ta’ forniment tal-gass fl-Italja. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, f’dan il-każ kif spjegat fid-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet, l-istrateġija ta’ rifjut ta’ forniment tista’ tkun ġejja mill-kunflitt ta’ interess inerenti li operatur dominanti bħall-ENI jiffaċċja meta jikkontrolla kemm it-trasmissjoni u fl-istess ħin anki l-fornitura ta’ gass. Din il-prattika tkun ta’ ħsara għall-klijenti tas-servizz ta’ trasport minn partijiet terzi, għall-kompetizzjoni u fl-aħħarnett għall-klijenti aħħarija 'l isfel fil-katina tas-swieq ta’ forniment tal-gass fl-Italja.

    4.   IMPENJI

    (7)

    L-ENI ħadet impenn li tbiegħ l-ishma attwali tagħha f’kumpaniji relatati mal-linji ta’ pajpijiet internazzjonali għat-trasmissjoni tal-gass (TENP, Transitgas u TAG) (13) lil xerrej xieraq li jkun indipendenti minn u bla konnessjoni ma’ ENI u li prima facie ma jqajjimx dubji marbuta mal-kompetizzjoni.

    (8)

    F’dak li jirrigwarda t-TAG, ENI se tbiegħ sehemha lil entità pubblika li hija direttament jew indirettament ikkontrollata mill-Gvern Taljan (14)

    (9)

    ENI qed tikkommetti ruħha wkoll li, fil-perjodu bejn it-22 ta' Diċembru u t-tmiem tal-bejgħ tal-ishma, ma tipprorogax jew ma ġġeddidx kwalunkwe kuntratt ta' trasport jew li ma tiffirma l-ebda kuntratt ta' trasport ġdid għall-benefiċċju tagħha bħala trasportatur fuq il-linji ta’ pajpijiet tat-TAG, TENP u Transitgas, ħlief għal xi rkanti possibbli fil-futur u proċeduri oħra ta’ sejħa pubblika għal offerti għal kapaċità ta’ trasport f’direzzjoni opposta, lejn swieq oħra li mhumiex is-suq Taljan.

    (10)

    L-impenji finali ta' ENI huma biżżejjed biex jispiċċa b'mod effettiv it-tħassib dwar il-kompetizzjoni li tqajjem fid-DO. It-tħassib jispiċċa peress li l-imġieba antikompetittiva ta’ ENI kienet tirriżulta mill-interess tagħha li tipproteġi l-marġini ta' forniment filwaqt li tittraskura d-dħul mit-trasport. F’dan ir-rigward, sakemm l-ishma fil-linji tal-pajpijiet jinbiegħu lil xerrejja xierqa li huma indipendenti minn u mingħajr konnessjoni ma’ ENI, u li prima facie ma jqajjmux dubji marbuta ma' kompetizzjoni, ir-rimedji proposti huma xierqa biex jissolva dan il-kunflitt ta' interess strutturali li jirriżulta mill-integrazzjoni vertikali tal-kumpanija.

    (11)

    L-impenji stabbiliti fl-aħħar formula tagħhom huma meħtieġa wkoll peress li l-ebda miżura li tirrigwarda l-imġieba ma tista' tkun daqshekk effettiva daqs il-bejgħ tal-interessi ta’ ENI fit-TSO, biex jitneħħa kull tħassib li ġie preċedentement espress. L-impenn ta’ ENI li tbiegħ l-ishma tagħha fil-linji ta’ pajpjiet internazzjonali ta’ trasmissjoni ta' gass (TENP, Transitgas u TAG) huwa miżura strutturali tat-tip maħsub mid-DO. Mingħajr dan ir-rimedju strutturali, ma kienux se jitneħħew l-inċentivi għal kumpanija tal-gass b'integrazzjoni vertikali biex tkompli tadotta imġieba antikompetittiva, bir-riżultat li kien se jkun hemm ir-riskju li l-allegat ksur ma kienx se jintemm b’mod effettiv.

    (12)

    Minħabba n-numru kbir ta' klijenti 'l isfel fil-katina tas-swieq ta’ forniment tal-gass fl-Italja u d-dannu potenzjalment imdaqqas għal dawn il-klijenti, l-impenji għandhom jitqiesu bħala adegwati u proporzjonati.

    5.   KONKLUŻJONI

    (13)

    Fid-dawl tal-impenji proposti, din id-Deċiżjoni tikkonkludi li ma għadx hemm raġunijiet għal azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u, bla ħsara għall-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-proċedimenti f'dan il-każ għandhom għalhekk jintemmu.


    (1)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru, rispettivament, l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE. Is-sustanza taż-żewġ Artikoli ma nbidlitx. Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE, fejn xieraq, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82, rispettivament, tat-Trattat tal-KE.

    (2)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

    (3)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

    (4)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

    (5)  Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet tikkostitwixxi wkoll valutazzjoni preliminari skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

    (6)  Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

    (7)  ĠU C 55, 5.3.2010, p. 13.

    (8)  Ara paġina 5 ta' dan Il-Ġurnal Uffiċjali.

    (9)  Ara paġina 6 ta' dan Il-Ġurnal Uffiċjali.

    (10)  Il-linji ta' pajpijiet tat-TENP/Transitgas jippermettu l-importazzjoni fl-Italja, tal-gass mit-Tramuntana tal-Ewropa, billi jgħaddi mill-Ġermanja u l-Isvizzera Għal dak li jirrigwarda l-linji ta’ pajpijiet tat-Transitgas, l-ENI tikkontrolla dawn il-pajpijiet b’mod konġunt (flimkien ma' E.ON) Għaldaqstant, ENI tikkontrolla Gas Transport GmbH li għandha 49 % tal-kontroll fi Trans Europa Naturgas Pipeline GmbH, li hi s-sid u l-operatur tal-linji ta' pajpjiet tat-TENPENI tikkontrolla b’mod esklussiv it-TSO – Eni Gas Transport Deutschland SpA – li topera t-TENP għal dik il-parti tad-drittijiet ta' trasport miżmuma fl-ENI (jiġifieri fuq […] % tal-kapaċità tat-TENP).

    (11)  Għal dak li jirrigwarda l-linji ta’ pajpijiet tat-Transitgas, l-ENI tikkontrolla dawn il-pajpijiet b’mod konġunt (flimkien ma' Swissgas). ENI għandha 46 % tal-ishma fi Transitgas AG. ENI tikkontolla wkoll, b’mod esklussiv, it-TSO, Eni Gas Transport International SA (ENI GTI), li timmaniġġja u topera parti mit-Transitgas skont id-drittijiet ta’ kapaċità li għandha l-ENI fuq dik il-linja ta' pajpijiet (jiġifieri tipprovdi gas naturali għas-servizzi tat-trasport, inkluż il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq ta' bejn wieħed u ieħor […] % tal-kapaċità ta’ trasport li għandha l-ENI.

    (12)  Il-pajpijiet tat-TAG jippermettu l-importazzjoni tal-gass mir-Russja lejn l-Italja. ENI (flimkien ma’ OMV) tikkontrolla b’mod konġunt it-TSO (Trans Austria Gasleitung GmbH) li għandha d-drittijiet kollha ta’ trasport ta’ gass naturali permezz tal-linji ta’ pajpijiet TAG. ENI għandha l-jedd għal madwar […] % tad-drittijiet ta’ trasport, tal-kapaċità eżistenti fuq it-TAG.

    (13)  B’mod speċifiku, ENI ħadet impenn li tneħħi l-interessi tagħha fl-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni (it-TSO), u fejn xieraq fil-kumpaniji li jżommu l-ishma tat-TSO u huma l-proprjetarji tal-assi (vehicle companies).

    (14)  Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li Cassa Depositi e Prestiti Spa (minn hawn ‘il quddiem CDP) tista’ tiġi kkunsidrata bħala xerrej xieraq tat-TAG.


    Top